Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tistaʼ Ssib il-Ferħ Jekk Tibqaʼ Ma Tiżżewwiġx

Kif Tistaʼ Ssib il-Ferħ Jekk Tibqaʼ Ma Tiżżewwiġx

“U ŻŻEWĠU u għexu henjin għal dejjem.” Ħafna stejjer tat-​tfal jispiċċaw b’dan il-​kliem. Films u novelli romantiċi spiss jittrasmettu messaġġ simili—li ż-​żwieġ ifisser hena sa fl-​aħħar! Iktar minn hekk, ħafna kulturi jagħmlu ħafna pressjoni fuq iż-​żgħażagħ biex jiżżewġu. “In-​nies iġegħluk tħossok li l-​unika mira għal tfajla hi li tiżżewweġ,” qalet Debbie meta kellha madwar 25 sena. “Jgħaddu l-​messaġġ li l-​ħajja tibda wara ż-​żwieġ.”

Persuna spiritwali ma tarax l-​affarijiet b’mod daqshekk riġidu. Għalkemm iż-​żwieġ kien xi ħaġa normali fost l-​Israelin, il-​Bibbja titkellem dwar irġiel u nisa li baqgħu ma żżewġux u li kellhom ħajja premjanti ferm. Illum, xi Kristjani jagħżlu li jgħixu mingħajr ma jiżżewġu, filwaqt li ħafna oħrajn jibqgħu ma jiżżewġux minħabba ċ-​ċirkustanzi. Hi x’inhi r-​raġuni għala ma tiżżewwiġx, il-​mistoqsija importanti tibqaʼ l-​istess: Kristjan kif jistaʼ jkollu suċċess jekk jibqaʼ ma jiżżewwiġx?

Ġesù nnifsu ma żżewwiġx, u dan huwa loġiku meta tqis l-​inkarigu li kien ngħata. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu li xi wħud mis-​segwaċi tiegħu wkoll kienu se ‘jagħmlu l-​wisaʼ’ għal ħajja mingħajr żwieġ. (Mt. 19:10-12) B’hekk, Ġesù indika li sabiex ħajjitna tkun taʼ suċċess anki jekk ma niżżewġux, ikollna naċċettaw, jew nagħmlu l-​wisaʼ għal, dan il-​mod taʼ ħajja f’moħħna u f’qalbna.

Japplika biss il-​parir taʼ Ġesù għal min għażel minn jeddu li ma jiżżewwiġx sabiex ikun jistaʼ jikkonċentra bis-​sħiħ fuq inkarigi teokratiċi? (1 Kor. 7:34, 35) Mhux neċessarjament. Ikkunsidra s-​sitwazzjoni taʼ Kristjan li forsi jixtieq jiżżewweġ imma li bħalissa ma jistaʼ jsib lil ħadd adattat. “Reċentement, wieħed fuq ix-​xogħol li m’huwiex Xhud, mingħajr ma kont qed nistennieha, talabni niżżewġu,” tgħid Ana, oħt mhix miżżewġa li għandha ’l fuq minn 30 sena. “Sa ċertu punt ħadt gost, imma mbagħad malajr ikkontrollajt dak li kont qed inħoss minħabba li rrid niżżewweġ biss lil xi ħadd li se jressaqni eqreb lejn Ġeħova.”

Ix-xewqa li jiżżewġu “fil-​Mulej” tgħin lil ħafna aħwa nisa bħal Ana biex ma jiżżewġux lil min ma jemminx. a (1 Kor. 7:39; 2 Kor. 6:14) Minħabba li jirrispettaw il-​parir t’Alla, huma jagħmlu l-​wisaʼ biex ma jiżżewġux, għallinqas għalissa. Kif jistgħu jagħmlu dan b’suċċess?

Tgħallem Ħares Lejn il-​Pożittiv

L-​abbiltà li naċċettaw sitwazzjoni li għandha mnejn tidher li m’hijiex ideali tiddependi ħafna mill-​attitudni tagħna. “Jien nieħu pjaċir b’dak li għandi, u ma noqgħodx noħlom fuq dak li m’għandix,” tgħid Carmen, oħt li mhix miżżewġa u li għandha ’l fuq minn 40 sena. M’għandniex xi ngħidu, se jkun hemm mumenti meta se nħossuna waħedna jew frustrati. Imma l-​fatt li tkun taf li ħafna oħrajn qed jesperjenzaw affarijiet simili fil-​fratellanza kollha fid-​dinja jistaʼ jinkuraġġina sabiex nibqgħu mexjin ’il quddiem b’fiduċja. Ġeħova għen lil ħafna biex ikollhom suċċess minkejja li ma jiżżewġux u biex ikampaw maʼ sfidi oħrajn.—1 Pt. 5:9, 10.

Ħafna aħwa Kristjani skoprew il-​lat pożittiv taʼ li ma jkunux miżżewġin. “Naħseb li s-​sigriet taʼ l-​hena hu li tkun kapaċi tgawdi l-​aspetti pożittivi taʼ kwalunkwe sitwazzjoni li ssib ruħek fiha,” tgħid Ester, oħt mhix miżżewġa li għandha madwar 35 sena. “Nemmen li kemm jekk niżżewweġ u kemm jekk le, jekk inpoġġi l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel, Ġeħova mhux se jżomm lura xi ħaġa tajba minni,” iżżid Carmen. (Salm 84:11) “Ħajti forsi ma ġietx eżatt kif ippjanajt, imma jien ferħana u hekk se nibqaʼ.”

Eżempji Bibliċi taʼ Wħud li Ma Żżewġux

Bint Ġefta ma kinitx ippjanat li tibqaʼ ma tiżżewwiġx. Imma l-​wegħda taʼ missierha obbligatha biex taqdi fis-​santwarju minn żgħożitha ’l quddiem. Dan l-​inkarigu mhux mistenni bla dubju biddel il-​pjanijiet persunali tagħha u mar kontra s-​sentimenti naturali tagħha. Hi bkiet għal xahrejn sħaħ meta rrealizzat li ma kinitx se tiżżewweġ u jkollha familja. Minkejja dan, hi aċċettat is-​sitwazzjoni l-​ġdida tagħha u qdiet minn qalbha għall-​bqija taʼ ħajjitha. Nisa Israelin oħrajn faħħruha kull sena għall-​ispirtu taʼ sagrifiċċju tagħha.—Mħ. 11:36-40.

Xi wħud li kienu ewnuċi fiżikament fi żmien Isaija għandhom mnejn ħassewhom diżappuntati dwar iċ-​ċirkustanzi tagħhom. Il-​Bibbja ma tgħidx xi kkaġuna lil dawn biex ikunu ewnuċi. Imma minħabba li kienu hekk huma ma setgħux ikunu membri għalkollox tal-​kongregazzjoni taʼ Israel, u lanqas ma setgħu jiżżewġu u jkollhom it-​tfal. (Dt. 23:1) Xorta waħda, Ġeħova fehem is-​sentimenti tagħhom, u faħħar l-​ubbidjenza tagħhom b’ruħhom kollha għall-​patt tiegħu. Hu qalilhom li se jkollhom “monument” u “isem għal żmien indefinit” fid-​dar tiegħu. Fi kliem ieħor, dawn l-​ewnuċi leali kien se jkollhom it-​tama ċerta li jgawdu ħajja taʼ dejjem taħt il-​ħakma Messjanika taʼ Ġesù. Ġeħova qatt ma kien se jinsiehom.—Is. 56:3-5.

Iċ-ċirkustanzi taʼ Ġeremija kienu differenti ħafna. Wara li inkariga lil Ġeremija bħala profeta, Alla istruwieh biex jibqaʼ ma jiżżewwiġx minħabba ż-​żminijiet kritiċi li kien jgħix fihom u minħabba t-​tip taʼ l-​inkarigu li kellu. “La għandek tieħu lil xi ħadd b’martek,” qal Ġeħova, “u lanqas m’għandu jkollok tfal subien u bniet f’dan il-​post.” (Ġer. 16:1-4) Il-​Bibbja ma tirrivelax is-​sentimenti taʼ Ġeremija dwar dawn l-​istruzzjonijiet, għalkemm tassigurana li hu kien raġel li kien jitgħaxxaq bil-​kelma taʼ Ġeħova. (Ġer. 15:16) Iktar tard meta Ġeremija ssaporta l-​assedju li jkexkex taʼ Ġerusalemm li dam sena u nofs, hu bla dubju ra kemm kien għaqli li jobdi l-​kmand taʼ Ġeħova biex jibqaʼ ma jiżżewwiġx.—Lam. 4:4, 10.

Modi Kif Issebbaħ Ħajtek

Il-​karattri Bibliċi li semmejna qabel ma kinux miżżewġin, imma gawdew l-​appoġġ taʼ Ġeħova u ntefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom fis-​servizz tiegħu. Illum ukoll, attivitajiet sinifikanti jistgħu jikkontribwixxu ħafna biex insebbħu ħajjitna. Il-​Bibbja bassret li n-​nisa li jħabbru aħbar tajba kienu se jkunu armata kbira. (Salm 68:11) Fost dawn hemm eluf t’aħwa nisa li m’humiex miżżewġin. Hekk kif il-​ministeru tagħhom beda jagħti l-​frott, ħafna ġew imberkin bi wlied spiritwali.—Mk. 10:29, 30; 1 Tess. 2:7, 8.

“Ix-​xogħol taʼ pijunier jagħti direzzjoni lil ħajti,” tispjega Loli, li ilha taqdi f’dan is-​servizz għal 14-il sena. “Bħala oħt li m’iniex miżżewġa, għandi ħajja mimlija u attiva u din tgħinni biex ma nħossnix waħdi. Fl-​aħħar taʼ kull ġurnata nħossni sodisfatta għax nistaʼ nara li l-​ministeru tiegħi verament jgħin lin-​nies. Dan iġibli ħafna ferħ.”

Ħafna aħwa nisa setgħu jitgħallmu lingwa ġdida u kabbru l-​ministeru tagħhom billi ppridkaw lil uħud li jitkellmu lingwa barranija. “Fil-​belt fejn noqgħod, hemm eluf taʼ barranin,” tgħid Ana, li ssemmiet qabel. Hi tieħu pjaċir tippriedka lil uħud li jitkellmu bil-​Franċiż. “Minħabba li tgħallimt lingwa li nistaʼ nużaha biex nikkomunika maʼ ħafna minnhom infetaħli qasam ġdid t’attività u x-​xogħol tiegħi taʼ ppridkar sar interessanti ħafna.”

Peress li meta ma tkunx miżżewweġ ikollok inqas obbligi, xi wħud ħadu vantaġġ miċ-​ċirkustanzi tagħhom biex jaqdu fejn il-​bżonn hu akbar. “Nemmen b’qalbi kollha li iktar ma jkollok x’tagħmel fis-​servizz taʼ Ġeħova, iktar se jkun faċli biex ikollok ħbieb tal-​qalb u tħossok maħbuba,” tgħid Lidiana, oħt mhix miżżewġa li għandha madwar 35 sena u li qdiet fejn il-​bżonn hu akbar f’pajjiżi oħrajn. “Għamilt ħafna ħbieb tal-​qalb li ġejjin minn ambjenti u nazzjonalitajiet differenti, u dawn il-​ħbiberiji verament sebbħuli ħajti.”

Il-Bibbja ssemmi lil Filippu l-​evanġelizzatur li kellu erbat ibniet li ma kinux miżżewġin u li kienu jipprofetizzaw. (Atti 21:8, 9) Huma bilfors li kellhom spirtu żeluż bħal dak taʼ missierhom. Jistaʼ jkun li użaw l-​għotja taʼ pprofetizzar għall-​benefiċċju taʼ sħabhom il-​Kristjani f’Ċesarija? (1 Kor. 14:1, 3) Illum, ħafna aħwa nisa li m’humiex miżżewġin bl-​istess mod jinkuraġġixxu lil oħrajn billi jattendu u jipparteċipaw regolarment fil-​laqgħat Kristjani.

Mill-banda l-​oħra, Lidja kienet waħda mill-​Kristjani tal-​bidu f’Filippi li l-​Bibbja tfaħħarha għall-​ospitalità tagħha. (Atti 16:14, 15, 40) Lidja—li x’aktarx ma kinitx miżżewġa jew kienet armla—kellha spirtu ġeneruż li għenha tgawdi sħubija bnina maʼ indokraturi li jivvjaġġaw, bħal Pawlu, Sila, u Luqa. Li jkollok spirtu bħal dan iġib barkiet simili llum.

Nissodisfaw il-​Bżonn taʼ li Nkunu Maħbubin

Minbarra li jkollna attivitajiet sinifikanti li jimlewlna ħajjitna, ilkoll kemm aħna għandna bżonn nirċievu l-​imħabba u l-​affezzjoni. Dawk li m’humiex miżżewġin kif jistgħu jimlew dan il-​bżonn? L-​ewwel, Ġeħova huwa dejjem hemm biex iħobbna, isaħħaħna, u jismagħna. Is-​Sultan David kultant ħassu ‘waħdu u li kien qed isofri,’ u madankollu kien jaf li dejjem setaʼ jdur lejn Ġeħova għall-​appoġġ. (Salm 25:16; 55:22) “Kieku missieri u ommi stess jitilquni, Ġeħova jilqagħni għandu,” kiteb hu. (Salm 27:10) Alla jistieden lill-​qaddejja kollha tiegħu biex jersqu qrib lejh, biex isiru l-​ħbieb intimi tiegħu.—Salm 25:14; Ġak. 2:23; 4:8.

Barra minn hekk, fost il-​fratellanza madwar id-​dinja, aħna nistgħu nsibu missirijiet, ommijiet, aħwa rġiel, u aħwa nisa li l-​imħabba tagħhom issebbħilna ħajjitna. (Mt. 19:29; 1 Pt. 2:17) Ħafna Kristjani li m’humiex miżżewġin isibu sodisfazzjon kbir meta jsegwu l-​eżempju taʼ Dorka, li “kienet tagħmel ħafna għemejjel tajbin u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena.” (Atti 9:36, 39) “Immur fejn immur, infittex ħbieb veri fil-​kongregazzjoni li se jħobbuni u se jappoġġawni meta nħossni mdejqa,” tispjega Loli. “Biex insaħħaħ ħbiberiji bħal dawn, nipprova nuri mħabba lejn oħrajn u nuri interess fihom. Qdejt fi tmien kongregazzjonijiet differenti, u dejjem sibt ħbieb veri. Spiss ma jkunux aħwa nisa taʼ mpari—xi kultant ikunu nanniet jew adoloxxenti.” F’kull kongregazzjoni hemm dawk li għandhom bżonn l-​affezzjoni u l-​kumpanija. Meta nieħdu interess fi wħud bħal dawn niġu megħjunin u nistgħu nissodisfaw il-​bżonn tagħna stess taʼ li nħobbu u niġu maħbubin.—Lq. 6:38.

Alla Mhux Se Jinsa

Il-​Bibbja tindika li kull Kristjan irid jagħmel xi tip taʼ sagrifiċċju meta nqisu ż-​żminijiet diffiċli li qed ngħixu fihom. (1 Kor. 7:29-31) Dawk li jibqgħu ma jiżżewġux minħabba d-​determinazzjoni tagħhom li jobdu l-​kmand divin biex jiżżewġu biss fil-​Mulej żgur li jistħoqqilhom rispett u konsiderazzjoni speċjali. (Mt. 19:12) Madankollu, dan is-​sagrifiċċju taʼ min ifaħħru ma jfissirx li ma jistgħux igawdu ħajjithom bis-​sħiħ.

“Għandi ħajja sodisfaċenti li tiddependi mir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova u mis-​servizz tiegħi lilu,” tinnota Lidiana. “Naf nies miżżewġin li huma ferħanin u oħrajn li huma mdejqin. Din ir-​realtà tikkonvinċini li l-​ferħ ma jiddependix minn jekk fil-​futur niżżewwiġx jew le.” Bħalma qal Ġesù, l-​hena jiddependi prinċipalment milli tagħti u taqdi, xi ħaġa li l-​Kristjani kollha jistgħu jagħmlu.—Ġw. 13:14-17; Atti 20:35.

Bla dubju, l-​akbar raġuni tagħna għall-​ferħ hi l-​għarfien li Ġeħova se jberikna għal kwalunkwe sagrifiċċju li nagħmlu biex inwettqu r-​rieda tiegħu. Il-​Bibbja tassigurana: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu.”—Ebr. 6:10.

[Nota taʼ taħt]

a Għalkemm hawnhekk qed nirreferu għall-​aħwa Kristjani nisa, il-​prinċipji japplikaw ukoll għall-​aħwa rġiel.

[Kumment f’paġna 25]

“Jien nieħu pjaċir b’dak li għandi, u ma noqgħodx noħlom fuq dak li m’għandix.”—Carmen

[Stampa f’paġna 26]

Loli u Lidiana jieħdu pjaċir jaqdu fejn il-​bżonn hu akbar

[Stampa f’paġna 27]

Alla jistieden lill-​qaddejja kollha tiegħu biex jersqu qrib lejh