Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Ġesù kien ippriedka mal-​pajjiż kollu taʼ Israel. Għalhekk, l-​appostlu Pietru kif setaʼ jgħid li l-​Lhud u l-​ħakkiema tagħhom aġixxew “fl-​injoranza” meta qatluh?—Atti 3:17.

Meta kellem lil grupp taʼ Lhud dwar l-​irwol tagħhom fil-​mewt tal-​Messija, l-​appostlu Pietru qal: “Naf li dak li għamiltu għamiltuh fl-​injoranza, bħalma għamlu wkoll il-​ħakkiema tagħkom.” (Atti 3:14-17) Xi Lhud sempliċement ma fehmux lil Ġesù u t-​tagħlim tiegħu. Inkwantu għal oħrajn, il-​motivi wara l-​injoranza spiritwali tagħhom inkludew il-​fatt li ma kellhomx xewqa li jogħġbu lil Alla, kif ukoll il-​preġudizzju, l-​għira, u l-​mibegħda.

Ikkunsidra kif il-​fatt li ma kellhomx xewqa li jogħġbu lil Ġeħova effettwa l-​ħarsa li kellhom ħafna lejn it-​tagħlim taʼ Ġesù. Ġesù spiss kien jgħallem bit-​tixbihat, li kien jispjegahom lil kulmin kien jixtieq jitgħallem iktar. Iżda, xi wħud minnhom sempliċement telqu ’l hemm u ma tantx għamlu sforz biex jifhmu. Darba minnhom, saħansitra xi dixxipli ħadu għalihom minħabba espressjoni figurattiva li uża Ġesù. (Ġw. 6:52-66) Uħud bħal dawn ma rrealizzawx li t-​tixbihat taʼ Ġesù ttestjaw kemm kienu lesti li jbiddlu l-​ħsieb u l-​aġir tagħhom. (Is. 6:9, 10; 44:18; Mt. 13:10-15) Huma injoraw ukoll profezija dwar li l-​Messija kellu juża t-​tixbihat fit-​tagħlim tiegħu.—Salm 78:2.

Minħabba l-​preġudizzju, oħrajn ċaħdu t-​tagħlim taʼ Ġesù. Meta għallem fis-​sinagoga tal-​belt tiegħu, Nazaret, in-​nies “stagħġbu.” Imma minflok m’aċċettaw lil Ġesù bħala l-​Messija, huma qajmu xi mistoqsijiet dwar it-​trobbija tiegħu: “Dan ir-​raġel minfejn ġab dan kollu? . . . Dan mhux il-​mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġużeppi u Ġuda u Xmun? U ħutu l-​bniet m’humiex qegħdin hawnhekk magħna?” (Mk. 6:1-3) It-​tagħlim taʼ Ġesù ma kien jiswa xejn f’għajnejn in-​nies taʼ Nazaret minħabba t-​trobbija umli tiegħu.

Xi ngħidu għall-​mexxejja reliġjużi? Il-​biċċa l-​kbira minnhom ftit li xejn taw kas Ġesù għal raġunijiet simili. (Ġw. 7:47-52) It-​tagħlim tiegħu ċaħduh ukoll għaliex kienu jgħiru għal Ġesù, minħabba li kien qed jirċievi ħafna attenzjoni min-​nies. (Mk. 15:10) U ħafna wħud prominenti żgur li rreaġixxew ħażin meta kkundannahom għall-​ipokrisija u l-​qerq tagħhom. (Mt. 23:13-36) Ġesù bix-​xieraq ikkundanna l-​injoranza intenzjonata tagħhom meta qal: “Gwaj għalikom intom li tafu l-​Liġi, għax ħadtu l-​muftieħ taʼ l-​għarfien; intom stess ma dħaltux [fis-Saltna], u lil min kien dieħel fixkiltuh!”—Lq. 11:37-52.

Għal tliet snin u nofs, Ġesù ppriedka l-​aħbar tajba fil-​pajjiż. Hu ħarreġ ukoll lil ħafna oħrajn biex jieħdu sehem f’dan ix-​xogħol. (Lq. 9:1, 2; 10:1, 16, 17) Ġesù u d-​dixxipli tiegħu tant kienu effettivi li l-​Fariżej ilmentaw: “Ara, id-​dinja kollha marret warajh!” (Ġw. 12:19) Għalhekk, m’aħniex ngħidu li l-​biċċa l-​kbira mil-​Lhud ma kienu jafu assolutament xejn. Madankollu, huma baqgħu bażikament “fl-​injoranza” dwar Ġesù bħala l-​Messija. Setgħu kabbru l-​għarfien tagħhom dwar il-​Messija u l-​imħabba tagħhom għalih, imma m’għamlux hekk. Xi wħud saru kompliċi fil-​mewt taʼ Ġesù. Għaldaqstant, l-​appostlu Pietru ħeġġeġ lil ħafna minnhom: “Għalhekk, indmu u duru lura sabiex dnubietkom jitħassrulkom, u b’hekk jiġu staġuni taʼ serħan mingħand Ġeħova nnifsu u jibgħat lil Ġesù, il-​Kristu li nħatar għalikom.” (Atti 3:19, 20) Taʼ min jinnota li eluf taʼ Lhud bdew jagħtu kas, inkluż “folla kbira taʼ qassisin.” M’aġixxewx iktar fl-​injoranza. Minflok, huma nidmu u kisbu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Atti 2:41; 4:4; 5:14; 6:7.