Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħajja Taʼ Dejjem fuq l-Art—Tama Kristjana?

Ħajja Taʼ Dejjem fuq l-Art—Tama Kristjana?

“[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt.”​—RIV. 21:4.

1, 2. Kif nafu li ħafna Lhud tal-​ewwel seklu kellhom it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art?

 ŻAGĦŻUGĦ għani u prominenti avviċina lil Ġesù, niżel għarkopptejh quddiemu, u staqsa: “Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex niret il-​ħajja taʼ dejjem?” (Mk. 10:17) Iż-​żagħżugħ kien qed jistaqsi dwar kif jiret il-​ħajja taʼ dejjem​—imma fejn? Bħalma ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel, sekli qabel, Alla kien ta lil-​Lhud it-​tama taʼ rxoxt u ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. Ħafna mil-​Lhud tal-​ewwel seklu kien għad kellhom din it-​tama.

2 Marta, il-​ħabiba taʼ Ġesù, milli jidher kellha f’moħħha rxoxt fuq l-​art meta qalet dwar ħuha li kien miet: “Naf li jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.” (Ġw. 11:24) Huwa minnu, is-​Sadduċej taʼ dak iż-​żmien ma kinux jemmnu fl-​irxoxt. (Mk. 12:18) Madankollu, fil-​ktieb tiegħu Judaism in the First Centuries of the Christian Era, George Foot Moore jgħid: “Xi kitbiet . . . tat-​tieni jew l-​ewwel seklu qabel żmienna jikkonfermaw it-​twemmin li f’ċertu żmien dawk li kienu mietu fil-​passat kienu se jiġu rxoxtati għall-​ħajja fuq l-​art.” Iż-​żagħżugħ għani li avviċina lil Ġesù ried jikseb ħajja taʼ dejjem fuq l-​art.

3. Liema mistoqsijiet se jiġu kunsidrati f’dan l-​artiklu?

3 Illum, ħafna reliġjonijiet u studjużi tal-​Bibbja jgħidu li Ġesù m’għallimx it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies jittamaw li wara l-​mewt jibqgħu jgħixu fil-​qasam tal-​ispirti. Għalhekk, meta qarrejja tal-​Iskrittura Griega Kristjana jiltaqgħu mal-​espressjoni “ħajja taʼ dejjem,” ħafna minnhom jaħsbu li dejjem tirreferi għall-​ħajja fis-​sema. Huwa minnu dan? Ġesù x’ried ifisser meta tkellem dwar il-​ħajja taʼ dejjem? Id-​dixxipli tiegħu x’kienu jemmnu? Tgħallem l-​Iskrittura Griega Kristjana li jistaʼ jkollna t-​tama li ngħixu għal dejjem fuq l-​art?

Ħajja taʼ Dejjem “fit-​Tiġdid taʼ Kollox”

4. X’se jseħħ “fit-​tiġdid taʼ kollox”?

4 Il-​Bibbja tgħallem li l-​Kristjani midlukin se jiġu rxoxtati biex jaħkmu mis-​sema għal fuq l-​art. (Lq. 12:32; Riv. 5:9, 10; 14:1-3) Madankollu, meta Ġesù tkellem dwar ħajja taʼ dejjem ma kellux dejjem dan il-​grupp biss f’moħħu. Ikkunsidra x’qal lid-​dixxipli tiegħu wara li ż-​żagħżugħ għani telaq imnikket meta ġie mistieden biex iħalli l-​ġid kollu tiegħu warajh u jsir segwaċi taʼ Kristu. (Aqra Mattew 19:28, 29.) Ġesù qal lill-​appostli tiegħu li kienu se jkunu fost dawk li kellhom jaħkmu bħala slaten u jiġġudikaw lit-​“tnax-il tribù taʼ Israel,” jiġifieri, id-​dinja tal-​umanità minbarra dawk li kienu se jaħkmu fis-​sema. (1 Kor. 6:2) Tkellem ukoll dwar premju għal “kulmin” isegwih. Dawn l-​individwi wkoll ‘se jirtu l-​ħajja taʼ dejjem.’ Dan kollu se jseħħ “fit-​tiġdid taʼ kollox.”

5. Kif tispjega “t-​tiġdid taʼ kollox”?

5 Ġesù x’ried ifisser bit-​“tiġdid taʼ kollox”? It-​terminu hu tradott “it-​tiġdid tad-​dinja” fil-​Bibbja taʼ Karm Żammit u “fid-​dinja l-​ġdida” fil-​Bibbja Għaqda Biblika Maltija. Ladarba Ġesù uża dan it-​terminu mingħajr spjegazzjoni, milli jidher kien qed jirreferi għal dik it-​tama li kellhom il-​Lhud għal sekli sħaħ. Kellu jkun hemm tiġdid tal-​kundizzjonijiet fuq l-​art, sabiex l-​affarijiet ikunu kif kienu fil-​ġnien tal-​Għeden qabel ma dinbu Adam u Eva. It-​tiġdid taʼ kollox se jwettaq il-​wegħda t’Alla taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida.”​—Is. 65:17.

6. It-​tixbiha tan-​nagħaġ u l-​mogħoż x’tgħallimna dwar it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem?

6 Ġesù reġaʼ semma l-​ħajja taʼ dejjem meta tkellem dwar il-​konklużjoni tas-​sistema. (Mt. 24:1-3) Hu qal: “Meta Bin il-​bniedem jasal fil-​glorja tiegħu, u l-​anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-​qiegħda fuq it-​tron glorjuż tiegħu. U l-​ġnus kollha jinġabru quddiemu, u hu jifred lin-​nies, wieħed mill-​ieħor, bħalma ragħaj jifred in-​nagħaġ mill-​mogħoż.” Dawk li se jiġu ġudikati bħala ħżiena se “jmorru fil-​qtugħ taʼ dejjem, imma n-​nies sewwa fil-​ħajja taʼ dejjem.” “In-​nies sewwa” li se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem huma dawk li jappoġġaw lealment lil “ħut” Kristu midlukin bl-​ispirtu. (Mt. 25:31-34, 40, 41, 45, 46) Ladarba l-​midlukin huma magħżulin biex jaħkmu fis-​Saltna tas-​smewwiet, “in-​nies sewwa” bilfors li huma s-​sudditi tas-​Saltna fuq l-​art. Il-​Bibbja bassret: “[Is-Sultan taʼ Ġeħova] ikollu sudditi minn baħar sa baħar u mix-​Xmara sa truf l-​art.” (Salm 72:8) Dawn is-​sudditi se jgawdu l-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art.

X’Juri l-​Evanġelju taʼ Ġwanni?

7, 8. Ġesù rigward liema żewġ tamiet differenti tkellem maʼ Nikodemu?

7 Bħalma hu mniżżel fl-​Evanġelji taʼ Mattew, Marku, u Luqa, Ġesù juża t-​terminu “ħajja taʼ dejjem” fl-​okkażjonijiet li ssemmew qabel. L-​Evanġelju skont Ġwanni jikkwota l-​kliem taʼ Ġesù dwar il-​ħajja taʼ dejjem xi 17-il darba. Ejja neżaminaw xi ftit minn dawn l-​eżempji biex naraw dak li qal Ġesù dwar it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art.

8 Skont Ġwanni, l-​ewwel darba li Ġesù tkellem dwar il-​ħajja taʼ dejjem kien maʼ Fariżew jismu Nikodemu. Hu qal lil Nikodemu: “Jekk wieħed ma jitwilidx mill-​ilma u mill-​ispirtu, ma jistax jidħol fis-​saltna t’Alla.” Dawk li jidħlu fis-​Saltna tas-​smewwiet iridu ‘jitwieldu mill-​ġdid.’ (Ġw. 3:3-5) Ġesù ma waqafx hemm. Imbagħad tkellem dwar it-​tama li hi miftuħa għall-​umanità kollha. (Aqra Ġwanni 3:16.) Ġesù kien qed jirreferi għat-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem għas-​segwaċi midlukin tiegħu fis-​sema u għal oħrajn fuq l-​art.

9. Ġesù dwar liema tama kellem lill-​mara Samaritana?

9 Wara li kellem lil Nikodemu f’Ġerusalemm, Ġesù vvjaġġa lejn il-​Galilija li kienet fit-​Tramuntana. Fit-​triq, iltaqaʼ maʼ mara ħdejn l-​għajn taʼ Ġakobb qrib il-​belt taʼ Sikar fis-​Samarija. Hu qalilha: “Kulmin jixrob mill-​ilma li nagħtih jien qatt iktar ma jaqbdu għatx, imma l-​ilma li nagħtih jien isir fih għajn taʼ ilma ġieri biex jagħtih il-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 4:5, 6, 14) Dan l-​ilma jirrappreżenta l-​provvedimenti t’Alla għat-​tiġdid tal-​umanità kollha għall-​ħajja taʼ dejjem, inkluż dawk li se jgħixu fuq l-​art. Fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, Alla nnifsu hu deskritt bħala li qed jgħid: “Lil kulmin hu bil-​għatx nagħtih jixrob b’xejn mill-​għajn taʼ l-​ilma tal-​ħajja.” (Riv. 21:5, 6; 22:17) B’hekk, Ġesù kellem lill-​mara Samaritana dwar il-​ħajja taʼ dejjem mhux biss għall-​werrieta midlukin tas-​Saltna imma wkoll għall-​umanità li temmen u li għandha t-​tama għall-​art.

10. Wara li fejjaq raġel ħdejn l-​għadira taʼ Betzata, Ġesù x’qal lill-​opponenti reliġjużi dwar il-​ħajja taʼ dejjem?

10 Is-​sena taʼ wara, Ġesù reġaʼ kien Ġerusalemm. Hemmhekk fejjaq raġel marid ħdejn l-​għadira taʼ Betzata. Lil-​Lhud li kkritikaw dak li għamel, Ġesù spjegalhom li “l-​Iben ma jistaʼ jagħmel xejn minn rajh, imma jagħmel biss dak li jara lill-​Missier jagħmel.” Wara li qalilhom li l-​Missier “ħalla f’idejn l-​Iben biex jiġġudika lil kulħadd,” Ġesù qal: “Min jismaʼ kelmti u jemmen lil dak li bagħatni għandu l-​ħajja taʼ dejjem.” Ġesù qal ukoll: “Ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu [dak taʼ Bin il-​bniedem] u joħorġu, dawk li għamlu t-​tajjeb għal irxoxt taʼ ħajja, dawk li pprattikaw affarijiet vili għal irxoxt taʼ ġudizzju.” (Ġw. 5:1-9, 19, 22, 24-29) Ġesù kien qed jgħid lil-​Lhud li kienu jopponu li hu kien il-​wieħed maħtur minn Alla biex iwettaq it-​tama tal-​Lhud taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art u li kien se jagħmel dan billi jqajjem lill-​mejtin.

11. Kif nafu li t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art hija inkluża f’dak li qal Ġesù kif insibu fi Ġwanni 6:48-51?

11 Fil-​Galilija, bdew isegwuh eluf taʼ nies li riedu l-​ħobż li Ġesù pprovda mirakolożament. Ġesù kellimhom dwar tip ieħor taʼ ħobż—“il-​ħobż tal-​ħajja.” (Aqra Ġwanni 6:40, 48-51.) “Il-​ħobż li se nagħti hu laħmi,” qal hu. Ġesù ta ħajtu mhux biss għal dawk li kienu se jaħkmu miegħu fis-​Saltna tiegħu tas-​sema imma wkoll “għall-​ħajja tad-​dinja” tal-​umanità li setgħet tiġi mifdija. “Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-​ħobż,” jiġifieri, jeżerċita l-​fidi fil-​qawwa li tifdi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, ikollu t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem. Tabilħaqq, ir-​referenza għal “ħajja taʼ dejjem” inkludiet it-​tama, li l-​Lhud kienu ilhom iħaddnu, taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art matul il-​ħakma tal-​Messija.

12. Ġesù għal liema tama kien qed jirreferi meta qal lil dawk li opponewh li ‘se jagħti ħajja taʼ dejjem lin-​nagħaġ tiegħu’?

12 Iktar tard, fil-​Festa tad-​Dedikazzjoni f’Ġerusalemm, Ġesù qal lil dawk li opponewh: “Intom ma temmnux, għax ħadd minnkom m’hu min-​nagħaġ tiegħi. In-​nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jien nafhom, u huma jiġu warajja. U nagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 10:26-28) Kien Ġesù qed jitkellem biss dwar ħajja fis-​sema, jew kellu f’moħħu wkoll ħajja eterna f’ġenna tal-​art? Ġesù kien għadu kif farraġ lis-​segwaċi tiegħu bil-​kliem: “Tibżgħux, merħla żgħira, għax Missierkom approva li jagħtikom is-​saltna.” (Lq. 12:32) Madankollu, fi żmien din l-​istess Festa tad-​Dedikazzjoni Ġesù qal: “Għandi nagħaġ oħrajn, li m’humiex minn dan il-​maqjel; lil dawn ukoll irrid inġibhom.” (Ġw. 10:16) Għalhekk, meta Ġesù kellem lil dawk li opponewh, kliemu inkluda kemm it-​tama taʼ ħajja fis-​sema għall-​“merħla żgħira” u kemm it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art għal miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn.”

Tama li Ma Kellha Bżonn Ebda Spjegazzjoni

13. Ġesù x’ried ifisser meta qal: “Int tkun fil-​Ġenna miegħi”?

13 Matul l-​agunija tiegħu fuq iz-​zokk tat-​tortura, Ġesù pprovda konferma tat-​tama tal-​umanità li ħadd ma jistaʼ jiċħadha. Raġel ħażin li ġie msammar maʼ zokk ħdejh qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.” Ġesù wiegħdu: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” (Lq. 23:42, 43) Ladarba dan ir-​raġel milli jidher kien Lhudi ma kellu bżonn ebda spjegazzjoni dwar il-​Ġenna tal-​art. Hu kien jaf dwar it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art f’dinja fil-​futur.

14. (a) X’juri li r-​referenza għal tama fis-​sema kienet diffiċli għall-​appostli biex jifhmuha? (b) Is-​segwaċi taʼ Ġesù meta kisbu fehma ċara tat-​tama tas-​sema?

14 Madankollu, xi ħaġa li kellha bżonn spjegazzjoni kienet ir-​referenza taʼ Ġesù għat-​tama tas-​sema. Meta kellem lid-​dixxipli tiegħu dwar it-​tlugħ tiegħu fis-​sema biex jipprepara post għalihom, ma fehmux x’ried ifisser. (Aqra Ġwanni 14:2-5.) “Għad għandi ħafna x’ngħidilkom,” qalilhom iktar tard, “imma fil-​preżent ma tifilħux għalih. Madankollu, meta jasal, l-​ispirtu tal-​verità, jiggwidakom lejn il-​verità kollha.” (Ġw. 16:12, 13) Kien biss wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K. meta ġew midlukin bl-​ispirtu t’Alla biex ikunu slaten fil-​futur li s-​segwaċi taʼ Ġesù fehmu li t-​tronijiet tagħhom kienu se jkunu fis-​sema. (1 Kor. 15:49; Kol. 1:5; 1 Pt. 1:3, 4) It-​tama taʼ wirt fis-​sema kienet rivelazzjoni, u l-​ittri mnebbħin fl-​Iskrittura Griega Kristjana ffokaw fuqha. Imma dawn l-​ittri jikkonfermawha t-​tama tal-​umanità taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art?

L-​Ittri Mnebbħin X’Jgħidu?

15, 16. L-​ittra mnebbħa lill-​Ebrej u l-​kliem taʼ Pietru kif jippontaw lejn it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art?

15 Fl-​ittra tiegħu lill-​Ebrej, l-​appostlu Pawlu indirizza lil sħabu fit-​twemmin bħala ‘aħwa qaddisin, li għandhom sehem fis-​sejħa tas-​sema.’ Madankollu, stqarr ukoll li Alla kien issuġġetta “l-​art abitata li ġejja” lil Ġesù. (Ebr. 2:3, 5; 3:1) Fl-​Iskrittura Griega Kristjana, il-​kelma oriġinali għal “art abitata” dejjem tirreferi għall-​art abitata mill-​bnedmin. Għalhekk, “l-​art abitata li ġejja” hija s-​sistema dinjija futura fuq l-​art taħt il-​ħakma taʼ Ġesù Kristu. Ġesù mbagħad se jwettaq il-​wegħda t’Alla: “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”​—Salm 37:29.

16 L-​appostlu Pietru wkoll ġie mnebbaħ biex jikteb dwar il-​futur tal-​umanità. Hu kiteb: “Is-​smewwiet u l-​art t’issa huma merfugħin għan-​nar u qed jinżammu għal jum il-​ġudizzju u l-​qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” (2 Pt. 3:7) X’se jieħu post is-​smewwiet governattivi u s-​soċjetà umana mill-​agħar li huma preżenti issa? (Aqra t-2 Pietru 3:13.) Flokhom se jkun hemm “smewwiet ġodda”​—is-​Saltna Messjanika t’Alla—​u “art ġdida”​—soċjetà umana ġusta t’aduraturi veri.

17. It-​tama tal-​umanità kif inhi deskritta f’Rivelazzjoni 21:1-4?

17 L-​aħħar ktieb tal-​Bibbja jmissilna qalbna bil-​viżjoni li fiha l-​umanità kollha terġaʼ tasal għall-​perfezzjoni. (Aqra Rivelazzjoni 21:1-4.) Din kienet it-​tama tal-​bnedmin li jemmnu minn mindu ntilfet il-​perfezzjoni umana fil-​ġnien tal-​Għeden. Nies ġusti se jgħixu f’Ġenna fuq l-​art għal dejjem mingħajr ma jixjieħu. Din it-​tama hija bbażata fis-​sod kemm fuq l-​Iskrittura Ebrajka u kemm fuq l-​Iskrittura Griega Kristjana, u għadha ssaħħaħ lill-​qaddejja leali taʼ Ġeħova sal-​lum il-​ġurnata.—Riv. 22:1, 2.

Tistaʼ Tispjega?

• Ġesù x’ried ifisser bit-​“tiġdid taʼ kollox”?

• Ġesù rigward xiex tkellem maʼ Nikodemu?

• Ġesù x’wegħda għamel lir-​raġel ħażin li kien imsammar maʼ zokk ħdejh?

• L-​ittra lill-​Ebrej u l-​kliem taʼ Pietru kif jikkonfermaw it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 8]

Uħud bħal nagħaġ se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem fuq l-​art

[Stampi f’paġna 10]

Ġesù kellem lil oħrajn dwar il-​ħajja taʼ dejjem