Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Ġwejdin Huma Prezzjużi Għal Ġeħova

Il-Ġwejdin Huma Prezzjużi Għal Ġeħova

Ersaq Qrib Lejn Alla

Numri 12:1-15

IL-​KBURIJA, l-​għira, l-​ambizzjoni. Karatteristiki bħal dawn huma komuni fost dawk li jirnexxu f’din id-​dinja. Imma se jressquna qrib lejn Alla Ġeħova karatteristiki bħal dawn? Għall-​kuntrarju, Ġeħova japprezza lil min ikun ġwejjed fost l-​aduraturi tiegħu. Dan jidher ċar mir-​rakkont misjub fil-​ktieb tan-​Numri, kapitlu 12. Il-​post hu x-​xagħri tas-​Sinaj, wara l-​ħelsien taʼ Israel mill-​Eġittu.

Mirjam u Aron, ħut Mosè akbar minnu, “bdew jitkellmu kontra” ħuhom iżgħar minnhom. (Vers 1) Minflok ma sempliċement tkellmu maʼ Mosè, huma tkellmu kontra tiegħu, x’aktarx billi gergru m’oħrajn fil-​kamp. Mirjam, li tissemma l-​ewwel, milli jidher bdiet hi. L-​ewwel raġuni għat-​tgergir kienet li Mosè kien iżżewweġ mara Kusija. Kienet Mirjam għajjura għax ma kinitx se tingħata attenzjoni daqs din il-​mara l-​oħra—li fuq kollox ma kinitx Israelija?

Ir-raġunijiet għat-​tgergir daħlu iżjed ’il ġewwa. Mirjam u Aron baqgħu jgħidu: “Jaqaw Ġeħova tkellem permezz taʼ Mosè biss? Mhux permezz tagħna wkoll tkellem?” (Vers 2) Kien il-​motiv veru wara t-​tgergir xi xewqa għal iktar awtorità u rikonoxximent?

Fir-rakkont, Mosè ma wiġibx hu għat-​tgergir. Biċ-​ċar, hu ssaporta l-​abbuż bil-​kwiet. Il-​fatt li kien paċenzjuż u ma gergirx afferma d-​deskrizzjoni tiegħu fil-​Bibbja bħala “l-​iktar ġwejjed mill-​bnedmin kollha” fuq l-​art. a (Vers 3) Mosè ma kellux għalfejn jiddefendi ruħu. Ġeħova kien qed jismaʼ u qabeż għal Mosè.

Ġeħova qies it-​tgergir tagħhom daqslikieku sar kontrih. Wara kollox, kien hu li kien ħatar lil Mosè. Filwaqt li ċanfar lil dawk li gergru, Alla fakkarhom li hu kellu relazzjoni unika maʼ Mosè: “Wiċċ imbwiċċ inkellmu.” Ġeħova mbagħad staqsa lil Mirjam u lil Aron: “Allura, għala ma bżajtux titkellmu kontra . . . Mosè?” (Vers 8) Billi tkellmu kontra Mosè, huma kienu attwalment ħatja li tkellmu kontra Alla. Għal dan id-​diżrispett sfaċċat, huma kellhom jesperjenzaw ir-​rabja taʼ Ġeħova.

Mirjam, li jidher ċar li kienet ix-​xewwiexa, intlaqtet bil-​ġdiem. Aron malajr talab bil-​ħniena lil Mosè biex jinterċedi għaliha. Immaġina ftit—il-​fejqan taʼ Mirjam kien issa jiddependi mill-​interċessjoni tal-​wieħed li kienu gergru kontrih! Mosè bl-​umiltà għamel dak li ntalab jagħmel. Għall-​ewwel darba f’dan ir-​rakkont, Mosè tkellem u talab bil-​ħrara lil Ġeħova għan-​nom t’oħtu. Mirjam tfejqet, iżda kellha tissaporti l-​mistħija taʼ sebat ijiem kwarantina.

Dan ir-​rakkont jagħtina d-​dehen fil-​kwalitajiet li Ġeħova japprezza u l-​karatteristiki li hu kontra tagħhom. Jekk irridu nersqu qrib lejn Alla, irridu nissieltu biex inqaċċtu ’l barra xi traċċi taʼ kburija, għira, u ambizzjoni li naraw fina. Huma l-​ġwejdin li Ġeħova jħobb. Hu jwiegħed: “Il-​ġwejdin se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.”—Salm 37:11; Ġakbu 4:6.

[Nota taʼ taħt]

a Meta bniedem ikun ġwejjed ikollu kwalità soda li tgħinu jissaporti l-​inġustizzja bil-​paċenzja u mingħajr ma jpatti.