Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħajja Taʼ Dejjem fuq l-Art—Tama Mingħand Alla

Ħajja Taʼ Dejjem fuq l-Art—Tama Mingħand Alla

“Il-​ħolqien kien suġġettat għall-​frugħa . . . bit-​tama.”​—RUM. 8:20.

1, 2. (a) It-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art għala hija importanti għalina? (b) Ħafna nies għala huma xettiċi dwar il-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art?

 GĦANDEK mnejn tiftakar il-​ferħ li ħassejt meta tgħallimt għall-​ewwel darba li fil-​futur qarib, in-​nies mhux se jibqgħu jixjieħu u jmutu imma se jgħixu għal dejjem fuq l-​art. (Ġw. 17:3; Riv. 21:3, 4) X’aktarx li ħadt pjaċir taqsam din it-​tama Skritturali m’oħrajn. Wara kollox, it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem hija aspett essenzjali tal-​aħbar tajba li nippritkaw. Teffettwa l-​attitudni tagħna lejn il-​ħajja.

2 Il-​biċċa l-​kbira mir-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu injoraw it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. Filwaqt li l-​Bibbja tgħallem li r-​ruħ tmut, il-​maġġuranza mill-​knejjes jgħallmu d-​duttrina mhix Skritturali li l-​bniedem għandu ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt u li tgħix fil-​qasam tal-​ispirti. (Eżek. 18:20) Għalhekk, ħafna nies huma xettiċi dwar il-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. Allura forsi nistaqsu: Il-​Bibbja tappoġġaha verament din it-​tama? Jekk iva, Alla meta rrivelaha għall-​ewwel darba lill-​bnedmin?

“Suġġettat għall-​Frugħa . . . bit-​Tama”

3. L-​iskop t’Alla għall-​bniedem kif deher ċar mill-​bidu tal-​istorja umana?

3 L-​iskop taʼ Ġeħova għall-​umanità sar evidenti fil-​bidu nett tal-​istorja tal-​bniedem. Alla wera biċ-​ċar li Adam kien se jgħix għal dejjem li kieku baqaʼ ubbidjenti. (Ġen. 2:9, 17; 3:22) Id-​dixxendenti tal-​bidu t’Adam bla dubju tgħallmu dwar kif il-​bniedem tilef il-​perfezzjoni, u dan kien konfermat minn evidenza viżibbli. Ħadd ma setaʼ jidħol fil-​ġnien tal-​Għeden, u n-​nies xjaħu u mietu. (Ġen. 3:23, 24) Maż-​żmien, il-​bnedmin bdew jgħixu inqas. Adam għex 930 sena. Sem, li salva mid-​Dilluvju, għex biss 600 sena, u ibnu Arfaksad 438 sena. Teraħ, missier Abraham, għex 205 snin. Abraham għex 175 sena, ibnu Iżakk 180 sena, u Ġakobb 147 sena. (Ġen. 5:5; 11:10-13, 32; 25:7; 35:28; 47:28) Ħafna nies żgur indunaw x’kien ifisser dan it-​tnaqqis—il-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem kien intilef! Kellhom xi raġuni biex jittamaw li l-​ħajja taʼ dejjem setgħet terġaʼ tinkiseb?

4. L-​irġiel leali tal-​qedem x’bażi kellhom biex jemmnu li Alla kien se jerġaʼ jġib il-​barkiet li kien tilef Adam?

4 Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Il-​ħolqien [uman] kien suġġettat għall-​frugħa . . . bit-​tama.” (Rum. 8:20) Liema tama? L-​ewwel profezija tal-​Bibbja ppontat lejn ‘nisel’ li kien se ‘jisħaq lis-​serp f’rasu.’ (Aqra Ġenesi 3:1-5, 15.) Għall-​bnedmin leali, il-​wegħda taʼ dan in-​Nisel tathom bażi biex jittamaw li Alla ma kienx se jabbanduna l-​iskop tiegħu għall-​umanità. Lil irġiel bħal Abel u Noè tathom raġuni biex jemmnu li Alla kien se jerġaʼ jġib il-​barkiet li kien tilef Adam. Dawn l-​irġiel forsi għarfu li t-​‘tisħiq f’għarqub in-​nisel’ kien se jinvolvi t-​tixrid taʼ demm.—Ġen. 4:4; 8:20; Ebr. 11:4.

5. X’juri li Abraham kellu fidi fl-​irxoxt?

5 Ikkunsidra lil Abraham. Meta kien għaddej minn prova, Abraham “kważi offra lil Iżakk, . . . lill-​iben uniġenitu tiegħu.” (Ebr. 11:17) Għala kien lest li jagħmel dan? (Aqra Ebrej 11:19.) Għax kien jemmen fl-​irxoxt! Abraham kellu bażi għat-​twemmin tiegħu fl-​irxoxt. Wara kollox, Ġeħova kien irrestawra l-​qawwiet riproduttivi t’Abraham u kien għamilha possibbli biex hu u martu Sara jkollhom tifel fi xjuħithom. (Ġen. 18:10-14; 21:1-3; Rum. 4:19-21) Ġeħova kien ukoll ta kelmtu lil Abraham. Alla kien qallu: “Hu permezz taʼ Iżakk li se jiġi dak li jissejjaħ nislek.” (Ġen. 21:12) Għalhekk, Abraham kellu raġuni soda biex jistenna li Alla kien se jirxoxta lil Iżakk.

6, 7. (a) Ġeħova liema patt għamel m’Abraham? (b) Il-​wegħda taʼ Ġeħova lil Abraham kif tat tama lill-​umanità?

6 Minħabba l-​fidi li tispikka t’Abraham, Ġeħova għamel patt miegħu rigward ‘nislu.’ (Aqra Ġenesi 22:18.) Maż-​żmien ġie rivelat li Ġesù Kristu kien il-​parti primarja tan-​‘nisel.’ (Gal. 3:16) Ġeħova kien qal lil Abraham li ‘nislu’ kellu jitkattar “bħall-​kwiekeb tas-​smewwiet u bħar-​ramel li hemm f’xatt il-​baħar”—numru li Abraham ma kienx jafu. (Ġen. 22:17) Madankollu, iktar tard dan in-​numru ġie rivelat. Ġesù Kristu u l-​144,000, li se jaħkmu miegħu f’Saltnatu, jifformaw dan in-​“nisel.” (Gal. 3:29; Riv. 7:4; 14:1) Is-​Saltna Messjanika hija l-​mezz li bih “il-​ġnus kollha taʼ l-​art se jitbierku.”

7 Ma jistax ikun li Abraham fehem is-​sinifikat sħiħ tal-​patt li Ġeħova għamel miegħu. Minkejja dan, il-​Bibbja tgħid li “kien qed jistenna l-​belt li għandha sisien taʼ veru.” (Ebr. 11:10) Din il-​belt hija s-​Saltna t’Alla. Sabiex jirċievi barkiet taħt din is-​Saltna, Abraham se jkollu jgħix mill-​ġdid. Għalih, il-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art se tkun possibbli permezz tal-​irxoxt. U l-​ħajja eterna se tkun possibbli għal dawk li jgħaddu ħajjin minn Armageddon jew għal dawk li se jiġu rxoxtati mill-​mewt.—Riv. 7:9, 14; 20:12-14.

“L-​Ispirtu Għamel Pressjoni Fuqi”

8, 9. Il-​ktieb taʼ Ġob għala mhuwiex biss rakkont dwar il-​provi taʼ wieħed raġel?

8 Matul il-​perijodu taʼ żmien bejn il-​ħajja taʼ Ġużeppi, li bużnannuh kien Abraham, u dik tal-​profeta Mosè, kien jgħix raġel jismu Ġob. Il-​ktieb Bibliku taʼ Ġob, li x’aktarx inkiteb minn Mosè, jispjega għala Ġeħova ppermetta lil Ġob ibati u kif żvolġiet il-​kwistjoni għalih. Madankollu, il-​ktieb taʼ Ġob mhuwiex biss rakkont dwar il-​provi taʼ wieħed raġel; jiffoka fuq kwistjonijiet li huma t’importanza universali. Il-​ktieb jixħet dawl fuq il-​fatt li Ġeħova jaħkem bil-​ġustizzja, u juri li l-​integrità u l-​prospetti tal-​ħajja tal-​qaddejja t’Alla kollha fuq l-​art huma involuti fil-​kwistjoni li qamet fl-​Għeden. Għalkemm Ġob ma fehemx din il-​kwistjoni, ma ħalliex lit-​tlett iħbieb tiegħu jġegħluh jaħseb li ma kienx żamm l-​integrità tiegħu. (Ġob 27:5) Dan għandu jsaħħaħ il-​fidi tagħna u jgħinna nirrealizzaw li nistgħu nżommu l-​integrità tagħna u nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova.

9 Wara li t-​tliet hekk imsejħin farraġa taʼ Ġob spiċċaw jitkellmu, “Eliħu, bin Barakel il-​Bużi, wieġeb.” X’qanqlu jitkellem? “Jien mimli kliem,” qal hu. “L-​ispirtu għamel pressjoni fuqi f’żaqqi.” (Ġob 32:5, 6, 18) Għalkemm dak li qal Eliħu taħt ispirazzjoni twettaq meta l-​provi taʼ Ġob spiċċaw, kliemu għandu tifsir għal oħrajn ukoll. Dan joffri tama għal dawk kollha li jżommu l-​integrità.

10. X’juri li l-​messaġġ li Ġeħova jagħti lil xi individwu kultant ikollu applikazzjoni akbar għall-​umanità inġenerali?

10 Ġeħova kultant jagħti messaġġ lil xi individwu li jkollu wkoll applikazzjoni akbar għall-​umanità inġenerali. Dan nistgħu narawh mill-​profezija taʼ Danjel li tinvolvi l-​ħolma tas-​Sultan Babiloniż Nebukadnessar dwar it-​tqaċċit taʼ siġra kbira ħafna. (Dan. 4:10-27) Filwaqt li din il-​ħolma kellha twettiq b’konnessjoni maʼ Nebukadnessar, ippontat lejn xi ħaġa ferm akbar. Din indikat li l-​ħakma t’Alla għal fuq l-​art rappreżentata minn saltna fil-​linja tas-​Sultan David kellha terġaʼ tidher wara perijodu taʼ 2,520 sena, li beda mis-​sena 607 Q.E.K. a Il-​ħakma t’Alla għal fuq il-​globu tagħna ntweriet mill-​ġdid meta Ġesù Kristu ġie maħtur bħala s-​Sultan tas-​sema fis-​sena 1914. Aħseb ftit dwar kif il-​ħakma tas-​Saltna dalwaqt se twettaq it-​tamiet tal-​umanità ubbidjenti!

“Eħilsu Biex Ma Jinżilx fil-​Ħofra!”

11. Kliem Eliħu x’indika dwar Alla?

11 Fit-​tweġiba tiegħu lil Ġob, Eliħu jitkellem dwar ‘messaġġier, kelliemi, wieħed minn elf, biex jgħid lill-​bniedem kemm hu rett.’ Xi ngħidu jekk dan il-​messaġġier “jitlob bil-​ħrara lil Alla biex jieħu gost bih”? Eliħu jgħid: “Imbagħad [Alla] jurih ħniena u jgħid, ‘Eħilsu biex ma jinżilx fil-​ħofra! Jien sibt fidwa! Ħa jsir laħmu iktar frisk milli fiż-​żgħożija; ħa jmur lura lejn il-​jiem mimlijin enerġija taż-​żgħożija.’” (Ġob 33:23-26) Dan il-​kliem indika kemm Alla kien lest jaċċetta “fidwa,” jew tpattija, għan-​nom taʼ bnedmin li nidmu.—Ġob 33:24.

12. Kliem Eliħu jipprovdi liema tama għall-​umanità inġenerali?

12 Eliħu x’aktarx ma fehemx is-​sinifikat sħiħ tal-​fidwa, sewwasew bħalma l-​profeti ma fehmux għalkollox dak kollu li kitbu. (Dan. 12:8; 1 Pt. 1:10-12) Xorta waħda, kliem Eliħu jirrifletti t-​tama li Alla xi darba kien se jaċċetta fidwa u jeħles lill-​bniedem mill-​proċess tax-​xjuħija u l-​mewt. Kliem Eliħu ppreżenta l-​prospett meraviljuż taʼ ħajja taʼ dejjem. Il-​ktieb taʼ Ġob juri wkoll li se jkun hemm irxoxt.—Ġob 14:14, 15.

13. Il-​Kristjani liema tifsir isibu fi kliem Eliħu?

13 Illum, kliem Eliħu għad għandu tifsir għal miljuni taʼ Kristjani li għandhom it-​tama li jsalvaw mill-​qerda taʼ din is-​sistema preżenti. Dawk l-​uħud imdaħħlin fiż-​żmien li jsalvaw se jerġgħu jsiru bħal meta kienu żgħażagħ, mimlijin enerġija. (Riv. 7:9, 10, 14-17) Iżjed minn hekk, il-​prospett li jaraw lil uħud irxoxtati u b’saħħithom bħal f’żgħożithom għadu jferraħ lil nies leali. M’għandniex xi ngħidu, kemm l-​immortalità fis-​sema għall-​Kristjani midlukin kif ukoll il-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art għan-​“nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù jiddependu mill-​eżerċitar tal-​fidi fis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Kristu.—Ġw. 10:16; Rum. 6:23.

Il-​Mewt Tinbelaʼ Minn fuq l-​Art

14. X’juri li l-​Israelin kellhom bżonn xi ħaġa iktar mil-​Liġi Mosajka sabiex ikollhom it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem?

14 In-​nisel t’Abraham sar ġens indipendenti meta daħal f’relazzjoni taʼ patt m’Alla. Meta tahom il-​Liġi, Ġeħova stqarr: “Tridu tħarsu l-​istatuti tiegħi u d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi, li jekk bniedem iħarishom, jgħix ukoll permezz tagħhom.” (Lev. 18:5) Madankollu, peress li ma setgħux jgħixu fi qbil mal-​livelli perfetti tal-​Liġi, l-​Israelin ġew kundannati mil-​Liġi u kellhom bżonn jiġu meħlusin minn dik il-​kundanna.—Gal. 3:13.

15. David ġie mnebbaħ biex jikteb dwar liema barka fil-​futur?

15 Wara Mosè, Ġeħova nebbaħ lil kittieba oħrajn tal-​Bibbja biex isemmu t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem. (Salm 21:4; 37:29) Pereżempju, is-​salmista David ikkonkluda salm dwar l-​unità t’aduraturi veri f’Sijon bil-​kliem: “Ġeħova kkmanda li hemmhekk tkun il-​barka, iva, il-​ħajja għal dejjem.”—Salm 133:3.

16. Permezz t’Isaija, Ġeħova x’wiegħed dwar il-​futur tal-​“art kollha”?

16 Ġeħova nebbaħ lil Isaija biex jipprofetizza dwar il-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. (Aqra Isaija 25:7, 8.) Bħal “għata” soffokanti, id-​dnub u l-​mewt huma bħal toqol kbir fuq l-​umanità. Ġeħova jassigura lill-​poplu tiegħu li d-​dnub u l-​mewt se jinbelgħu, jew jitneħħew, “mill-​art kollha.”

17. Liema rwol profetiku tal-​Messija jiftaħ it-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem?

17 Ikkunsidra wkoll il-​proċedura mniżżla fil-​Liġi Mosajka rigward il-​gidi għal Għażażel. Darba fis-​sena, f’Jum it-​Tpattija, il-​qassis il-​kbir kien ‘iqiegħed idejh it-​tnejn fuq ras il-​gidi l-​ħaj u jistqarr fuqu l-​iżbalji kollha taʼ wlied Israel, u jpoġġihom fuq ras il-​gidi u l-​gidi jrid iġorr fuqu l-​iżbalji kollha tagħhom f’art li hi deżert.’ (Lev. 16:7-10, 21, 22) Isaija bassar il-​miġja tal-​Messija, li kien se jkollu rwol simili u jġorr il-​“mard,” il-​“weġgħat,” u “d-​dnub taʼ ħafna nies,” u b’hekk jiftaħ it-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem.—Aqra Isaija 53:4-6, 12.

18, 19. Liema tama hija enfasizzata f’Isaija 26:19 u Danjel 12:13?

18 Permezz t’Isaija, Ġeħova qal lill-​poplu tiegħu Israel: “Il-​mejtin tiegħek se jgħixu. Il-​katavri se jqumu. Stenbħu u għajtu bil-​ferħ, o residenti tat-​trab! Għax in-​nida tiegħek hi bħan-​nida tal-​ħobbejż, u l-​art se tħalli jitwieldu lil dawk bla qawwa fil-​mewt.” (Is. 26:19) L-​Iskrittura Ebrajka turi biċ-​ċar li hemm tama taʼ rxoxt u ħajja fuq l-​art. Pereżempju, meta Danjel kellu kważi 100 sena, Ġeħova assigurah: “Int tistrieħ, imma tqum għal sehmek fi tmiem il-​jiem.”—Dan. 12:13.

19 Minħabba t-​tama tal-​irxoxt, Marta setgħet tgħid lil Ġesù rigward ħuha li kien miet: “Naf li jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.” (Ġw. 11:24) Inbidlet din it-​tama bit-​tagħlim taʼ Ġesù u l-​kitba mnebbħa tad-​dixxipli tiegħu? Għadu Ġeħova joffri t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art lill-​umanità? Se nikkunsidraw it-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Ara kapitlu 6 tal-​ktieb Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel!

Tistaʼ Tispjega?

• Il-​ħolqien uman kien “suġġettat għall-​frugħa” fuq il-​bażi taʼ liema tama?

• X’juri li Abraham kellu fidi fl-​irxoxt?

• Il-​kliem li Eliħu qal lil Ġob joffri liema tama lill-​umanità?

• L-​Iskrittura Ebrajka kif tenfasizza t-​tama taʼ rxoxt u ħajja taʼ dejjem fuq l-​art?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 5]

Il-​kliem li Eliħu qal lil Ġob jagħti tama li l-​bnedmin se jinħelsu mill-​proċess tax-​xjuħija u l-​mewt

[Stampa f’paġna 6]

Danjel ġie assigurat li kien se ‘jqum għal sehmu fi tmiem il-​jiem’