Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imita lil Ġesù—Għallem bl-Imħabba

Imita lil Ġesù—Għallem bl-Imħabba

“Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.”—ĠW. 7:46.

1. In-​nies kif irreaġixxew għall-​mod kif għallem Ġesù?

 IMMAĠINA kemm kien eċċitanti li tismaʼ lil Ġesù jgħallem! Fil-​Bibbja naqraw dwar l-​impatt li kellu fuq dawk li ltaqgħu miegħu. Per eżempju, Luqa, wieħed mill-​kittieba taʼ l-​Evanġelji, jirrakkonta li n-​nies taʼ Nazaret “bdew . . . jistagħġbu bil-​kliem ħelu li ħareġ minn fommu.” Mattew jirrapporta li dawk li semgħu lil Ġesù waqt li kien qed jgħallem fil-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja “baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom.” U Ġwanni josserva li l-​uffiċjali li ntbagħtu biex jarrestaw lil Ġesù marru lura idhom vojta, għax qalu: “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.”—Lq. 4:22; Mt. 7:28; Ġw. 7:46.

2. Ġesù liema metodi taʼ tagħlim uża?

2 Dawk l-​uffiċjali ma ħadux żball. Ġesù kien bla dubju l-​aqwa Għalliem li qatt għex. Hu għallem b’mod ċar u sempliċi, u ħadd ma setaʼ jmieri l-​loġika tiegħu. Kien juża tixbihat u mistoqsijiet bis-​sengħa. Kien jadatta t-​tagħlim tiegħu għal dawk li tkellem magħhom, sew jekk kellhom pożizzjoni għolja u sew jekk kienu nies komuni. Il-​veritajiet li għallem kienu faċli biex tifhimhom, u madankollu kienu verament profondi. Madankollu, ma kinux dawn l-​affarijiet biss li għamlu lil Ġesù l-​Għalliem kbir li kien.

Kwalità Importanti —l-​Imħabba

3. Bħala għalliem, Ġesù kif kien differenti mill-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu?

3 Bla dubju, fost l-​iskribi u l-​Fariżej kien hemm irġiel intelliġenti li kellhom l-​għarfien u s-​sengħa biex jgħadduh lil ħaddieħor. X’kien li għamel il-​mod kif għallem Ġesù daqshekk differenti minn tagħhom? Il-​mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-​żmien ma kellhomx imħabba għan-​nies komuni. Minflok, iddisprezzawhom, billi qisuhom bħala li kienu ‘misħutin.’ (Ġw. 7:49) B’kuntrast, Ġesù tħassarhom, għax kienu “maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mt. 9:36) Hu kien teneru, mimli mogħdrija, u qalbu tajba. Iżjed minn hekk, il-​mexxejja reliġjużi ma kellhomx imħabba vera għal Alla. (Ġw. 5:42) Madankollu, Ġesù kien iħobbu lil Missieru u kien jitgħaxxaq jagħmel ir-​rieda Tiegħu. Il-​mexxejja reliġjużi għawġu l-​kliem t’Alla kif kien jaqblilhom, imma Ġesù kien iħobb “il-​kelma t’Alla”—għallimha, spjegaha, iddefendieha, u għexha. (Lq. 11:28) Iva, il-​Kristu wera mħabba profonda f’dak li għallem, fil-​mod kif ittratta lin-​nies, u kif istruwiehom.

4, 5. (a) Għala hu importanti li ngħallmu bl-​imħabba? (b) Fit-​tagħlim, l-​għarfien u s-​sengħa għala huma importanti wkoll?

4 Xi ngħidu għalina? Bħala segwaċi taʼ Kristu, aħna nixtiequ nimitawh fil-​ministeru tagħna u f’ħajjitna. (1 Pt. 2:21) B’hekk, il-​mira tagħna m’hijiex biss li ngħaddu l-​għarfien tal-​Bibbja lil ħaddieħor imma wkoll li nirriflettu l-​kwalitajiet taʼ Ġeħova, speċjalment imħabbtu. Sew jekk għandna ħafna għarfien u sew jekk ftit, sew jekk aħna tas-​sengħa biex ngħallmu u sew jekk aħna limitati, l-​imħabba li nuru se tgħinna nilħqu l-​qlub taʼ dawk li nippridkawlhom. Sabiex inkunu verament effettivi fix-​xogħol tagħna taʼ li nagħmlu dixxipli rridu nimitaw lil Ġesù billi ngħallmu bl-​imħabba.

5 M’għandniex xi ngħidu, biex inkunu għalliema tajbin jeħtieġ li jkollna għarfien dwar is-​suġġett tagħna u jeħtieġ li jkollna s-​sengħa biex ngħaddu dan l-​għarfien lil ħaddieħor. Ġesù għen lid-​dixxipli tiegħu biex jiksbuhom it-​tnejn li huma, u Ġeħova, permezz taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu, illum qed jgħinna biex nagħmlu hekk. (Aqra Isaija 54:13; Luqa 12:42.) Xorta waħda, għandu jkollna l-​mira li ma ngħallmux biss bi mħuħna imma wkoll bi qlubna. Meta l-​għarfien, is-​sengħa, u l-​imħabba jaħdmu flimkien, ir-​riżultati jistgħu jkunu sodisfaċenti ferm. Allura, aħna b’liema modi nistgħu nuru l-​imħabba meta ngħallmu? Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kif għamluh dan? Ejja naraw.

Irridu Nħobbu lil Ġeħova

6. Kif nitkellmu dwar xi ħadd li nħobbuh?

6 Aħna nieħdu pjaċir nitkellmu dwar l-​affarijiet li nħobbu. Meta nitkellmu dwar xi ħaġa li hi għal qalbna nħossuna mqanqlin u l-​attitudni tagħna tirrifletti l-​entużjażmu u l-​hena tagħna. Dan hu minnu speċjalment meta nitkellmu dwar xi individwu li nħobbuh. Ġeneralment, aħna nkunu ħerqanin biex naqsmu m’oħrajn dak li nafu dwar dan l-​individwu. Aħna nfaħħruh, nonorawh, u niddefenduh. Dan nagħmluh għax irridu li oħrajn iħossuhom miġbudin lejn dan l-​individwu u l-​kwalitajiet tiegħu daqskemm aħna aħna.

7. L-​imħabba taʼ Ġesù għal Alla x’qanqlitu biex jagħmel?

7 Qabel ma nkunu nistgħu nikkultivaw l-​imħabba għal Ġeħova f’oħrajn, irridu nkunu nafuh u nħobbuh aħna stess. Fuq kollox, il-​qima vera hi bbażata fuq l-​imħabba għal Alla. (Mt. 22:36-38) Ġesù stabbilixxa eżempju perfett. Hu ħabb lil Ġeħova b’qalbu kollha, b’moħħu kollu, b’ruħu kollha, u b’saħħtu kollha. Peress li x’aktarx li qattaʼ biljuni taʼ snin fis-​sema maʼ Missieru tas-​sema, Ġesù kien jafu sew. X’kien ir-​riżultat? “Jien inħobb lill-​Missier,” qal Ġesù. (Ġw. 14:31) Din l-​imħabba kienet riflessa f’kulma qal u għamel Ġesù. Qanqlitu biex jagħmel dejjem l-​affarijiet li jogħġbu lil Alla. (Ġw. 8:29) Ġegħlitu jakkuża lill-​mexxejja reliġjużi li sostnew b’ipokrisija li jirrappreżentaw lil Alla. Qanqlitu wkoll biex jitkellem dwar Ġeħova u biex jgħin lil oħrajn ikunu jafu u jħobbu lil Alla.

8. L-​imħabba għal Alla x’qanqlithom biex jagħmlu lid-​dixxipli taʼ Ġesù?

8 Bħal Ġesù, id-​dixxipli tiegħu taʼ l-​ewwel seklu kienu jħobbu lil Ġeħova, u din l-​imħabba qanqlithom biex jippridkaw l-​aħbar tajba bil-​kuraġġ u biż-​żelu. Huma mlew Ġerusalemm bit-​tagħlim tagħhom, avolja l-​mexxejja reliġjużi potenti opponewhom. Id-​dixxipli sempliċement ma setgħux jieqfu jitkellmu dwar l-​affarijiet li kienu raw u semgħu. (Atti 4:20; 5:28) Kienu jafu li Ġeħova kien magħhom u kien se jberikhom—u verament berikhom! Fil-​fatt, inqas minn 30 sena wara l-​mewt taʼ Ġesù, l-​appostlu Pawlu setaʼ jikteb li l-​aħbar tajba kienet ġiet pridkata “fil-​ħolqien kollu li hu taħt is-​sema.”—Kol. 1:23.

9. Kif nistgħu nsaħħu mħabbitna għal Alla?

9 Jekk irridu nkunu għalliema verament effettivi, aħna wkoll jeħtieġ li nkunu ċerti li nkomplu nsaħħu mħabbitna għal Alla. Kif nistgħu nagħmluh dan? Billi spiss nikkomunikaw m’Alla permezz tat-​talb. Ukoll, insaħħu mħabbitna lejn Alla billi nistudjaw il-​Kelma tiegħu, billi naqraw pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja, u billi nattendu l-​laqgħat Kristjani. Hekk kif nikbru fl-​għarfien dwar Alla, qlubna jimtlew bi mħabba għalih. Imbagħad, hekk kif nesprimu mħabbitna għal Alla b’dak li ngħidu u nagħmlu, oħrajn se josservaw dan u għandhom mnejn jinġibdu lejn Ġeħova.—Aqra Salm 104:33, 34.

Irridu Nħobbu Dak li Ngħallmu

10. X’inhi l-​ħaġa li tagħmel lil individwu għalliem tajjeb?

10 Xi ħaġa li tagħmel lil individwu għalliem tajjeb hi li jkun iħobb dak li jgħallem. Hu jrid jemmen li dak li jgħallem hu veru, jiswa, u li hu taʼ valur. Jekk għalliem ikun jimpurtah minn dak li jgħallem, l-​entużjażmu tiegħu se jkun evidenti, u se jkollu influwenza qawwija fuq dawk li jgħallimhom. Mill-​banda l-​oħra, jekk għalliem ma japprezzax verament dak li jgħallem, kif jistaʼ jistenna li l-​istudenti tiegħu jqisu dak li qed jisimgħu bħala li hu taʼ valur? Qatt m’għandek tnaqqas l-​importanza taʼ l-​eżempju tiegħek bħala għalliem tal-​Kelma t’Alla. Ġesù qal: “Kull student imħarreġ tajjeb ikun bħall-​għalliem tiegħu.”—Lq. 6:40, The New Berkeley Version in Modern English.

11. Ġesù għala ħabb dak li għallem?

11 Ġesù ħabb dak li għallem. Hu kien jaf li kellu xi ħaġa prezzjuża x’jaqsam maʼ ħaddieħor—il-​verità dwar Missieru tas-​sema, l-​istess “kliem t’Alla” u l-​“kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:34; 6:68) Bħal dawl qawwi, il-​veritajiet li għallem Ġesù kixfu dak li hu ħażin u enfasizzaw dak li hu tajjeb. Ġabu tama u faraġ lill-​umli li ġew imqarrqin minn mexxejja reliġjużi foloz u maħqurin mix-​Xitan. (Atti 10:38) L-​imħabba li kellu Ġesù għall-​verità ma tinsabx biss fit-​tagħlim tiegħu imma wkoll f’kulma għamel.

12. L-​appostlu Pawlu kif ħassu dwar l-​aħbar tajba?

12 Bħal Ġesù, id-​dixxipli tiegħu tant ħabbewha u qisuha taʼ valur il-​verità dwar Ġeħova u Kristu li dawk li opponewhom ma setgħux jiskuraġġuhom milli jgħidu lil oħrajn dwarha. Pawlu kiteb lil sħabu l-​Kristjani f’Ruma: “Jien ħerqan li nxandar l-​aħbar tajba . . . [Għax] jien ma nistħix minħabba l-​aħbar tajba; fil-​fatt, hi l-​qawwa t’Alla għas-​salvazzjoni taʼ kulmin għandu l-​fidi.” (Rum. 1:15, 16) Pawlu kkunsidrah bħala unur li jxandar il-​verità. Hu kiteb: “Lili, . . . intwerietli din il-​qalb tajba mhix mistħoqqa: li nxandar lill-​ġnus l-​aħbar tajba dwar ir-​rikkezzi bla tarf tal-​Kristu.” (Efes. 3:8) M’huwiex diffiċli li timmaġina l-​entużjażmu taʼ Pawlu hekk kif għallem lil oħrajn dwar Ġeħova u l-​iskopijiet Tiegħu.

13. X’raġunijiet hemm biex inħobbu l-​aħbar tajba?

13 Bis-​saħħa taʼ l-​aħbar tajba li nsibu fil-​Kelma t’Alla nistgħu nsiru nafu lill-​Ħallieq u nidħlu f’relazzjoni kollha mħabba miegħu. Din l-​aħbar tajba tipprovdi tweġibiet sodisfaċenti għall-​mistoqsijiet importanti tal-​ħajja u għandha l-​qawwa li tbiddlilna ħajjitna, tagħtina tama, u ssaħħaħna fi żminijiet t’għawġ. Iżjed minn hekk, tindikalna t-​triq għal ħajja sinifikanti li ma tintemm qatt. M’hemm ebda għarfien li hu iktar prezzjuż jew iktar importanti mill-​aħbar tajba. Hi għotja imprezzabbli li ngħatatilna u li ġġibilna ferħ kbir. U l-​ferħ tagħna jiżdied meta naqsmu din l-​għotja m’oħrajn.—Atti 20:35.

14. Kif nistgħu nsaħħu mħabbitna għal dak li ngħallmu?

14 X’tistaʼ tagħmel biex issaħħaħ saħansitra iktar imħabbtek għall-​aħbar tajba? Waqt li tkun qed taqra l-​Kelma t’Alla, kultant ieqaf biex tirrifletti fuq dak li taqra. Per eżempju, immaġinak qed takkumpanja lil Ġesù matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art jew qed tivvjaġġa flimkien maʼ l-​appostlu Pawlu. Immaġina lilek innifsek fid-​dinja l-​ġdida, u ġib quddiem għajnejk kemm se tkun differenti l-​ħajja. Irrifletti fuq il-​barkiet li rċivejt għax obdejt l-​aħbar tajba. Jekk imħabbtek għall-​aħbar tajba żżommha b’saħħitha, dawk li tgħallimhom jindunaw b’din l-​imħabba. Għalhekk, bir-​raġun, aħna għandna naħsbu fil-​fond fuq dak li tgħallimna u noqogħdu attenti għal dak li ngħallmu.—Aqra l-1 Timotju 4:15, 16.

Irridu Nħobbu lin-​Nies

15. Għalliem għala għandu jħobb lill-​istudenti tiegħu?

15 Għalliem tajjeb iġegħelhom iħossuhom komdi lill-​istudenti tiegħu, u b’hekk ikunu ħerqanin biex jinvolvu ruħhom f’dak li jkunu qed jitgħallmu u jkunu henjin biex jesprimu ruħhom. Għalliem li jħobb, jgħaddi l-​għarfien lill-​istudenti tiegħu għaliex jimpurtah ġenwinament minnhom. Hu jadatta t-​tagħlim tiegħu għall-​ħtiġijiet tagħhom u għal skond kemm jifhmu. Hu sensittiv għall-​abbiltajiet u ċ-​ċirkustanzi taʼ l-​istudenti tiegħu. Meta l-​għalliema jkollhom imħabba bħal din, l-​istudenti jindunaw, u sew min jgħallem u sew min jitgħallem jieħu gost.

16. Ġesù b’liema modi wera l-​imħabba lejn in-​nies?

16 Ġesù wera din ix-​xorta taʼ mħabba. L-​akbar espressjoni taʼ mħabbtu kienet li jagħti l-​ħajja perfetta tiegħu bħala bniedem sabiex oħrajn jiġu salvati. (Ġw. 15:13) Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù ma kienx jegħja jgħin lin-​nies fiżikament u speċjalment spiritwalment. Minflok ma kien jistenna li n-​nies imorru għandu, hu vvjaġġa mijiet taʼ kilometri bil-​mixi biex jaqsam l-​aħbar tajba magħhom. (Mt. 4:23-25; Lq. 8:1) Hu kien paċenzjuż u komprensiv. Meta d-​dixxipli tiegħu kellhom bżonn il-​korrezzjoni, hu tahielhom bl-​imħabba. (Mk. 9:33-37) Hu inkuraġġiehom billi esprima l-​fiduċja tiegħu li huma kienu se jkunu predikaturi effettivi taʼ l-​aħbar tajba. Qatt ma kien hawn bniedem li kien għalliem li jħobb iktar minn Ġesù. L-​imħabba li wera lejn id-​dixxipli tiegħu, mill-​banda l-​oħra, ġegħlithom iħobbuh u jħarsu l-​kmandamenti tiegħu.—Aqra Ġwanni 14:15.

17. Id-​dixxipli taʼ Ġesù kif urew l-​imħabba lejn oħrajn?

17 Bħal Ġesù, id-​dixxipli tiegħu wrew imħabba profonda u affezzjoni lejn dawk li ppridkawlhom. Filwaqt li ssaportew il-​persekuzzjoni u rriskjaw li jmutu, huma qdew lil oħrajn u rnexxielhom jippridkaw l-​aħbar tajba. X’affezzjoni ħassew għal dawk li għenu spiritwalment! Kommoventi tabilħaqq hu l-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu, li kiteb: “Ġibna ruħna b’mod ġentili fostkom, bħal kif omm li treddaʼ tgħożż lil uliedha. Għalhekk, peress li għandna affezzjoni tenera lejkom, konna kuntenti ħafna li mhux biss nagħtukom l-​aħbar tajba t’Alla, imma wkoll ruħna stess, għax sirtu għeżież għalina.”—1 Tess. 2:7, 8.

18, 19. (a) Aħna għala nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji biex inwettqu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar? (b) Agħti eżempju biex turi li l-​imħabba li nuru tiġi notata minn oħrajn.

18 B’mod simili, fi żmienna, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jippridkaw fl-​art kollha biex ifittxu lil dawk li jixxennqu sabiex ikunu jafu u jaqdu lil Alla. Fil-​fatt, għal dawn l-​aħħar 17-il sena, aħna qattajna iktar minn biljun siegħa kull sena fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u taʼ li nagħmlu dixxipli—u aħna nkomplu nagħmlu dan ix-​xogħol. U dan nagħmluh minn qalbna, għalkemm ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar jirrikjedi li nissagrifikaw il-​ħin, l-​enerġija, u r-​riżorsi materjali. Bħal Ġesù, aħna nifhmu li Missierna tas-​sema li jħobbna jixtieq li n-​nies jiksbu l-​għarfien li jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 17:3; 1 Tim. 2:3, 4) L-​imħabba tqanqalna biex ngħinu lil uħud taʼ qalb onesta jsiru jafu u jħobbu lil Ġeħova kif nagħmlu aħna.

19 L-​imħabba li nuru tiġi notata minn oħrajn. Per eżempju, oħt li hi pijuniera fl-​Istati Uniti tikteb ittri biex tfarraġ lil dawk li jkun mitilhom xi ħadd mill-​maħbubin tagħhom. Bi tweġiba, wieħed raġel kiteb: “Għall-​ewwel ħassejtni sorpriż li persuna tagħmel sforz bħal dan biex tikteb ittra lil min ma tafux sabiex tgħinu jissaporti matul żminijiet taʼ prova. Nistaʼ biss nikkonkludi li int għandek imħabba għal għajrek u għall-​Alla li jiggwida lin-​nies fil-​mogħdijiet tal-​ħajja.”

20. Kemm hu importanti li tgħallem bl-​imħabba?

20 Intqal li meta l-​imħabba u s-​sengħa jaħdmu flimkien, int tistaʼ tistenna kapolavur. Meta ngħallmu, aħna nipprovaw ngħinu lill-​istudenti tagħna jiżviluppaw moħħ li jaf lil Ġeħova u qalb li tħobbu. Iva, biex inkunu għalliema verament effettivi, neħtieġu mħabba maqsuma fi tlieta—imħabba għal Alla, imħabba għall-​verità, u mħabba għan-​nies. Hekk kif nikkultivaw din ix-​xorta taʼ mħabba u nuruha fil-​ministeru tagħna, aħna ma nesperjenzawx biss il-​ferħ taʼ li nagħtu imma wkoll is-​sodisfazzjon taʼ li nkunu nafu li qed nimitaw lil Ġesù u nogħġbu lil Ġeħova.

Int Kif Twieġeb?

• Hekk kif ngħallmu l-​aħbar tajba lil oħrajn, għala hu importanti li jkollna . . .

imħabba għal Alla?

imħabba għal dak li ngħallmu?

imħabba għal dawk li ngħallmu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 15]

X’kien li għamel il-​mod kif għallem Ġesù differenti minn dak taʼ l-​iskribi u l-​Fariżej?

[Stampa f’paġna 18]

Biex ngħallmu tajjeb neħtieġu l-​għarfien, is-​sengħa u, fuq kollox, l-​imħabba