Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Ġeħova Ġiegħel Wiċċu Jiddi Lejhom’

‘Ġeħova Ġiegħel Wiċċu Jiddi Lejhom’

HEMM iktar minn 30 muskolu f’wiċċ il-​bniedem. Hemm bżonn 14-il muskolu jaħdmu flimkien sempliċement biex titbissem! Immaġina kif ikunu l-​konversazzjonijiet tiegħek mingħajr dawn il-​muskoli. Interessanti? Ma tantx. Imma għal dawk neqsin mis-​smigħ, il-​muskoli tal-​wiċċ jagħmlu ħafna iktar milli jsebbħu l-​konversazzjoni. Dawn flimkien maʼ ġesti fiżiċi huma mod sinifikanti kif jitwasslu ħsibijiet u ideat. Ħafna nies baqgħu mistagħġbin dwar kif il-​lingwa tas-​sinjali kapaċi tesprimi saħansitra ħsibijiet kumplessi flimkien maʼ kull dettall żgħir tat-​tifsira.

Fi żminijiet reċenti, nies neqsin mis-​smigħ madwar id-​dinja bdew jaraw wiċċ li hu iktar espressiv u iktar vivaċi minn kwalunkwe wiċċ uman. B’mod figurattiv, huma bdew jaraw “wiċċ Ġeħova.” (Lam. 2:19) Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni. Ġeħova ilu ħafna juri mħabba kbira lejn dawk neqsin mis-​smigħ. Hu saħansitra ilu jagħmel hekk minn żmien il-​ġens t’Israel tal-​qedem. (Lev. 19:14) Fi żmienna, l-​imħabba tiegħu għal dawk neqsin mis-​smigħ kienet evidenti ħafna wkoll. “[Alla] jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Tim. 2:4) Minħabba li kisbu l-​għarfien eżatt tal-​verità dwar Alla, ħafna minn dawk neqsin mis-​smigħ, sa ċertu punt, bdew jaraw lil wiċċu. Persuni neqsin mis-​smigħ kif setgħu jagħmlu dan mingħajr ma jistgħu jisimgħu? Qabel inwieġbu din il-​mistoqsija, ejja nikkunsidraw għala l-​lingwa tas-​sinjali hija importanti għal persuni neqsin mis-​smigħ.

Jitgħallmu b’Dak li Jaraw

Hemm ħafna ideat żbaljati dwar persuni neqsin mis-​smigħ u l-​lingwa tas-​sinjali. Ejja niċċaraw ftit minnhom. Nies neqsin mis-​smigħ jistgħu jsuqu vetturi. Il-​qari tax-​xofftejn hu diffiċli ħafna għalihom. Il-​lingwa tas-​sinjali m’għandha xejn komuni mal-​Braille u mhijiex sempliċi pantomina. M’hemmx lingwa tas-​sinjali universali waħda. Iktar minn hekk, persuni neqsin mis-​smigħ jagħmlu sinjali ftit differenti minn persuni oħrajn neqsin mis-​smigħ li jgħixu f’postijiet oħrajn f’pajjiżhom stess.

Persuni neqsin mis-​smigħ jistgħu jaqraw? Filwaqt li xi wħud jaqraw tajjeb, il-​verità hi li l-​maġġorparti minn dawk neqsin mis-​smigħ ibatu biex jaqraw. Għala? Minħabba li dak li jkun hemm miktub fuq il-​karta stampata joriġina minn lingwa mitkellma. Ikkunsidra kif tifel li għandu l-​abbiltà li jismaʼ jitgħallem lingwa. Mill-​mument li jitwieled, it-​tifel ikun imdawwar minn nies li jitkellmu l-​lingwa tal-​lokal. Fi żmien qasir, hu kapaċi jgħaqqad kliem flimkien u jifforma sentenzi. Dan jiġi naturali sempliċement billi jismaʼ l-​lingwa mitkellma. Għalhekk, meta tfal li jisimgħu jibdew jaqraw, hi kwistjoni taʼ li jitgħallmu li l-​ittri suwed fuq il-​karta jikkorrispondu mal-​ħsejjes u l-​kliem li diġà jafu.

Issa immaġina lilek innifsek f’pajjiż barrani f’kamra tal-​ħġieġ li minnha ma jinstemaʼ xejn. Int qatt ma smajt il-​lingwa tal-​lokal mitkellma. Kuljum, in-​nies tal-​lokal jiġu għandek u jipprovaw ikellmuk minn wara l-​ħġieġ. Int ma tistax tismaʼ dak li qed jgħidu. Tara biss xofftejhom jiċċaqalqu. Peress li jirrealizzaw li m’intix tifhimhom, huma jiktbu dak l-​istess kliem fuq biċċa karta u minn wara l-​ħġieġ juruk dak li kitbu. Huma jaħsbu li int tistaʼ tifhem dak li hemm miktub. Kemm taħseb li se tmur tajjeb? Se ssib li l-​komunikazzjoni hi kważi impossibbli f’din is-​sitwazzjoni. Għala? Għax dak li hemm miktub jirrappreżenta lingwa li int qatt ma smajthom jitkellmuha. Din hi eżattament is-​sitwazzjoni li ħafna persuni neqsin mis-​smigħ isibu ruħhom fiha.

Il-lingwa tas-​sinjali hi mezz taʼ komunikazzjoni perfett għal persuni neqsin mis-​smigħ. Individwu juża l-​ispazju taʼ madwaru biex joħloq ideat bis-​sinjali. Il-​movimenti tiegħu f’dan l-​ispazju, flimkien mal-​espressjonijiet taʼ wiċċu jsegwu r-​regoli tal-​grammatika tal-​lingwa tas-​sinjali. B’dan il-​mod inħalqet lingwa viżwali li tagħmilha possibbli biex l-​informazzjoni titwassal lill-​għajnejn.

Fil-fatt, kważi kull mossa li persuna li ma tismax tagħmel b’idejha, b’ġisimha, u b’wiċċha waqt li tkun qed tagħmel is-​sinjali għandha sinifikat. L-​espressjonijiet tal-​wiċċ ma jsirux sempliċement biex jimpressjonaw lin-​nies. Dawn huma parti importanti mill-​grammatika tal-​lingwa tas-​sinjali. Biex nagħtu eżempju: Meta jistaqsu mistoqsija b’ħuġbejhom mgħollijin jistgħu jindikaw jew li hi mistoqsija rettorika jew inkella waħda li titlob iva jew le bħala risposta. Jekk il-​ħuġbejn ikunu mniżżlin, din tistaʼ tindika mistoqsija bħal min, xiex, fejn, meta, għala, jew kif. Ċerti movimenti tal-​ħalq jistgħu jissuġġerixxu d-​daqs t’oġġett jew l-​intensità t’azzjoni. Il-​mod kif individwu nieqes mis-​smigħ iċaqlaq rasu, jgħolli spallejh, iċaqlaq ħaddejh, u jteptep għajnejh ilkoll iżidu differenzi sottili fit-​tifsiriet mal-​ħsieb li jrid jitwassal.

Dawn il-​movimenti fiżiċi jgħinu lil dak li jkun qed jarahom biex jifhem l-​informazzjoni b’mod pjaċevoli ħafna. Meta jużaw din il-​forma differenti taʼ komunikazzjoni, persuni neqsin mis-​smigħ li jafu tajjeb il-​lingwa tas-​sinjali huma mgħammrin biex iwasslu kull ħsieb—minn poetiku sa tekniku, minn romantiku s’umoristiku, minn konkret s’astratt.

Pubblikazzjonijiet bil-​Lingwa tas-​Sinjali Jagħmlu Differenza

Meta l-​għarfien taʼ Ġeħova jiġi espress viżwalment bil-​lingwa tas-​sinjali, persuna nieqsa mis-​smigħ, sa ċertu punt, kapaċi tismaʼ l-​messaġġ u ‘tpoġġi l-​fidi’ fl-​Oriġinatur tal-​messaġġ. Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għamlu sforz diliġenti biex jippritkaw lill-​persuni neqsin mis-​smigħ mad-​dinja kollha u biex jipprovdu materjal għall-​benefiċċju tagħhom. (Rum. 10:14) Bħalissa, hemm 58 tim li jittraduċu bil-​lingwa tas-​sinjali, u pubblikazzjonijiet bil-​lingwa tas-​sinjali fuq DVD issa huma disponibbli b’40 lingwa tas-​sinjali. Kellu riżultati tajbin dan ix-​xogħol kollu?

Jeremy, li l-​ġenituri tiegħu t-​tnejn li huma neqsin mis-​smigħ, jgħid: “Niftakar li darba fost l-​oħrajn missieri qattaʼ sigħat sħaħ fil-​kamra tas-​sodda tiegħu medhi jistudja ftit paragrafi biss minn artiklu tat-​Torri tal-​Għassa u jipprova jifhimhom. F’daqqa waħda ħareġ mill-​kamra u b’eċċitament bis-​sinjali qalli: ‘Fhimt! Fhimt!’ Imbagħad spjegali xi jfisser il-​materjal. Jien kelli biss 12-il sena dak iż-​żmien. Tajt daqqa t’għajn lill-​paragrafi u bis-​sinjali għedtlu: ‘Pa, ma naħsibx li hekk ifisser. Qed jgħid . . . ’ Hu għamilli mossa biex nieqaf u mar lura f’kamartu biex hu nnifsu jsir jaf it-​tifsir taʼ dak li kien hemm miktub. Qatt mhu se ninsa l-​wiċċ diżappuntat tiegħu u l-​ammirazzjoni li ħassejt hekk kif rajtu jmur lura fil-​kamra tas-​sodda tiegħu. Madankollu, il-​pubblikazzjonijiet bil-​lingwa tas-​sinjali fuq id-​DVD issa għamluha possibbli għalih biex jifhem ħafna aħjar l-​informazzjoni. Li nara wiċċu jixgħel meta jesprimi kif iħossu dwar Ġeħova hi xi ħaġa li napprezzaha ħafna.”

Ikkunsidra wkoll l-​esperjenza taʼ koppja Xhieda li kellmu lil Jessenia, żagħżugħa nieqsa mis-​smigħ fiċ-​Ċili. Wara li ngħataw permess mingħand ommha biex juru lil Jessenia My Book of Bible Stories—On DVD (Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​BibbjaFuq DVD) bil-​Lingwa tas-​Sinjali Ċilena, huma rrapportaw: “Meta Jessenia bdiet tara l-​istorja, hi bdiet tidħaq u mbagħad infexxet tibki. Meta ommha staqsietha għala kienet qed tibki, hi wieġbet li dan kien minħabba li kien qed jogħġobha dak li kienet qed tara. Imbagħad, ommha rrealizzat li t-​tifla kienet qed tifhem dak kollu li kien hemm fuq id-​DVD.”

Mara nieqsa mis-​smigħ li tgħix f’territorju rurali fil-​Venezwela kellha tifla, u kienet tqila bit-​tieni tarbija. Hi u żewġha ħassew li ma setgħux jaffordjaw li jkollhom tarbija oħra minħabba raġunijiet ekonomiċi, u għalhekk kienu qed jaħsbu dwar l-​abort. Mingħajr ma kienu jafu x’inhu jiġri, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova żaruhom u wrewhom lezzjoni 12 tal-​vidjo What Does God Require of Us? (Alla X’Jirrikjedi Minna?) bil-​Lingwa tas-​Sinjali Venezweljana. Il-​lezzjoni spjegat il-​ħarsa t’Alla lejn l-​abort u l-​qtil. Iktar tard, il-​mara qalet lix-​Xhieda kemm kienet grata li studjat dik il-​lezzjoni. Hi qalet li minħabba f’hekk, huma ddeċidew li ma jagħmlux abort. Bl-​għajnuna taʼ pubblikazzjoni bil-​lingwa tas-​sinjali fuq DVD ġiet salvata l-​ħajja tat-​tarbija!

Lorraine, Xhud nieqsa mis-​smigħ, tispjega: “Jien u nitgħallem il-​Bibbja kont qisni qed ngħaqqad il-​biċċiet taʼ jigsaw puzzle maʼ xulxin. Il-​fehma tiegħi tal-​istampa sħiħa kellha biċċiet neqsin, kien hemm il-​vojt. Imma meta l-​veritajiet tal-​Bibbja saru iktar disponibbli bil-​lingwa tas-​sinjali, il-​vojt imtela.” George, li hu nieqes mis-​smigħ u li ilu Xhud għal 38 sena, jgħid: “M’hemmx dubju li l-​abbiltà li tifhem kwistjoni waħdek tagħtik ċertu rispett lejk innifsek u tħossok kunfidenti. Inħoss li d-​DVDs bil-​lingwa tas-​sinjali kienu l-​iktar li għenuni biex intejjeb ir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova.”

“Laqgħa bil-​Lingwa Tiegħi!”

Minbarra l-​pubblikazzjonijiet tal-​lingwa tas-​sinjali, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova organizzaw kongregazzjonijiet li fihom il-​laqgħat isiru mill-​bidu sal-​aħħar bil-​lingwa tas-​sinjali. Bħalissa, hemm iktar minn 1,100 kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali madwar id-​dinja. L-​udjenza taʼ wħud neqsin mis-​smigħ hi indirizzata bil-​lingwa tagħha, u l-​veritajiet tal-​Bibbja huma preżentati bil-​mod li jaħseb individwu nieqes mis-​smigħ—bil-​lingwa tiegħu. Dawn jitwasslu b’mod li juri rispett għall-​kultura tiegħu u dak li esperjenza f’ħajtu.

Swew taʼ ġid il-​kongregazzjonijiet tal-​lingwa tas-​sinjali li ġew stabbiliti? Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ Cyril li tgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​1955. Għal snin sħaħ hu għamel ħiltu kollha biex jistudja l-​pubblikazzjonijiet miktubin u kien jattendi l-​laqgħat Kristjani regolarment. Kultant kien ikun hemm interpreti tal-​lingwa tas-​sinjali u kultant le. Meta ma kienx ikun hemm, hu kien jistrieħ fuq xi Xhieda li bi mħabba kienu jipprovaw jgħinuh billi jiktbu noti dwar dak li kien ikun qed jingħad minn fuq il-​platform. L-​ewwel kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali fl-​Istati Uniti ġiet ifformata fil-​belt taʼ New York fl-​1989, meta hu kien ilu Xhud għal 34 sena. Bħala membru taʼ dik il-​kongregazzjoni, kif ħassu Cyril? “Ħassejtni qisni ħiereġ minn foresta, minn mina mdallma għal ġod-​dawl. Laqgħa bil-​lingwa tiegħi!”

Il-kongregazzjonijiet tal-​lingwa tas-​sinjali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova huma postijiet fejn nies neqsin mis-​smigħ jistgħu jiltaqgħu flimkien regolarment biex jitgħallmu dwar Alla u jqimuh. Huma postijiet fejn in-​nies t’Alla jistgħu jibnu relazzjonijiet u jħossuhom inkuraġġiti. F’dinja fejn in-​nies neqsin mis-​smigħ forsi ma jistgħux jikkomunikaw faċilment u li għandhom mnejn ikunu iżolati minn nies oħrajn, dawn il-​kongregazzjonijiet huma post taʼ kenn għal komunikazzjoni u sħubija. F’dan l-​ambjent, persuni neqsin mis-​smigħ jistgħu jitgħallmu, jagħmlu progress, u jirsistu fis-​servizz tagħhom lil Ġeħova. Ħafna Xhieda neqsin mis-​smigħ setgħu jaqdu bħala evanġelizzaturi full-time. Xi wħud marru f’pajjiżi oħrajn biex jgħinu lill-​persuni neqsin mis-​smigħ jitgħallmu dwar Ġeħova. Irġiel Kristjani li huma neqsin mis-​smigħ tgħallmu jkunu għalliema, organizzaturi, u rgħajja effettivi, u b’hekk ħafna jkunu jistgħu jikkwalifikaw ħalli jieħdu ħsieb responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni.

Fl-Istati Uniti, hemm iktar minn 100 kongregazzjoni u madwar 80 grupp tal-​lingwa tas-​sinjali. Fil-​Brażil, hemm madwar 300 kongregazzjoni u iktar minn 400 grupp tal-​lingwa tas-​sinjali. Hemm kważi 300 kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali fil-​Messiku. Ir-​Russja għandha iktar minn 30 kongregazzjoni u 113-il grupp tal-​lingwa tas-​sinjali. Dawn huma biss ftit eżempji taż-​żjieda li qed ikun hemm madwar id-​dinja.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu wkoll assembleat u konvenzjonijiet bil-​lingwa tas-​sinjali. Is-​sena l-​oħra, inżammu iktar minn 120 konvenzjoni madwar id-​dinja b’ħafna lingwi tas-​sinjali differenti. Dawn l-​okkażjonijiet jgħinu lix-​Xhieda neqsin mis-​smigħ biex jaraw li huma parti minn fratellanza Kristjana madwar id-​dinja li qed tibbenefika minn ikel spiritwali f’waqtu.

Leonard li hu nieqes mis-​smigħ, ilu Xhud taʼ Ġeħova għal iktar minn 25 sena. Hu jirrakkonta: “Minn dejjem kont naf li Ġeħova hu l-​Alla l-​veru. Xorta waħda, qatt ma fhimt ċar għala ppermetta s-​sofferenza. Kultant, dan ġegħelni nħossni rrabjat għalih. Imma matul taħdita partikulari f’konvenzjoni distrettwali bil-​lingwa tas-​sinjali, sa fl-​aħħar stajt nifhem il-​kwistjonijiet involuti. Meta spiċċat it-​taħdita, marti tagħtni daqqa bil-​minkeb f’ġenbi u staqsietni, ‘Sodisfatt issa?’ Onestament stajt ngħid iva! Wara 25 sena, jien grat li qatt ma tlaqt lil Ġeħova. Dejjem ħabbejtu imma qatt ma stajt nifhmu għalkollox. Illum iva!”

Qalbhom Mimlija Gratitudni

Liema “espressjonijiet” fuq wiċċ Ġeħova qed jaraw persuni neqsin mis-​smigħ hekk kif jitgħallmu dwaru? L-​imħabba, il-​mogħdrija, il-​ġustizzja, il-​lealtà, il-​qalb tajba bl-​imħabba—u ħafna iżjed.

Dawk fil-​komunità internazzjonali taʼ persuni neqsin mis-​smigħ tax-​Xhieda qed jaraw il-​wiċċ taʼ Ġeħova u se jkomplu jagħmlu dan saħansitra b’mod iktar ċar. Bi mħabba f’qalbu għal dawk neqsin mis-​smigħ, ‘Ġeħova ġiegħel wiċċu jiddi lejhom.’ (Num. 6:25) Kemm huma grati dawn l-​uħud neqsin mis-​smigħ li saru jafu lil Ġeħova!

[Stampi f’paġna 25]

Hemm iktar minn 1,100 kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali madwar id-​dinja

[Stampi f’paġna 26]

Il-​wiċċ taʼ Ġeħova idda bil-​kbir fuq ix-​xogħol tal-​ippritkar lill-​persuni neqsin mis-​smigħ