Reliġjon Tajba Tippromwovi Livelli Morali Għoljin
RELIĠJON tajba tgħallimna kif naħsbu dwar affarijiet li huma tajbin u turina kif intejbu l-kondotta tagħna. Tappoġġana fil-ġlieda biex nagħmlu dak li hu tajjeb u tgħinna nkunu l-aħjar li nistgħu nkunu. Kif inkunu nafu li reliġjon tajba tagħmlu dan?
Innota dak li kiteb l-appostlu Pawlu lill-Kristjani tal-ewwel seklu li kienu joqogħdu f’Korintu, il-Greċja. Din il-belt antika kienet magħrufa għall-istil immorali taʼ ħajja tagħha. Pawlu wissa: “La ż-żienja, la l-idolatri, la l-adulteri, la dawk li għandhom min-nisa, la dawk li jħobbu s-subjien u l-irġiel, la l-ħallelin, la r-rgħiba, la s-skaren, la l-għajjarin, lanqas il-ħattafa ma jirtu s-saltna t’Alla.” Imbagħad Pawlu żied: “U hekk kienu x’uħud minnkom: imma intom maħsulin, imma intom imqaddsin, imma intom iġġustifikati f’isem Sidna Ġesù, u bl-Ispirtu t’Alla tagħna.” (1 Korintin 6:9-11, Karm Żammit) Immaġina—ir-reliġjon it-tajba għenet lil xi wħud li qabel ma kellhomx livelli morali biex isiru qaddejja t’Alla nodfa u retti!
B’kuntrast, il-Bibbja twissi: “Għad jiġi ż-żmien meta n-nies ma jisimgħux tagħlim tajjeb, imma jsegwu x-xewqat tagħhom stess u jiġimgħu għalihom infushom iktar u iktar għalliema li jgħidulhom dak li huma jixtiequ jisimgħu.”—2 Timotju 4:3, Today’s English Version.
Ir-reliġjonijiet li taf bihom int kif sejrin f’dan ir-rigward? Isegwu huma l-livelli morali għoljin tal-Bibbja? Jew idgħajfu l-pariri ċari li hemm fil-Kelma t’Alla, jgħidu biss lin-nies “dak li huma jixtiequ jisimgħu”?
Bħala għajnuna biex tgħinek tiddetermina jekk reliġjon partikulari hix tagħmel frott tajjeb, għala ma tiħux ftit tal-ħin biex twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin?
SUĠĠETT: Żwieġ.
DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA:
“Iż-żwieġ għandu jkun onorat minn kulħadd, u raġel u martu għandhom iżommu ż-żwieġ tagħhom safi. Alla se jiġġudika bħala ħatjin lil dawk li jieħdu sehem fi dnubiet sesswali.”—Ebrej 13:4, New Century Version.
MISTOQSIJA:
Tirrikjedi din ir-reliġjon li fost il-membri tagħha koppji li jgħixu flimkien ikunu miżżewġin legalment?
SUĠĠETT: Divorzju.
DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA:
Meta staqsewh jekk qattx kien hemm bażi għal divorzju, Ġesù qal: “Kull min ikeċċi lil martu, ħlief minħabba l-immoralità, u jiżżewweġ oħra, jikkommetti adulterju.”—Mattew 19:9, New Catholic Edition of the Holy Bible.
MISTOQSIJA:
Din ir-reliġjon tirrispettaha d-direzzjoni taʼ Ġesù u tippermettih id-divorzju u ż-żwieġ mill-ġdid—imma biss fuq il-bażi tal-immoralità?
SUĠĠETT: Moralità sesswali.
DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA:
“Aħarbu ż-żína! Kull dnub li wieħed jagħmel hu ’l barra minn ġismu, iżda min jagħmel iż-żína jkun qiegħed jidneb kontra ġismu stess.”—1 Korintin 6:18, Għaqda Biblika Maltija.
“In-nisa tagħhom bidlu l-użu naturali fl-użu kontra n-natura; hekk ukoll l-irġiel ħallew l-użu naturali tal-mara u xegħlu bil-passjoni għal xulxin, rġiel maʼ rġiel, biex jagħmlu ħwejjeġ bla ġieħ; u bi ħlas taʼ dan jirċievu fihom infushom il-ħlas li ħaqqhom ħtijiethom.”—Rumani 1:26, 27, Għaqda Biblika Maltija.
MISTOQSIJA:
Tgħallem din ir-reliġjon li l-immoralità sesswali bejn raġel u mara jew bejn koppja tal-istess sess hi dnub?
SUĠĠETT: Tappoġġa bil-kuraġġ livelli Bibliċi fost il-membri tagħha.
DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA:
“Tagħmluhiex maʼ min jissejjaħ ħukom u jkun hu żieni, rgħib, idolatra jew insolenti, sikran jew ħalliel: maʼ dan lanqas biss tieklu ma għandkom.” (1 Korintin 5:11, Għaqda Biblika Maltija) X’għandu jsir minn dawk li jsostnu li huma Kristjani imma li huma midinbin u ma jindmux? “Neħħu l-bniedem il-ħażin minn ġo nofskom,” tistqarr il-Kelma t’Alla.—1 Korintin 5:13, Għaqda Biblika Maltija.
MISTOQSIJA:
Tneħħi din ir-reliġjon minn fost il-membri tagħha lil dawk li jinjoraw bla ndiema l-livelli Bibliċi?
Liema reliġjon hi magħrufa li żżomm mal-livelli morali għoljin tal-Bibbja?