Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Evita l-Aljenazzjonijiet f’Dan il-“Jum t’Aħbar Tajba”

Evita l-Aljenazzjonijiet f’Dan il-“Jum t’Aħbar Tajba”

L-​ERBAʼ mġiddmin ħasbu dwar l-​għażliet li kellhom. Ħadd ma kien tahom karità f’bieb il-​belt. Is-​Sirjani kienu waqfu l-​ikel milli jidħol fis-​Samarija sabiex in-​nies iċedu jew imutu bil-​ġuħ. Kien ikun għalxejn li jidħlu fil-​belt; il-​prezz tal-​ikel kien m’ogħla s-​sema. Kien diġà ġie rapportat każ taʼ kannibaliżmu.—2 Slat. 6:24-29.

‘Għala ma nidħlux fil-​kamp tas-​Sirjani?’ ħasbu l-​imġiddmin. ‘M’għandna xejn x’nitilfu.’ Huma telqu dik il-​lejla meta dalam u ħadd ma setaʼ jarahom. Meta waslu fil-​kamp, kien hemm is-​skiet. Ma kien hemm ħadd għassa. Iż-​żwiemel u l-​ħmir kienu marbutin, imma ma kienx hemm suldati. L-​erbgħa li huma ttawlu f’wieħed mill-​kampijiet. Ma kien hemm ħadd, imma kien hemm ikel u xorb bl-​abbundanza. Huma kielu u xorbu. L-​imġiddmin raw ukoll deheb, fidda, ilbies, u affarijiet oħrajn taʼ valur. Ħadu li riedu, ħbewh, u marru lura għal iktar. Il-​kamp kollu kien ġie abbandunat. Ġeħova b’miraklu kien ġiegħel lis-​Sirjani jisimgħu ħoss taʼ qawwa militari. Is-​Sirjani telqu jiġru għax ħasbu li kienu qed jiġu attakkati. Ħallew kollox hemm biex jiħodhom min irid!

L-imġiddmin bdew jieħdu u jaħbu l-​affarijiet taʼ valur. Madankollu, il-​ħsieb li n-​nies tas-​Samarija, li kienet fil-​viċin, kienu qed imutu bil-​ġuħ beda jniggżilhom il-​kuxjenza. Huma bdew jgħidu wieħed lill-​ieħor: “Mhux sew li qed nagħmlu. Dan il-​jum huwa jum t’aħbar tajba!” L-​imġiddmin malajr marru lura lejn is-​Samarija u wasslu l-​aħbar tajba dwar dak li kienu sabu.—2 Slat. 7:1-11.

Aħna wkoll qed ngħixu f’dak li jistaʼ jissejjaħ “jum t’aħbar tajba.” Meta pponta lejn fattur li jispikka tas-​“sinjal . . . tal-​konklużjoni tas-​sistema,” Ġesù qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mt. 24:3, 14) Dan kif għandu jeffettwana?

It-​Tħassib Persunali Jistaʼ Jtaqqalna

Ferħanin se jtiru b’dak li sabu, l-​imġiddmin insew għal ftit lis-​Samarija. Huma ffokaw fuq dak li setgħu jiksbu. Jistaʼ jiġrilna xi ħaġa simili? In-​“nuqqas taʼ ikel” huwa parti mis-​sinjal kompost li jimmarka ż-​żmien tal-​konklużjoni tas-​sistema. (Lq. 21:7, 11) Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-​ħajja.” (Lq. 21:34) Bħala Kristjani, għandna noqogħdu attenti li ma nħallux it-​tħassib persunali dwar il-​ħajja taʼ kuljum inessina l-​fatt li qed ngħixu f’“jum t’aħbar tajba.”

Oħt Kristjana jisimha Blessing ma ħallietx l-​interessi persunali jtaqqluha. Hi qdiet bħala pijuniera u kompliet għal xi żmien l-​iskola. Eventwalment iżżewġet Betelit u ġiet aċċettata bħala membru tal-​familja Betel taʼ Benin. Hi tgħid: “Jien nagħmel xogħol taʼ tindif, u tassew inħobb l-​inkarigu tiegħi.” Blessing issa tistaʼ tħares lura b’ferħ lejn it-​12-il sena taʼ servizz full-time u tkun grata li hi baqgħet iffokata fuq il-​“jum t’aħbar tajba” li qegħdin ngħixu fih bħalissa.

Għasses Kontra l-​Affarijiet li Jaħlu l-​Ħin

Meta bagħat lis-​70 dixxiplu, Ġesù qal: “Tassew, il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema ftit. Għalhekk, itolbu bil-​ħrara lil Sid il-​ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-​ħsad tiegħu.” (Lq. 10:2) Sewwasew bħalma d-​dewmien fi żmien il-​ħsad jistaʼ jirriżulta f’telf taʼ prodotti tar-​rabaʼ, it-​traskuraġni fix-​xogħol tal-​ippritkar tistaʼ tirriżulta f’telf taʼ ħajjiet. Għalhekk, Ġesù żied jgħid: “Fit-​triq tieqfu tħaddnu lil ħadd biex issellmulu.” (Lq. 10:4) Il-​kelma bil-​lingwa oriġinali għal ‘sellem’ tistaʼ tfisser iktar minn sempliċi “bonġu” jew “il-​ġurnata t-​tajba.” Din tista tinkludi wkoll tħaddin u konversazzjoni twila li jistaʼ jkun hemm meta niltaqgħu maʼ xi ħabib. Għalhekk, Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jevitaw aljenazzjonijiet mhux neċessarji u biex jużaw il-​ħin tagħhom bil-​għaqal. Il-​messaġġ li kellhom jippritkaw kien urġenti.

Aħseb dwar kemm jistgħu jaħlu ħin l-​aljenazzjonijiet. F’ħafna postijiet, it-​televixin ilu snin sħaħ l-​iktar ħaġa li jaħli l-​ħin. Imma xi ngħidu għall-​mobiles u għall-​kompjuters persunali? Skont stħarriġ li sar fuq 1,000 adult fil-​Britannja nstab li “bħala medja, persuna mill-​Britannja tqattaʼ 88 minuta kuljum fuq telefon b’linja fissa, 62 minuta oħra fuq mobile, 53 minuta tibgħat l-​e-mails u 22 minuta tibgħat messaġġi bil-​mobile.” It-​total jammonta għal iktar mid-​doppju li pijunier awżiljarju jiddedika fil-​ministeru kuljum! Int kemm tqattaʼ ħin tuża dawn il-​mezzi taʼ komunikazzjoni?

Ernst u Hildegard Seliger kienu joqogħdu attenti għal kif kienu jużaw il-​ħin tagħhom. Bejniethom, huma qattgħu iktar minn 40 sena f’kampijiet tal-​konċentrament tan-​Nazi u f’ħabsijiet Komunisti. Wara li nħelsu, huma qdew bħala pijunieri sakemm temmew il-​ħajja tagħhom fuq l-​art.

Ħafna riedu jikkomunikaw mas-​Seligers. Il-​koppja setgħu qattgħu l-​biċċa l-​kbira mill-​ħin tagħhom jaqraw u jiktbu l-​ittri. Madankollu, l-​affarijiet spiritwali kellhom l-​akbar prijorità f’ħajjithom.

M’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm aħna nħobbu nirċievu ittri jew telefonati mingħand l-​għeżież tagħna, u m’hemm xejn ħażin b’daqshekk. Huwa taʼ benefiċċju li b’mod għaqli invarjaw ir-​rutina tagħna taʼ kuljum. Minkejja dan, inkunu għaqlin jekk noqogħdu attenti li nikkontrollaw l-​aljenazzjonijiet li jaħlulna l-​ħin matul dan il-​jum li fih għandna nippritkaw l-​aħbar tajba.

Ipprietka l-​Aħbar Tajba bir-​Reqqa

X’barka li qed ngħixu fil-​“jum t’aħbar tajba”! Ejja ma naljenawx ruħna bħalma għamlu għall-​ewwel l-​erbaʼ mġiddmin. Ftakar li huma kkonkludew: “Mhux sew li qed nagħmlu.” Hekk ukoll ma jkunx sewwa li aħna nħallu l-​ġiri wara affarijiet persunali jew l-​aljenazzjonijiet li jaħlulna l-​ħin iżommuna lura milli jkollna sehem sħiħ fil-​ministeru.

F’dan ir-​rigward, għandna eżempju eċċellenti xi nsegwu. Meta rrifletta fuq l-​ewwel 20 sena tal-​ministeru tiegħu, l-​appostlu Pawlu kiteb: ‘Ippridkajt bir-​reqqa l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu.’ (Rum. 15:19) Pawlu ma ħalla xejn inaqqaslu ż-​żelu tiegħu. Ejja nkunu żelużi bħalma kien hu hekk kif niddikjaraw il-​messaġġ tas-​Saltna f’dan il-​“jum t’aħbar tajba.”

[Stampa f’paġna 28]

Blessing ma ħallietx l-​interessi persunali jfixklu s-​servizz “full-time” tagħha

[Stampa f’paġna 29]

Is-​Seligers kienu joqogħdu attenti għal kif kienu jużaw il-​ħin tagħhom