Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taqdi Qabel? Tistaʼ Terġaʼ Taqdi?

Kont Taqdi Qabel? Tistaʼ Terġaʼ Taqdi?

KONT int taqdi qabel f’pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni Kristjana? Forsi kont qaddej ministerjali jew anzjan. Għandek mnejn kont taqdi f’xi qasam taʼ servizz full-time. Mingħajr dubju, int sibt ferħ u sodisfazzjon kbir fl-​inkarigi tiegħek, imma mbagħad għal xi raġuni jew oħra ma stajtx tkompli.

Forsi kellek iċċedi l-​privileġġ tiegħek biex tieħu ħsieb xi membri tal-​familja. Mill-​banda l-​oħra, ir-​raġuni setgħet kienet l-​età jew is-​saħħa batuta. Deċiżjonijiet bħal dawn ma jfissrux li ma rnexxejtx. (1 Tim. 5:8) Fl-​ewwel seklu, Filippu qeda bħala missjunarju imma iktar tard issetilja f’Ċesarija, fejn ħa ħsieb il-​familja tiegħu. (Atti 21:8, 9) Fi xjuħitu, is-​Sultan David t’Israel tal-​qedem irranġa biex ibnu Salamun ikun is-​suċċessur tiegħu fuq it-​tron. (1 Slat. 1:1, 32-35) Madankollu, Ġeħova baqaʼ jħobb u japprezza kemm lil Filippu u kemm lil David, u dawn għadhom rispettati sal-​lum.

Madankollu, jistaʼ jkun li ttiħidlek xi privileġġ taʼ servizz. Kien minħabba kondotta mhix għaqlija? Jew kien hemm involut xi problemi tal-​familja? (1 Tim. 3:2, 4, 10, 12) Għandek mnejn ma ħassejtx li kien hemm bżonn li tittieħed din l-​azzjoni u jistaʼ jkun li għadek tħoss xi ftit riżentiment sal-​lum.

Int Tistaʼ Tirsisti Biex Terġaʼ Taqdi

Meta jintilef privileġġ, ifisser li qatt ma jistaʼ jerġaʼ jinkiseb? Fil-​biċċa l-​kbira mill-​każi le. Iżda biex terġaʼ taqdi trid tirsisti. (1 Tim. 3:1) Imma għala għandek tixtieq dan? Għall-​istess raġuni li ddedikajt lilek innifsek lil Alla—imħabba għal Ġeħova u għal dawk li jaqduh. Jekk int lest li turi din l-​imħabba billi terġaʼ taqdi, dan se jippermetti lil Ġeħova juża l-​esperjenza li int kellek kemm qabel u kemm wara li tlift il-​privileġġ tiegħek.

Ftakar fl-​assiguranza li Ġeħova ta lil Israel wara li bi dritt ħadilhom il-​privileġġi taʼ servizz. Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Jien Ġeħova; jien ma nbdiltx. U intom ulied Ġakobb; intom ma ntemmejtux.” (Mal. 3:6) Ġeħova ħabb lill-​Israelin u xtaq jużahom iktar. Bl-​istess mod, Ġeħova hu interessat li juża lilek fil-​futur. X’tistaʼ tagħmel fiċ-​ċirkustanzi preżenti tiegħek? Sabiex taqdi l-​interessi teokratiċi, is-​saħħa spiritwali hi iktar importanti mill-​abbiltà naturali. Għalhekk, sakemm m’għandekx iktar responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni, stinka biex issaħħaħ l-​ispiritwalità tiegħek.

Biex ‘issir setgħan’ fil-​fidi, int trid ‘tfittex lil Ġeħova u s-​saħħa tiegħu.’ (1 Kor. 16:13; Salm 105:4) Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan hu permezz taʼ talb mill-​qalb. Meta titkellem dwar is-​sitwazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova, esprimi s-​sentimenti tiegħek u itlob għall-​ispirtu tiegħu. Hekk kif tagħmel dan, int se tersaq eqreb lejn Ġeħova u dan se jagħmlek sod. (Salm 62:8; Flp. 4:6, 13) Mod ieħor kif issaħħaħ l-​ispiritwalità tiegħek hu billi ttejjeb l-​istudju tal-​Kelma t’Alla. B’inqas responsabbiltajiet għalissa, forsi tkun tistaʼ tagħmel iktar f’dak li hu studju persunali u tal-​familja, forsi billi terġaʼ tagħmel rutina li kienet diffiċli biex iżommha.

Naturalment, int xorta għadek tirrappreżenta lil Ġeħova bħala wieħed mix-​Xhieda tiegħu. (Is. 43:10-12) L-​aqwa privileġġ li kull wieħed minna jistaʼ jkollu hu li nkunu “ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) Mod mill-​isbaħ kif issaħħaħ l-​ispiritwalità tiegħek u taʼ sħabek fil-​ministeru hu billi żżid l-​attività fis-​servizz tal-​għalqa.

Kif Tistaʼ Tkampa mas-​Sentimenti Tiegħek

Meta titlef privileġġ taʼ servizz jistaʼ jqanqal fik sentiment taʼ mistħija jew dispjaċir. Int forsi għandek tendenza li tiġġustifika l-​azzjonijiet tiegħek. Madankollu, xi ngħidu jekk aħwa responsabbli jisimgħu d-​difiża tiegħek imma xorta waħda jħossu li m’għandekx iżżomm ċertu privileġġ? Forsi tibqaʼ tħoss xi sentimenti negattivi lejn ħutek u dawn iżommuk lura milli tirsisti jew saħansitra jagħmluhielek diffiċli biex titgħallem minn din l-​esperjenza. Ejja nikkunsidraw kif l-​esperjenzi taʼ Ġob, Manasse, u Ġużeppi jistgħu jgħinuk tkampa maʼ sentimenti negattivi.

Ġob kien irrappreżenta lil oħrajn quddiem Ġeħova u kien qeda bħala anzjan u mħallef f’soċjetà patrijarkali. (Ġob 1:5; 29:7-17, 21-25) Imbagħad, fi żmien kruċjali f’ħajtu, Ġob tilef il-​ġid, it-​tfal, u s-​saħħa tiegħu. Maʼ dawn, hu tilef ukoll ir-​reputazzjoni tajba tiegħu. “Jiddieħqu bija,” qal Ġob, “dawk li huma iżgħar minni fil-​jiem.”—Ġob 30:1.

Ġob ħass li kien innoċenti għalkollox u ried jiddefendi lilu nnifsu quddiem Ġeħova. (Ġob 13:15) Madankollu, Ġob kien lest jistrieħ fuq Ġeħova u dan ġablu barkiet. Hu tgħallem li kellu bżonn korrezzjoni, speċjalment minħabba l-​mod kif irreaġixxa għall-​prova li ġarrab. (Ġob 40:6-8; 42:3, 6) Eventwalment, minħabba li Ġob wera l-​umiltà, hu ġie mbierek bil-​kbir minn Alla.—Ġob 42:10-13.

Jekk tlift xi privileġġ minħabba għemil ħażin min-​naħa tiegħek, int forsi taħseb jekk Ġeħova u ħutek il-​Kristjani qattx se jaħfrulek u jinsew verament. Mela kkunsidra l-​każ tas-​Sultan Manasse taʼ Ġuda. Hu għamel “dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, biex joffendih.” (2 Slat. 21:6) Madankollu, Manasse miet leali waqt li kien qed jaħkem bħala sultan. Dan kif ġara?

Eventwalment, Manasse aċċetta d-​dixxiplina. Wara li kien injora t-​twissijiet, Ġeħova bagħat kontrih l-​Assirjani, li rabtuh bil-​ktajjen u eżiljawh ’il bogħod f’Babilonja. Hemmhekk, Manasse “pprova jtaffi l-​korla taʼ Ġeħova Alla tiegħu u baqaʼ jumilja ruħu ħafna minħabba l-​Alla taʼ missirijietu. U baqaʼ jitolbu.” Indiema mill-​qalb wasslet lil Manasse biex jieħu azzjoni ħalli jirranġa l-​ħażin, u ġie maħfur.—2 Kron. 33:12, 13.

Privileġġi mitlufin rari jingħataw lura kollha f’daqqa. Madankollu, maż-​żmien, tistaʼ tingħata ċerti responsabbiltajiet limitati. Il-​fatt li taċċettahom u tagħmel l-​aħjar li tistaʼ spiss iwassal għal iktar inkarigi. Dan ma jfissirx li se jkun faċli. Jistaʼ jkun hemm xi diżappunti. Minkejja dan, ir-​rieda u l-​perseveranza jġibu l-​barkiet.

Ħu bħala eżempju lil Ġużeppi, it-​tifel taʼ Ġakobb. Fl-​età taʼ 17-il sena, b’mod inġust Ġużeppi ġie mibjugħ bħala lsir minn ħutu. (Ġen. 37:2, 26-28) Ċertament li dan ma kienx it-​tip taʼ trattament li hu stenna minn ulied missieru. Madankollu, kien lest li jagħmel l-​almu tiegħu f’dawn iċ-​ċirkustanzi, u bil-​barka taʼ Ġeħova hu “nħatar fuq dar sidu.” (Ġen. 39:2) Iktar tard, Ġużeppi ġie mitfugħ il-​ħabs. Imma wera li kien leali, u Ġeħova kien miegħu, tant li eventwalment ġie fdat biex jieħu ħsieb l-​affarijiet konnessi mal-​ħabs.—Ġen. 39:21-23.

Ġużeppi ma kienx jaf li dan kollu kellu jservi għal skop. Hu sempliċement kompla jagħmel dak li setaʼ. Għalhekk, Ġeħova setaʼ jużah biex jippreserva l-​linja li kellha twassal għan-​Nisel imwiegħed. (Ġen. 3:15; 45:5-8) Filwaqt li ħadd minna ma jistaʼ jistenna li jkollu rwol importanti bħalma kellu Ġużeppi, ir-​rakkont ispirat juri li l-​id taʼ Ġeħova hi involuta fil-​privileġġi li jirċievu l-​qaddejja Tiegħu. Żomm il-​bieb miftuħ billi timita lil Ġużeppi.

Kif Tistaʼ Titgħallem Minn Esperjenzi Diffiċli

Ġob, Manasse, u Ġużeppi għaddew minn esperjenzi taʼ qtigħ il-​qalb. It-​tlett irġiel aċċettaw dak li Ġeħova ppermetta, u kull wieħed minnhom tgħallem lezzjonijiet taʼ valur. X’tistaʼ titgħallem int?

Fittex dak li Ġeħova għandu mnejn qiegħed jipprova jgħallmek. Fit-​taqbida tiegħu mad-​disperazzjoni, Ġob sar moħħu fih innifsu u ma baqax jara l-​kwistjonijiet iktar importanti. Madankollu, meta Ġeħova ddixxiplinah bl-​imħabba, hu reġaʼ kiseb il-​bilanċ u ammetta: “Jien tkellimt, imma ma kontx qed nifhem.” (Ġob 42:3) Jekk tħossok imweġġaʼ minħabba li tlift xi privileġġi, ‘taħsibx li int xi ħaġa iktar milli hu xieraq, imma aħseb b’tali mod li jkollok moħħ f’loku.’ (Rum. 12:3) Ġeħova għandu mnejn qed jipprova jaġġustak b’tali mod li int għadek ma tifhimx għalkollox.

Aċċetta d-​dixxiplina. Forsi għall-​ewwel Manasse ma ħassx li kien jixraqlu ċanfira daqstant iebsa bħalma rċieva. Madankollu, hu aċċettaha, nidem, u abbanduna l-​korsa żbaljata tiegħu. Tħossok kif tħossok rigward id-​dixxiplina li rċivejt, ‘umilja ruħek f’għajnejn Ġeħova, u hu jeżaltak.’—1 Pt. 5:6; Ġak. 4:10.

Kun paċenzjuż u dispost. L-​esperjenzi taʼ Ġużeppi setgħu faċilment wassluh biex iżomm f’qalbu sentimenti taʼ mibegħda u vendikazzjoni. Minflok, hu żviluppa d-​dehen u l-​ħniena. (Ġen. 50:15-21) Jekk ġejt diżappuntat, kun paċenzjuż. Kun dispost li tiġi mħarreġ minn Ġeħova.

Kont taqdi qabel f’pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni Kristjana? Agħti l-​opportunità lil Ġeħova biex fil-​futur jagħtik xi privileġġi. Saħħaħ l-​ispiritwalità tiegħek. Immodera s-​sentimenti tiegħek bil-​paċenzja u l-​umiltà. Kun lest li taċċetta kwalunkwe inkarigu li tistaʼ tingħata. Kun żgur li “Ġeħova mhux se jżomm lura xi ħaġa tajba minn dawk li jimxu mingħajr nuqqas.”—Salm 84:11.

[Kumment f’paġna 30]

Sir setgħan fil-​fidi permezz taʼ talb mill-​qalb

[Stampa f’paġna 31]

Mod mill-​isbaħ kif issaħħaħ l-​ispiritwalità tiegħek hu billi żżid l-​attività fis-​servizz tal-​għalqa

[Stampa f’paġna 32]

Agħti l-​opportunità lil Ġeħova biex fil-​futur jagħtik xi privileġġi