Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Aċċetta bi Gratitudni—Agħti b’Qalbek Kollha

Aċċetta bi Gratitudni—Agħti b’Qalbek Kollha

ĠEĦOVA, Missierna tas-​sema li jħobbna, juri tħassib persunali għalina. Il-​Kelma t’Alla tassigurana li hu jimpurtah profondament mill-​qaddejja kollha tiegħu. (1 Pt. 5:7) Mod wieħed kif Ġeħova juri li jimpurtah minna hu billi jipprovdilna diversi forom t’assistenza biex jgħinna naqduh fedelment. (Is. 48:17) Ġeħova jridna nużaw l-​għajnuna li jagħmlilna disponibbli, speċjalment meta niffaċċjaw problemi li jkunu qed jikkaġunawlna n-​niket. Il-​Liġi Mosajka turi din il-​verità.

Taħt l-​arranġament tal-​Liġi, Ġeħova pprovda assistenza bi mħabba “għall-​magħkus,” bħal, per eżempju, l-​iltim, l-​armla, u r-​resident barrani. (Lev. 19:9, 10; Dt. 14:29) Hu jaf li xi wħud mill-​qaddejja tiegħu għandhom bżonn l-​għajnuna mingħand sħabhom l-​aduraturi. (Ġak. 1:27) Għaldaqstant, ħadd mill-​qaddejja tiegħu m’għandu għalfejn joqgħod lura milli jaċċetta l-​għajnuna mingħand dawk li Ġeħova jqanqalhom biex jagħtu assistenza bħal din. Xorta waħda, meta naċċettaw l-​għajnuna rridu nagħmlu dan b’attitudni xierqa.

Fl-istess ħin, il-​Kelma t’Alla tenfasizza li n-​nies t’Alla għandhom ukoll l-​opportunità li jagħtu. Ftakar fir-​rakkont taʼ l-​“armla fil-​bżonn” li osservaha Ġesù fit-​tempju f’Ġerusalemm. (Lq. 21:1-4) Hi x’aktarx li bbenefikat mill-​provvedimenti bi mħabba li għamel Ġeħova għar-​romol kif hemm imsemmi fil-​Liġi. Xorta waħda, għalkemm kienet fil-​bżonn, dik l-​armla ma niftakrux fiha bħala xi ħadd li rċieva, imma bħala xi ħadd li ta. L-​attitudni tagħha li tagħti bilfors li ġabitilha l-​hena għaliex, bħalma qal Ġesù, “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) B’din il-​verità f’moħħok, kif tistaʼ ‘tidra tagħti’ u tesperjenza l-​hena li jiġi milli tagħti?—Lq. 6:38.

“X’Se Nagħti lil Ġeħova?”

Is-​salmista staqsa: “X’se nagħti lil Ġeħova għall-​benefiċċji kollha li tani?” (Salm 116:12) X’benefiċċji kien irċieva? Ġeħova kien sostnieh matul perijodu taʼ “inkwiet u dwejjaq.” Iktar minn hekk, Ġeħova kien ‘ħelislu ruħu mill-​mewt.’ Issa, hu ried li b’xi mod ‘jagħti’ lura xi ħaġa lil Ġeħova. X’setaʼ jagħmel is-​salmista? Hu qal: “Se rrodd il-​wegħdi tiegħi lil Ġeħova.” (Salm 116:3, 4, 8, 10-14) Hu kien deċiż li jżomm il-​wegħdi solenni kollha li kien għamel lil Ġeħova u li jwettaq l-​obbligi kollha tiegħu lejh.

Int tistaʼ tagħmel l-​istess. Kif? Billi tgħix ħajja li dejjem taqbel mal-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla. Għalhekk, kun ċert li l-​qima tiegħek lejn Ġeħova tibqaʼ l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtek u li tħalli l-​ispirtu t’Alla jiggwidak f’kulma tagħmel. (Ekk. 12:13; Gal. 5:16-18) M’għandniex xi ngħidu, fir-​realtà qatt ma tistaʼ tagħti lura bis-​sħiħ lil Ġeħova għal kulma għamel għalik. Xorta waħda, lil Ġeħova ‘tferraħlu qalbu’ meta jara li int qed tagħti minnek innifsek b’qalbek kollha fis-​servizz tiegħu. (Prov. 27:11) Xi privileġġ meraviljuż hu li tferraħ lil Ġeħova b’dan il-​mod!

Ikkontribwixxi għall-​Ġid tal-​Kongregazzjoni

Bla dubju, int taqbel li bbenefikajt b’ħafna modi mill-​kongregazzjoni Kristjana. Permezz tal-​kongregazzjoni, Ġeħova pprovda abbundanza taʼ ikel spiritwali. Int irċivejt il-​verità li ħelsitek mill-​injoranza reliġjuża u mid-​dlam spiritwali. (Ġw. 8:32) Fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet organizzati mill-​“ilsir leali u għaqli,” int ksibt għarfien li se jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna mingħajr uġigħ u sofferenza. (Mt. 24:45-47) Tistaʼ saħansitra tibda tgħodd il-​benefiċċji kollha li rċivejt—u li għad trid tirċievi—permezz tal-​kongregazzjoni t’Alla? X’tistaʼ tagħtiha lura lill-​kongregazzjoni?

L-appostlu Pawlu kiteb: “Il-​ġisem kollu, li hu magħqud flimkien b’mod armonjuż u magħmul biex jikkoopera permezz taʼ kull ġog li jagħti dak li hu meħtieġ, skond ix-​xogħol taʼ kull membru rispettiv bi qjies xieraq, jaħdem għat-​tkabbir tal-​ġisem biex jibni lilu nnifsu fl-​imħabba.” (Efes. 4:15, 16) Filwaqt li din l-​iskrittura tapplika primarjament għall-​ġisem magħmul minn Kristjani midlukin, illum il-​prinċipju li fiha jistaʼ japplika għall-​Kristjani kollha. Iva, kull membru tal-​kongregazzjoni jistaʼ jikkontribwixxi għall-​ġid u għat-​tkabbir tal-​kongregazzjoni. B’liema modi?

Dan nistgħu nagħmluh billi nistinkaw biex dejjem inkunu sors taʼ inkuraġġiment u rrifreskar spiritwali għal oħrajn. (Rum. 14:19) Nistgħu nikkontribwixxu wkoll “għat-​tkabbir tal-​ġisem” billi nikkultivaw il-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla kulmeta nittrattaw maʼ sħabna fit-​twemmin. (Gal. 5:22, 23) Iżjed minn hekk, nistgħu nfittxu opportunitajiet biex “nagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-​fidi.” (Gal. 6:10; Ebr. 13:16) Kulħadd fil-​kongregazzjoni—aħwa rġiel u nisa, żgħar u kbar—jistaʼ jieħu sehem f’li ‘jibni l-​ġisem fl-​imħabba.’

Iżjed minn hekk, nistgħu nużaw it-​talenti, l-​enerġiji, u r-​riżorsi tagħna biex nieħdu sehem fix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet u li qed twettaq il-​kongregazzjoni. “Irċivejtu b’xejn,” qal Ġesù Kristu. Kif għandna nwieġbu? “Agħtu b’xejn,” qal hu. (Mt. 10:8) Għalhekk, ħu sehem bis-​sħiħ fix-​xogħol vitali taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u taʼ li tagħmel dixxipli. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Hi limitata l-​abbiltà tiegħek biex tagħmel dan? Ftakar fl-​armla fil-​bżonn deskritta minn Ġesù. Dak li tat kien limitat ferm. Madankollu, Ġesù qal li hi għamlet iktar mill-​oħrajn kollha. Hi tat kulma ppermettewlha tagħti ċ-​ċirkustanzi tagħha.—2 Kor. 8:1-5, 12.

Irċievi l-​Għajnuna b’Attitudni Xierqa

Minkejja dan, jistaʼ jkun hemm drabi meta int ikollok bżonn li tirċievi l-​appoġġ mill-​kongregazzjoni. Qatt toqgħod taħsibha biex taċċetta kwalunkwe għajnuna li tistaʼ toffri l-​kongregazzjoni meta int tkun qed tissielet biex tkampa mal-​pressjonijiet li ġġib din is-​sistema. Ġeħova pprovda rġiel kwalifikati li jimpurtahom biex ‘jirgħu l-​kongregazzjoni’—ħalli jgħinuk meta tesperjenza l-​provi u t-​tribulazzjonijiet. (Atti 20:28) L-​anzjani u oħrajn fil-​kongregazzjoni jkunu jridu jikkonslawk, jappoġġawk, u jipproteġuk meta tkun għaddej minn żminijiet diffiċli.—Gal. 6:2; 1 Tess. 5:14.

Iżda, kun ċert li meta tirċievi xi għajnuna li tkun meħtieġa, dan tagħmlu b’attitudni xierqa. L-​appoġġ li tirċievi aċċettah dejjem b’apprezzament. Qis din l-​għajnuna mogħtija minn sħabek fit-​twemmin bħala espressjoni tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. (1 Pt. 4:10) Dan għala hu importanti? Għaliex aħna ma rridux nirċievu l-​għajnuna bil-​mod kif jagħmlu ħafna fid-​dinja—mingħajr ebda gratitudni.

Kun Bilanċjat u Raġunevoli

Fl-​ittra tiegħu lill-​kongregazzjoni ġo Filippi, Pawlu kiteb rigward Timotju: “M’għandi lil ħadd bl-​istess attitudni tiegħu li se jieħu ħsieb ġenwinament dak li għandu x’jaqsam magħkom.” Madankollu, imbagħad Pawlu żied: “L-​oħrajn kollha qed ifittxu l-​interessi tagħhom stess, mhux dawk taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 2:20, 21) Bl-​osservazzjoni serja taʼ Pawlu f’moħħna, kif nistgħu aħna llum nevitaw li nsiru preokkupati żżejjed bl-​‘interessi tagħna stess’?

Qatt m’għandna nippretendu żżejjed meta nitolbu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni biex jagħtuna mill-​ħin u l-​attenzjoni tagħhom sabiex jgħinuna fil-​problemi li jkollna. Għala le? Aħseb dwar dan: Bla dubju, aħna nkunu grati profondament jekk ħu jagħtina xi assistenza materjali biex jgħinna nkampaw maʼ xi emerġenza. Imma qatt se nippretendu għajnuna materjali bħal din mingħandu? Dażgur li le. Bl-​istess mod, filwaqt li ħutna li jħobbuna huma dejjem henjin li jgħinuna, jeħtieġ li nkunu bilanċjati u raġunevoli f’dak li nistennew li jagħtuna fejn għandu x’jaqsam il-​ħin tagħhom. Wara kollox, hu x’inhu li jagħmlu sħabna fit-​twemmin biex jgħinuna nkampaw maʼ żminijiet diffiċli, aħna nkunu rriduhom jagħmluh minn jeddhom.

Bla dubju, ħutek Kristjani dejjem se jkunu lesti u disposti biex jgħinuk. Xorta waħda, kultant huma sempliċement ma jkunux jistgħu jissodisfaw il-​ħtiġijiet kollha tiegħek. Jekk jiġri dan, kun ċert li Ġeħova se jsostnik, bħalma sostna lis-​salmista, fi kwalunkwe prova li tistaʼ tiffaċċja.—Salm 116:1, 2; Flp. 4:10-13.

Għalhekk, mela, taħsibhiex darbtejn biex taċċetta bi gratitudni kwalunkwe provvediment li jagħmel għalik Ġeħova—speċjalment fi żminijiet taʼ niket u inkwiet. (Salm 55:22) Hu jridek tagħmel dan. Madankollu, hu jridek ukoll li ‘tagħti bil-​ferħ.’ Għalhekk, ‘iddeċiedi f’qalbek’ biex tagħti skond kemm jippermettulek iċ-​ċirkustanzi tiegħek ħalli tappoġġa l-​qima vera. (2 Kor. 9:6, 7) B’dan il-​mod, int tkun tistaʼ tagħmilhom it-​tnejn li huma—taċċetta bi gratitudni u tagħti b’qalbek kollha.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 31]

“X’se nagħti lil Ġeħova għall-​benefiċċji kollha li tani?”—Salm 116:12

▪ Oħloq opportunitajiet biex ‘tagħmel it-​tajjeb maʼ kulħadd’

▪ Kun sors taʼ inkuraġġiment u rrifreskar spiritwali għal oħrajn

▪ Ħu sehem bis-​sħiħ fix-​xogħol taʼ li tagħmel dixxipli skond kemm jippermettulek iċ-​ċirkustanzi tiegħek