Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meta Tħossok Offiż

Meta Tħossok Offiż

Meta Tħossok Offiż

SPISS jgħidu li l-​vendetta ġġib sodisfazzjon. Dan hu għaliex huwa naturali li nħossuna rrabjati meta xi ħadd joffendina jew jagħmlilna l-​ħsara b’xi mod jew ieħor. Is-​sens li writna li nagħrfu t-​tajjeb u l-​ħażin iġegħelna nkunu rridu nikkoreġu l-​inġustizzji. Imma dan kif nagħmluh?

M’għandniex xi ngħidu, hemm tipi differenti taʼ offiżi. Dawn jistgħu jkunu xi daqqa taʼ ħarta, imbottar, xi insult, jew saħansitra abbuż verbali, attakk fiżiku, serq, u affarijiet bħal dawn. Kif tħossok meta xi ħadd iweġġgħek b’xi mod jew ieħor? Illum ħafna nies donnhom jirreaġixxu billi jgħidu, ‘Inġegħelhom ipattu qares talli għamlu!’

Fl-​Istati Uniti, għadd taʼ studenti fl-​iskejjel sekondarji ressqu akkużi foloz taʼ abbuż kontra l-​għalliema biex ipattuhielhom talli ddixxiplinawhom. Brenda Mitchell, president tal-​Unjin tal-​Għalliema fi New Orleans tgħid: “Li jiġri hu li ladarba tkun saret l-​akkuża, isem l-​għalliem ikun diġà ġie mħammeġ.” Avolja jkun hemm il-​provi li l-​akkuża tkun falza, il-​ħsara tistaʼ tibqaʼ.

Fuq il-​post tax-​xogħol hemm numru li dejjem jiżdied taʼ impjegati frustrati li jipprovaw ipattuha lil min jimpjegahom. Dan jagħmluh billi jagħmlu l-​ħsara lil xi informazzjoni importanti jew jeqirduha mis-​sistema tal-​kompjuter tal-​kumpanija. Oħrajn jisirqu xi sigrieti tal-​kumpanija u jbigħuhom jew jikxfuhom. The New York Times tirrapporta li minbarra s-​serq taʼ dokumenti mill-​kompjuter, hemm ukoll is-​serq taʼ oġġetti minn fuq ix-​xogħol. Dan għadu l-​iktar mezz komuni kif l-​impjegat jivvendika ruħu. Fil-​ġlieda tagħhom kontra dawk li jheddu li jivvendikaw ruħhom, ħafna kumpaniji ddeċidew li jinkarigaw uffiċjal tas-​sigurtà biex jakkumpanja lill-​impjegat li jkun tkeċċa sal-​iskrivanija tiegħu, jistennieh jieħu l-​affarijiet persunali, u jwasslu sal-​bieb taʼ barra.

L-​iktar vendetta komuni li teżisti tinvolvi lil dawk li huma l-​eqreb tagħna—ħbieb, kollegi, u membri tal-​familja. Meta xi ħadd ikollu s-​sentimenti mweġġgħin minħabba xi kliem iebes jew għemil bla ħsieb, dan spiss jirreaġixxi billi jwieġeb bl-​istess mod. Jekk xi ħabib ikellmek b’ton aħrax, taħtfu int u tgħidlu xi kelma li tweġġgħu? Jekk membru tal-​familja joffendik b’xi mod, iżżomm fil-​komma biex tpattihielu? Kemm hu faċli nagħmlu dan meta dak li joffendina jkun xi ħadd qrib tagħna!

Il-​Konsegwenzi Koroh tal-​Vendetta

Spiss, xi wħud iħossu li jekk ma jpattuhiex lil dak li jkun weġġagħhom, ma jkunux jistgħu jeħilsu mill-​uġigħ emozzjonali kaġunat mill-​offiża li tkun saritilhom. Pereżempju, il-​Bibbja tgħidilna li meta wlied Ġakobb, il-​patrijarka Ebrew, saru jafu li Sikem il-​Kangħani kien stupra lil oħthom Dina, huma “ħassew is-​sentimenti tagħhom imweġġgħin u rrabjaw ferm.” (Ġenesi 34:1-​7) Biex jivvendikaw ruħhom minħabba l-​ħsara li saret lil oħthom, tnejn minn ulied Ġakobb ikkonfoffaw kontra Sikem u kontra dawk taʼ daru. Simegħon u Levi fasslu pjan makakk biex daħlu fil-​belt Kangħanija u qatlu kull raġel inkluż lil Sikem.—Ġenesi 34:13-​27.

Dan it-​tixrid taʼ demm kollu solvieha l-​problema? Meta Ġakobb sar jaf b’dak li għamlu wliedu ċanfarhom billi qal: “Intom ġegħeltuni niġi mwarrab għax għamiltuni mibgħud mill-​abitanti tal-​pajjiż, . . . u huma żgur li se jinġemgħu flimkien kontrija u jaħbtu għalija u jeqirduni għalkollox, lili u lil dari.” (Ġenesi 34:30) Minflok ma solviet il-​problema, il-​vendetta tagħhom kellha l-​effett oppost; il-​membri tal-​familja taʼ Ġakobb kellhom joqogħdu attenti li l-​ġirien irrabjati ma jattakawhomx lura. Alla ta istruzzjonijiet lil Ġakobb biex hu u l-​familja tiegħu jitilqu minn dawk l-​inħawi u jmorru lejn Betel, x’aktarx biex jevitaw li jiġu attakkati.—Ġenesi 35:1, 5.

Il-​ġrajjiet konnessi mal-​istupru taʼ Dina jenfasizzaw lezzjoni importanti. Il-​vendetta spiss iġġib magħha iktar atti taʼ vendetta, u dawn ma jaqtgħu qatt.

Vendetta Ġġib Oħra

Ma jkunx taʼ ġid għalina li naħlu saħħitna u jkun moħħna biex nivvendikaw ruħna minn xi ħadd li għamlilna l-​ħsara. Il-​ktieb Forgiveness—How to Make Peace With Your Past and Get On With Your Life (Il-​Maħfra—Kif Taċċetta l-​Passat u Tkompli Tgħix Ħajtek) jgħid: “Il-​korla tifnik. Meta toqgħod tberren dwar l-​esperjenzi taʼ wġigħ li kellek fil-​passat, tisħet f’qalbek lil min ikun weġġgħek, u taħseb dwar kif tistaʼ tpattihielu, tkun qed taħli l-​ħin u l-​enerġija tiegħek.” Sewwa tgħid il-​Bibbja, “l-​għira therri l-​għadam.”—Proverbji 14:30.

Tabilħaqq, kif jistaʼ xi ħadd ikun ferħan jekk f’qalbu ma jkollux ħlief sentimenti taʼ mibegħda u vendetta? Kummentatur wieħed qal: “Jekk taħseb li ‘l-​vendetta ġġib sodisfazzjon,’ ħares lejn wiċċ dawk li għal snin sħaħ kienu vendikattivi.”

Ikkunsidra x’qed jiġri f’ħafna pajjiżi tad-​dinja fejn jeżistu ħafna konflitti bejn gruppi etniċi u reliġjużi. Spiss qtil iġib ieħor, u dan iservi biss biex isaħħaħ ċiklu li ma jintemm qatt taʼ mibegħda u mewt. Pereżempju, meta bomba qatlet 18-​il żagħżugħ f’attakk terroristiku, waħda mara li hi stess kienet tilfet lil xi ħadd għajtet, “Irridu npattuhielhom għal elf darb’oħra!” B’hekk, tkompli tikber il-​kefrija u iktar u iktar nies jingħaqdu fil-​ġlied.

“Għajn b’Għajn”

Xi wħud jikkwotaw il-​Bibbja biex jiġġustifikaw l-​attitudni vendikattiva tagħhom. Huma jgħidu, “Il-​Bibbja ma tgħidx ‘għajn b’għajn, sinna b’sinna’?” (Levitiku 24:20) Mad-​daqqa taʼ għajn għandu mnejn jidher li l-​liġi taʼ “għajn b’għajn” qed tinkuraġġixxi l-​vendetta. Iżda fil-​fatt din kienet trażżan jew tillimita atti taʼ vendetta li ma jagħmlux sens. B’liema mod?

Jekk xi Israeli jkun ħebb għal Israeli ieħor u jaqlagħlu għajnu, il-​Liġi kienet tara li jieħu l-​kastig mistħoqq. Madankollu, il-​vittma ma kellhiex tieħu azzjoni hi stess biex tikkastiga lill-​individwu li jkun attakkaha jew tikkastiga lil xi ħadd mill-​familja tiegħu. Il-​Liġi kienet titlob li l-​vittma tressaq il-​każ quddiem l-​awtoritajiet stabbiliti—l-​imħallfin maħturin—biex il-​kwistjoni tinqataʼ kif suppost. In-​nies kienu jafu li jekk wieħed jikkommetti minn jeddu xi att kriminali jew vjolenti kontra xi ħadd ieħor setaʼ jiġi kastigat bl-​istess att. Dan serva bħala deterrent effettiv ħafna. Imma dan mhux kollox.

Qabel ma stqarr din il-​liġi taʼ tpattija li diġà ssemmiet, Alla Ġeħova, permezz taʼ Mosè, qal lill-​ġens taʼ Israel: “Tobgħodx lil ħuk f’qalbek. . . . Tivvendikax ruħek u lanqas iżżomm f’qalbek.” (Levitiku 19:17, 18) L-​idea taʼ “għajn b’għajn, sinna b’sinna” trid tittieħed fil-​kuntest tal-​patt tal-​Liġi kollu kemm hu, li Ġesù qal li kien miġbur f’żewġ kmandamenti: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu” u “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:37-​40) Mela, kif għandhom jirreaġixxu l-​Kristjani veri jekk issirilhom xi inġustizzja?

Fittxu l-​Paċi

Il-​Bibbja tiddeskrivi lil Ġeħova bħala “l-​Alla tal-​paċi” u tħeġġeġ lill-​aduraturi tiegħu biex ‘ifittxu l-​paċi u jiġru warajha.’ (Ebrej 13:20; 1 Pietru 3:11) Imma huwa tassew effettiv dan?

Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, lil Ġesù beżqulu u sawtuh bil-​frosta. Hu ġie wkoll persegwitat mill-​għedewwa tiegħu, tradut minn ħabib tal-​qalb, u saħansitra ġie abbandunat mis-​segwaċi tiegħu stess. (Mattew 26:48-​50; 27:27-​31) Kif irreaġixxa? L-​appostlu Pietru kiteb: “Meta kien mgħajjar, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-​ġustizzja.”—1 Pietru 2:23.

Pietru qal: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Il-​Kristjani huma inkuraġġiti biex jimitaw lil Ġesù, inkluż il-​mod kif aġixxa meta kien qed isofri l-​inġustizzji. Dwar dan, fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù nnifsu qal: “Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-​smewwiet.”—Mattew 5:44, 45.

Dawk li għandhom imħabba bħal taʼ Kristu kif jirreaġixxu meta xi ħadd jagħmlilhom jew jaħsbu li għamlilhom il-​ħsara? Proverbji 19:11 jgħid: “Id-​dehen taʼ bniedem itaffilu r-​rabja tiegħu, u hija ħaġa sabiħa min-​naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.” Ukoll, huma jieħdu bis-​serjetà din it-​twissija: “Tħallix il-​ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-​ħażen bit-​tajjeb.” (Rumani 12:21) X’differenza mill-​attitudni vendikattiva li hi tant komuni fid-​dinja llum! L-​imħabba Kristjana li hi vera tistaʼ tgħinna nirbħu t-​tentazzjoni li npattuha, u b’hekk ‘inħallu n-​nuqqas għaddej’ għax l-​imħabba “ma żżommx kont tal-​ħsara.”—1 Korintin 13:5.

Ifisser dan li jekk inkunu vittmi taʼ xi att kriminali jew niġu mheddin b’xi mod ieħor għandna sempliċement inbaxxu rasna u naċċettaw kollox? Dażgur li le! Meta Pawlu qal, “Dejjem irbaħ il-​ħażen bit-​tajjeb,” ma riedx ifisser li Kristjan għandu jkun iffissat li jkun martri. Għall-​kuntrarju, ċertament li għandna d-​dritt niddefendu ruħna meta niġu attakkati. Jekk individwu jagħmel il-​ħsara lilek persunali jew lill-​proprjetà tiegħek, għandek mnejn tagħżel li ċċempel lill-​pulizija. Jekk il-​problema tinvolvi lil xi ħadd fuq il-​post tax-​xogħol jew fl-​iskola nistgħu nitolbu l-​għajnuna tal-​awtoritajiet sekulari.—Rumani 13:3, 4.

Minkejja dan, tajjeb iżżomm f’moħħok li l-​ġustizzja vera f’din is-​sistema taʼ affarijiet ma tantx tistaʼ tinkiseb faċilment. Fil-​fatt, ħafna nies qattgħu ħajjithom kollha jipprovaw isibuha. Iżda dan serva biss biex infnew bl-​imrar u bir-​rabja meta l-​istennijiet tagħhom ma twettqux.

Satana jieħu gost jara lin-​nies mifrudin minħabba l-​vendetta u l-​mibegħda. (1 Ġwanni 3:7, 8) Huwa bil-​wisq aħjar li nżommu f’moħħna dan il-​kliem mill-​Bibbja: “Tivvendikawx ruħkom, imma agħmlu l-​wisaʼ għall-​korla; għax hu miktub: ‘Il-​vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” (Rumani 12:19) Meta nħallu l-​affarijiet f’idejn Ġeħova, aħna ninħelsu minn ħafna wġigħ, rabja, u vjolenza.—Proverbji 3:3-​6.

[Kumment f’paġna 22]

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu” u “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek”

[Stampi f’paġna 23]

L-​imħabba “ma żżommx kont tal-​ħsara.” —1 Korintin 13:5