Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kun “Żeluż Għal Għemejjel Tajbin”!

Kun “Żeluż Għal Għemejjel Tajbin”!

“[Ġesù] ta lilu nnifsu għalina biex jeħlisna minn kull xorta taʼ ħażen u jnaddaf għalih innifsu poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.”—TITU 2:14.

1. X’jiġri fl-​inħawi tat-​tempju meta jasal Ġesù nhar l-​10 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K.?

 HUWA l-​10 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K., ftit jiem qabel iċ-​ċelebrazzjoni tal-​Qbiż. Qtajjaʼ t’aduraturi fl-​inħawi tat-​tempju f’Ġerusalemm qed iħarsu ’l quddiem għal din iċ-​ċelebrazzjoni. X’se jiġri meta jasal Ġesù? Tliet kittieba taʼ l-​Evanġelju—Mattew, Marku, u Luqa—kollha jixhdu li għat-​tieni darba Ġesù jixħet ’il barra lil dawk li qed ibigħu u jixtru hemmhekk. Hu jaqleb l-​imwejjed tas-​sarrafa tal-​flus u l-​bankijiet taʼ dawk li qed ibigħu l-​ħamiem. (Mt. 21:12; Mk. 11:15; Lq. 19:45) Iż-​żelu taʼ Ġesù ma naqasx mindu aġixxa b’mod simili tliet snin qabel.—Ġw. 2:13-17.

2, 3. Kif nafu li ż-​żelu taʼ Ġesù ma kienx limitat għal li jnaddaf it-​tempju?

2 Ir-​rakkont taʼ Mattew jindika li f’din l-​okkażjoni ż-​żelu taʼ Ġesù ma kienx limitat għal li jnaddaf it-​tempju. Kien ukoll qed ifejjaq lill-​għomja u liz-​zopop li ġew għandu hemmhekk. (Mt. 21:14) Il-​kitba taʼ Luqa tirreferi għal għemejjel oħrajn li wettaq Ġesù. “[Ġesù] kien imur kuljum jgħallem fit-​tempju.” (Lq. 19:47; 20:1) B’hekk, iż-​żelu taʼ Ġesù kien evidenti b’mod sinifikanti fil-​ministeru pubbliku tiegħu.

3 Iktar tard, l-​appostlu Pawlu kiteb lil Titu u spjega li Ġesù “ta lilu nnifsu għalina biex jeħlisna minn kull xorta taʼ ħażen u jnaddaf għalih innifsu poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.” (Titu 2:14) Illum, b’liema modi nistgħu nkunu ‘żelużi għal għemejjel tajbin’? U l-​eżempji tas-​slaten tajbin taʼ Ġuda kif jistgħu jinkuraġġuna?

Żelu għall-​Ippridkar u għat-​Tagħlim

4, 5. Erbaʼ slaten taʼ Ġuda b’liema modi wrew li kienu żelużi għal għemejjel tajbin?

4 Asa, Ġeħosafat, Ħeżekija, u Ġosija kollha organizzaw kampanji f’Ġuda biex jeqirdu għalkollox l-​idolatrija. Asa “neħħa l-​artali barranin u l-​postijiet għall-​qima u kisser il-​pilastri sagri u qaċċat l-​arbli sagri.” (2 Kron. 14:3) Ġeħosafat, biż-​żelu li kellu għall-​qima taʼ Ġeħova, “neħħa l-​postijiet għall-​qima u l-​arbli sagri minn Ġuda.”—2 Kron. 17:6; 19:3. a

5 Wara ċ-​ċelebrazzjoni solenni tal-​Qbiż organizzata minn Ħeżekija f’Ġerusalemm u li damet sejra sebat ijiem, “l-​Israelin kollha li kienu hemmhekk ħarġu lejn il-​bliet taʼ Ġuda, u kissru l-​pilastri sagri u qaċċtu l-​arbli sagri u ġarrfu l-​postijiet għall-​qima u l-​artali mill-​art kollha taʼ Ġuda u Benjamin u f’Efrajm u Manasse sakemm ma kien għad fadal xejn.” (2 Kron. 31:1) Iż-​żagħżugħ Ġosija sar sultan meta kellu biss tmien snin. L-​Iskrittura tgħid: “Fit-​tmien sena tar-​renju tiegħu, meta kien għadu tifel, beda jfittex lil Alla taʼ David, missieru; u fit-​tnax-il sena beda jnaddaf lil Ġuda u lil Ġerusalemm mill-​postijiet għall-​qima u mill-​arbli sagri u mix-​xbihat minquxin u mill-​istatwi magħmulin minn metall imdewweb.” (2 Kron. 34:3) Għaldaqstant, dawn l-​erbaʼ slaten ilkoll kienu żelużi għal għemejjel tajbin.

6. Il-​ministeru tagħna għala jistaʼ jitqabbel mal-​kampanji tas-​slaten leali taʼ Ġuda?

6 Illum, aħna bl-​istess mod nieħdu sehem f’kampanja biex ngħinu lin-​nies jeħilsu mit-​tagħlim reliġjuż falz, inkluż il-​prattika taʼ l-​idolatrija. Il-​ministeru tagħna minn dar għal dar ilaqqagħna maʼ kull xorta taʼ nies. (1 Tim. 2:4) Tfajla Asjatika tiftakar kif ommha kienet twettaq ir-​ritwali quddiem għadd taʼ xbihat fid-​dar tagħhom. Billi rraġunat li mhux ix-​xbihat kollha setgħu jirrappreżentaw lill-​Alla l-​veru, it-​tfajla spiss kienet titlob biex issir taf l-​identità vera tiegħu. Meta wieġbet għal taħbita fuq il-​bieb taʼ darha, hi sabet żewġ Xhieda li kienu lesti li jgħinuha ssir taf l-​isem kbir taʼ l-​Alla l-​veru, Ġeħova. U kemm kienet grata li saret taf il-​verità dwar l-​idoli! Issa hi turi żelu taʼ min ifaħħru billi tieħu sehem b’mod diliġenti fis-​servizz taʼ l-​għalqa, billi tgħin lil nies oħrajn spiritwalment.—Salm 83:18; 115:4-8; 1 Ġw. 5:21.

7. X’nistgħu nagħmlu biex nimitaw l-​għalliema li koprew il-​pajjiż kollu fi żmien Ġeħosafat?

7 Meta nieħdu sehem fil-​ministeru minn dar għal dar, kemm inkopruh bir-​reqqa t-​territorju assenjat lilna? Taʼ interess, fit-​tielet sena tar-​renju tiegħu, Ġeħosafat bagħat għal ħames prinċpijiet, disaʼ Leviti, u żewġ qassisin. Hu ġegħelhom jivvjaġġaw mal-​bliet kollha biex jgħallmu lin-​nies il-​liġijiet taʼ Ġeħova. Tant kienet effettiva l-​kampanja tagħhom li n-​nies tal-​ġnus taʼ madwarhom bdew jibżgħu minn Ġeħova. (Aqra t-2 Kronaki 17:9, 10.) Jekk inżuru d-​djar f’diversi ħinijiet u fi ġranet differenti nkunu nistgħu nitkellmu maʼ diversi membri tad-​dar li nżuru.

8. Kif nistgħu nespandu l-​għoti taʼ xiehda tagħna?

8 Fi żmienna, ħafna mill-​qaddejja t’Alla kienu lesti li jitilqu d-​djar tagħhom u jmorru jaqdu fejn hemm bżonn akbar għal Xhieda żelużi. Tistaʼ tagħmel hekk int? Xi wħud minna li ma jistgħux jitilqu minn pajjiżhom jistgħu jipprovaw jagħtu xiehda lin-​nies li jgħixu fl-​inħawi tagħhom imma li jitkellmu lingwa differenti. Minħabba l-​varjetà taʼ nazzjonalitajiet li jiltaqaʼ magħhom fit-​territorju tiegħu, Ron, li għandu 81 sena, tgħallem tislimiet bi 32 lingwa! Dan l-​aħħar iltaqaʼ maʼ koppja Afrikana fit-​triq u sellmilhom bil-​lingwa taʼ pajjiżhom, il-​Yoruba. Huma staqsew lil Ron jekk qattx kien mar l-​Afrika. Meta wieġeb le, huma staqsewh kif kien jaf il-​lingwa tagħhom. Dan wassal għal xiehda mill-​aħjar. Huma kienu lesti li jaċċettaw xi rivisti u kienu kuntenti li jagħtuh l-​indirizz tagħhom, li hu għaddieh lill-​kongregazzjoni lokali sabiex il-​koppja jkollha studju tal-​Bibbja.

9. Il-​qari mill-​Bibbja fil-​ministeru tagħna għala hu importanti? Agħti eżempju.

9 L-​għalliema li koprew il-​pajjiż kollu għall-​kmand taʼ Ġeħosafat kellhom magħhom “il-​ktieb tal-​liġi taʼ Ġeħova.” Madwar id-​dinja kollha aħna nistinkaw biex ngħallmu lin-​nies mill-​Bibbja, ladarba din hi l-​Kelma t’Alla. Aħna nagħmlu sforz speċjali biex nuru lil oħrajn il-​kliem eżatt mill-​Bibbja, billi nużawha fil-​ministeru tagħna. Inkwilina spjegat lil Linda, waħda mix-​Xhieda, li żewġha kienet tatu puplesija u kellu bżonn l-​attenzjoni tagħha. L-​inkwilina lmentat: “Ma nafx x’għamilt jien biex Alla jippermetti li jiġrili dan.” Linda wieġbet: “Nistaʼ nassigurak minn xi ħaġa?” Imbagħad qrat il-​kliem taʼ Ġakbu 1:13 u żiedet: “Is-​sofferenza kollha li nesperjenzaw aħna u l-​maħbubin tagħna m’hijiex kastig minn Alla.” X’ħin semgħet hekk, l-​inkwilina għannqet lil Linda b’mod kordjali. Linda tirrikonoxxi dan: “Stajt nagħti faraġ billi nuża l-​Bibbja. Kultant il-​versi li naqraw mill-​Bibbja huma dawk li l-​inkwilin qatt ma jkun semagħhom qabel.” Din il-​konversazzjoni wasslet għal studju regulari tal-​Bibbja fid-​dar maʼ din il-​mara.

Żgħażagħ li Jaqdu biż-​Żelu

10. Ġosija kif kien t’eżempju tajjeb għaż-​żgħażagħ Kristjani llum?

10 Billi nerġgħu nirreferu għall-​eżempju taʼ Ġosija, aħna ninnotaw li hu pprattika l-​qima vera bħala żagħżugħ u kellu madwar 20 sena meta beda l-​kampanja estensiva tiegħu kontra l-​idolatrija. (Aqra t-2 Kronaki 34:1-3.) Illum, żgħażagħ bla għadd juru l-​istess żelu fis-​servizz tagħhom biex ixandru s-​Saltna.

11-13. Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu miż-​żgħażagħ taʼ żmienna li jaqdu lil Ġeħova biż-​żelu?

11 Hannah, li tgħix l-​Ingilterra, kellha 13-il sena u kienet qed tistudja l-​Franċiż fl-​iskola meta semgħet li grupp li jitkellem bil-​Franċiż kien ġie fformat f’belt fil-​qrib. Missierha qabel li jmur magħha biex tattendi l-​laqgħat hemmhekk. Issa li għandha 18-il sena, Hannah b’żelu qed tagħti xiehda bil-​Franċiż bħala pijuniera regulari. Tistaʼ int ukoll titgħallem lingwa barranija u tgħin lil nies oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova?

12 Rachel ħadet pjaċir ħafna tara l-​vidjo Pursue Goals That Honor God (Stinka Biex Tilħaq Miri li Jonoraw lil Alla). Waqt li tikkummenta fuq il-​mod kif kienet taħsibha meta bdiet taqdi lil Ġeħova lura fl-​1995, hi tgħid: “Kont naħseb li kont sejra tajjeb fil-​verità.” Imbagħad iżżid: “Wara li rajt dik id-​drama, jien issa nirrealizza li għal ħafna snin kont qed nagħmel biss l-​affarijiet bażiċi. Irrid niġġieled għall-​verità u naħseb sew u verament nagħmel sforz fis-​servizz u fl-​istudju persunali tiegħi.” Rachel issa tħoss li qed taqdi lil Ġeħova b’iktar żelu. X’esperjenzat minħabba f’hekk? “Ir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova saret iktar profonda. It-​talb tiegħi hu iktar sinifikanti, l-​istudju tiegħi iktar profond u iktar sodisfaċenti, u r-​rakkonti tal-​Bibbja huma iktar reali għalija. Minħabba f’hekk, il-​ministeru qed ingawdih ħafna u qed insib sodisfazzjon reali hekk kif nara l-​kliem taʼ Ġeħova jfarraġ lil oħrajn.”

13 Luke hu żagħżugħ li kien inkuraġġit minn drama oħra, Young People Ask—What Will I Do With My Life? (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—X’Se Nagħmel b’Ħajti?) Wara li ra din il-​preżentazzjoni, Luke jikteb: “Inħossni mqanqal biex nara x’qed nagħmel b’ħajti.” Hu jammetti: “Fil-​passat, kont pressat biex l-​ewwel infittex is-​sigurtà finanzjarja permezz t’edukazzjoni għolja u mbagħad niffoka fuq miri spiritwali. Pressjoni bħal din ma twassalx għal progress spiritwali; minflok, iddgħajjef lil dak li jkun.” Żgħażagħ irġiel u nisa, għala ma tarawx jekk tistgħux tużaw dak li tgħallimtu l-​iskola biex tespandu l-​ministeru tagħkom bħalma għamlet Hannah? U għala ma timitawx l-​eżempju taʼ Rachel billi tiġru biż-​żelu wara miri li verament jonoraw lil Alla? Segwu l-​eżempju taʼ Luke, billi tevitaw il-​perikli li kienu taʼ nasba għal ħafna żgħażagħ.

B’Żelu Agħti Kas it-​Twissijiet

14. Ġeħova liema tip taʼ qima jaċċetta, u llum għala hija sfida kbira li tagħmel dan?

14 In-​nies taʼ Ġeħova jeħtieġ li jkunu nodfa jekk iridu li l-​qima tagħhom tkun aċċettabbli għalih. Isaija jwissi: “Warrbu, warrbu, oħorġu minn hemmhekk, tmissu xejn li m’huwiex nadif; oħorġu minn ġo nofsha [Babilonja], ibqgħu nodfa, intom li qed iġġorru l-​għodod tad-​dar taʼ Ġeħova.” (Is. 52:11) Ħafna snin qabel ma Isaija kiteb dan il-​kliem, is-​Sultan Asa, li kien tajjeb, b’mod vigoruż organizza kampanja biex jeqred għalkollox l-​immoralità f’Ġuda. (Aqra l-1 Slaten 15:11-13.) U sekli wara, l-​appostlu Pawlu qal lil Titu li Ġesù ta lilu nnifsu biex inaddaf lis-​segwaċi tiegħu u jagħmilhom “poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.” (Titu 2:14) Fis-​soċjetà taʼ llum maħkuma mill-​vizzji, m’huwiex faċli—speċjalment għaż-​żgħażagħ—biex jibqgħu nodfa moralment. Per eżempju, il-​qaddejja kollha t’Alla, żgħar u kbar, iridu jiġġieldu biex jibqgħu ħelsin mit-​tinġis tal-​pornografija li tintwera fuq il-​kartelluni, fuq l-​iskrin tat-​televixin, fil-​films, u b’mod partikulari fuq l-​Internet.

15. X’jistaʼ jgħinna biex niżviluppaw mibegħda lejn dak li hu ħażin?

15 Iż-​żelu tagħna biex nagħtu kas it-​twissijiet t’Alla jistaʼ jgħinna niżviluppaw mibegħda lejn dak li hu ħażin. (Salm 97:10; Rum. 12:9) Għandna bżonn nistmerru l-​pornografija sabiex “neħilsu mill-​ġibda tagħha li hi qawwija daqs kalamita,” bħalma esprimieha wieħed Kristjan. Biex jifred biċċiet tal-​metall li hu bħal kalamita, dak li jkun għandu bżonn forza li hi iktar qawwija mill-​ġibda li żżommhom flimkien. Bl-​istess mod, hemm bżonn sforz qawwi biex tirreżisti l-​pornografija li tistaʼ tħajrek. Imma jekk nifhmu kemm tistaʼ tagħmlilna ħsara l-​pornografija niġu megħjunin biex niżviluppaw mibegħda lejha. Wieħed ħu għamel sforzi kbar biex jeħles mill-​vizzju tiegħu li jidħol f’siti pornografiċi fuq l-​Internet. Hu ħa l-​kompjuter persunali tiegħu f’post fejn setgħu jarawh il-​bqija tal-​familja tiegħu. Flimkien maʼ dan, hu personalment sar iktar determinat li jnaddaf ħajtu u jkun żeluż għal għemejjel tajbin. Hu saħansitra ħa pass ieħor. Peress li kellu juża l-​Internet għan-​negozju tiegħu, hu kien deċiż li se jidħol fih biss meta martu tkun maġenbu.

Il-​Valur taʼ Kondotta Tajba

16, 17. Il-​kondotta tajba tagħna x’effett jistaʼ jkollha fuq dawk li josservawna? Agħti eżempju.

16 Xi spirtu mill-​aħjar jeżisti fost iż-​żgħażagħ irġiel u nisa fis-​servizz taʼ Ġeħova, u kemm jimpressjonahom dan lil dawk li jarawhom! (Aqra l-1 Pietru 2:12.) Wieħed li mar il-​Betel taʼ Londra biddel il-​ħarsa kollha tiegħu lejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova wara li qattaʼ jum jagħmel il-​manutenzjoni fuq magna taʼ l-​istampar hemmhekk. Martu, li kienet qed tistudja l-​Bibbja maʼ waħda mix-​Xhieda lokali, innotat li żewġha biddel l-​attitudni tiegħu. Qabel, hu ma kienx ikun irid li x-​Xhieda jmorru d-​dar tiegħu. Imma hu mar lura wara li għamel dak ix-​xogħol f’Betel mimli tifħir għall-​mod kif kien ġie trattat b’qalb tajba. Hu kkummenta li ħadd ma qal kliem ħażin. Kulħadd kien paċenzjuż, u l-​atmosfera kienet paċifika. Hu kien impressjonat b’mod partikulari li ż-​żgħażagħ irġiel u nisa ħadmu biż-​żelu u mingħajr paga, u vvolontarjaw il-​ħin u l-​enerġija tagħhom biex jgħinu fl-​ippubblikar taʼ l-​aħbar tajba.

17 Bl-​istess mod, aħwa rġiel u nisa li jagħmlu xogħol sekulari biex jieħdu ħsieb il-​familji tagħhom jaħdmu b’ruħhom kollha. (Kol. 3:23, 24) Dan spiss iwassal biex l-​impjieg tagħhom ikun iktar fis-​sod, għax għal dawk li jimpjegawhom l-​attitudni kuxjenzjuża tagħhom hi taʼ valur kbir u ma jkunux iridu jitilfuhom bħala impjegati.

18. Kif nistgħu nkunu ‘żelużi għal għemejjel tajbin’?

18 Il-​fiduċja tagħna f’Ġeħova, l-​ubbidjenza tagħna lejn l-​istruzzjonijiet tiegħu, u l-​mod kif nieħdu ħsieb il-​postijiet tal-​laqgħat tagħna huma fost il-​modi li bihom nuru ż-​żelu għad-​dar taʼ Ġeħova. Iżjed minn hekk, aħna rridu li jkollna sehem sħiħ kemm jistaʼ jkun fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. Kemm jekk aħna żgħar u kemm jekk aħna kbar, billi nistinkaw biex nappoġġaw il-​livelli nodfa assoċjati mal-​qima tagħna, aħna se naħsdu ħafna benefiċċji. U se nkomplu nkunu magħrufin bħala poplu “żeluż għal għemejjel tajbin.”—Titu 2:14.

[Nota taʼ taħt]

a Asa neħħa l-​postijiet għall-​qima assoċjati mal-​qima taʼ l-​allat foloz imma mhux dawk fejn in-​nies kienu jqimu lil Ġeħova. Jew jistaʼ jkun li l-​postijiet għall-​qima reġgħu nbnew fl-​aħħar parti tar-​renju t’Asa u li dawn tneħħew minn ibnu Ġeħosafat.—1 Slat. 15:14; 2 Kron. 15:17.

Kemm minn eżempji Bibliċi u kemm minn dawk taʼ żmienna, x’tgħallimt int dwar

• kif turi ż-​żelu tiegħek billi tippriedka u tgħallem?

• kif iż-​żgħażagħ Kristjani jistgħu jkunu ‘żelużi għal għemejjel tajbin’?

• kif teħles minn drawwiet li jikkorrompu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Tużaha int regolarment il-​Bibbja fil-​ministeru tiegħek?

[Stampa f’paġna 15]

Jekk titgħallem titkellem lingwa oħra waqt li tkun l-​iskola tiġi megħjun biex tespandi l-​ministeru tiegħek