Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kun Ubbidjenti u Kuraġġuż Bħalma Kien Kristu

Kun Ubbidjenti u Kuraġġuż Bħalma Kien Kristu

“Agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-​dinja.”—ĠW. 16:33.

1. L-​ubbidjenza taʼ Ġesù lejn Alla kemm kienet kompleta?

 ĠESÙ KRISTU dejjem għamel ir-​rieda t’Alla. Lanqas qatt m’għaddielu minn moħħu li ma jobdix lil Missieru tas-​sema. (Ġw. 4:34; Ebr. 7:26) Imma ċ-​ċirkustanzi tiegħu fuq l-​art m’għamluhiex faċli għalih biex ikun ubbidjenti. Mill-​bidu tal-​karriera tiegħu tal-​ippritkar, l-​għedewwa taʼ Ġesù, inkluż Satana nnifsu, ipprovaw jikkonvinċuh, jisforzawh, jew iqarrqu bih biex jabbanduna t-​triq taʼ fedeltà tiegħu. (Mt. 4:1-11; Lq. 20:20-25) Dawn l-​għedewwa lil Ġesù kkaġunawlu wġigħ kbir mentalment, emozzjonalment, u fiżikament. Finalment, qatluh fuq zokk tat-​tortura. (Mt. 26:37, 38; Lq. 22:44; Ġw. 19:1, 17, 18) Matul dan kollu, u minkejja t-​tbatija profonda li ħass, Ġesù baqaʼ “ubbidjenti sal-​mewt.”—Aqra Filippin 2:8.

2, 3. X’nistgħu nitgħallmu mill-​fatt li Ġesù kien ubbidjenti minkejja li esperjenza t-​tbatija?

2 L-​esperjenza taʼ Ġesù bħala bniedem fuq l-​art għallmitu aspetti ġodda tal-​ubbidjenza. (Ebr. 5:8) Għandu mnejn jidher li Ġesù ma kienx fadallu x’jitgħallem dwar li jaqdi lil Ġeħova. Wara kollox, kien gawda sħubija intima maʼ Ġeħova għal żmien twil ħafna u kien il-​“ħaddiem tas-​sengħa” t’Alla matul il-​ħolqien. (Prov. 8:30) Minkejja dan, il-​fatt li personalment stabar fil-​fidi bħala bniedem avolja għadda mit-​tbatija ta prova tal-​integrità sħiħa tiegħu. Ġesù, l-​Iben t’Alla, kiber spiritwalment. X’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza tiegħu?

3 Għalkemm kien raġel perfett, Ġesù ma pprovax jibqaʼ ubbidjenti b’mod perfett waħdu. Hu talab għall-​għajnuna t’Alla biex jibqaʼ ubbidjenti. (Aqra Ebrej 5:7.) Sabiex nibqgħu ubbidjenti, aħna wkoll għandna bżonn inkunu umli u nitolbu regolarment għall-​għajnuna t’Alla. Għal din ir-​raġuni, l-​appostlu Pawlu ta dan il-​parir lill-​Kristjani: “Żommu din l-​attitudni mentali fikom li kienet ukoll fi Kristu Ġesù,” li “umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-​mewt.” (Flp. 2:5-8) Il-​ħajja taʼ Ġesù tat prova li l-​ubbidjenza hija possibbli għall-​bnedmin anki f’nofs soċjetà mill-​agħar. Huwa minnu li Ġesù kien perfett, imma xi ngħidu għall-​bnedmin imperfetti bħalna?

Ubbidjenti Minkejja l-​Imperfezzjoni

4. Xi jfisser għalina l-​fatt li ġejna maħluqin bil-​libertà tal-​għażla?

4 Alla ħalaq lil Adam u Eva bħala ħlejjaq intelliġenti u bil-​libertà tal-​għażla. Bħala d-​dixxendenti tagħhom, aħna wkoll għandna l-​libertà tal-​għażla. Dan xi jfisser? Ifisser li nistgħu niddeċiedu jekk nagħmlux it-​tajjeb jew il-​ħażin. Fi kliem ieħor, Alla tagħna l-​libertà biex nagħżlu jekk nobduhx jew le. Flimkien maʼ din il-​libertà kbira tiġi r-​responsabbiltà, il-​fatt li rridu nagħtu kont. Tabilħaqq, id-​deċiżjonijiet morali tagħna jistgħu jfissru ħajja jew mewt għalina. Jeffettwaw ukoll lil dawk taʼ madwarna.

5. Liema taqbida għandna lkoll kemm aħna, u kif nistgħu nirnexxu?

5 Minħabba li writna l-​imperfezzjoni, l-​ubbidjenza ma tiġix b’mod naturali. Mhux dejjem faċli nobdu l-​liġijiet t’Alla. Pawlu kellu din it-​taqbida. Hu kiteb: “Fil-​membri taʼ ġismi nara liġi oħra tiġġieled kontra l-​liġi taʼ moħħi u tjassarni għal-​liġi tad-​dnub li hemm fil-​membri taʼ ġismi.” (Rum. 7:23) M’għandniex xi ngħidu, l-​ubbidjenza tkun eħfef meta ma jkun hemm involut ebda sagrifiċċju, uġigħ, jew inkonvenjenza. Imma kif nirreaġixxu meta jkun hemm konflitt bejn ix-​xewqa tagħna li nkunu ubbidjenti u “x-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn”? Dawn ix-​xewqat ħżiena jiġu mill-​imperfezzjoni tagħna kif ukoll mill-​influwenza tal-​“ispirtu tad-​dinja” taʼ madwarna, u huma qawwijin ħafna. (1 Ġw. 2:16; 1 Kor. 2:12) Sabiex nirreżistuhom, irridu ‘nħejju qalbna’ qabel ma niffaċċjaw xi sitwazzjoni diffiċli jew tentazzjoni u nkunu determinati li se nobdu lil Ġeħova, jiġri x’jiġri. (Salm 78:8) Għandna ħafna eżempji Bibliċi taʼ wħud li rnexxew għaliex ħejjew qalbhom.—Esd. 7:10; Dan. 1:8.

6, 7. Agħti eżempju biex turi kif studju persunali jistaʼ jgħinna nagħmlu għażliet għaqlin.

6 Mod wieħed kif inħejju qalbna huwa billi nistudjaw bir-​reqqa l-​Iskrittura u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja. Immaġina lilek innifsek fis-​sitwazzjoni li ġejja. Ejja ngħidu li hija l-​lejla tiegħek għall-​istudju persunali. Għadek kif tlabt biex l-​ispirtu taʼ Ġeħova jgħinek tapplika dak li titgħallem mill-​Kelma tiegħu. Ippjanajt li se tara film partikulari fuq it-​televixin l-​għada filgħaxija. Smajt li l-​kritiċi u oħrajn faħħruh; però, taf ukoll li fih xi immoralità u vjolenza.

7 Int timmedita fuq il-​parir taʼ Pawlu f’Efesin 5:3: “Lanqas biss għandhom jissemmew fostkom iż-​żína u n-​nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-​regħba, bħalma jixraq lill-​qaddisin.” Tiftakar ukoll fil-​parir taʼ Pawlu f’Filippin 4:8. (Aqra.) Hekk kif timmedita fuq dan il-​parir ispirat, tistaqsi lilek innifsek, ‘Jekk nesponi qalbi u moħħi għal programmi bħal dawn apposta, inkun jien qed insegwi l-​eżempju taʼ Ġesù t’ubbidjenza stretta lejn Alla?’ Int x’se tagħmel? Xorta se tara l-​film?

8. Għala għandna nżommu l-​livelli morali u spiritwali għoljin?

8 Ikun żball jekk inbaxxu l-​livelli morali u spiritwali tagħna, forsi billi naħsbu li aħna b’saħħitna biżżejjed biex nirreżistu l-​effetti taʼ sħubija ħażina, anki meta dik is-​sħubija forsi tkun f’għamla taʼ divertiment vjolenti jew immorali. Minflok, jeħtieġ li nipproteġu lilna nfusna u lil uliedna mill-​influwenzi tal-​ispirtu taʼ Satana li jagħmlu l-​ħsara. Uħud li jużaw il-​kompjuters jagħmlu minn kollox biex jipproteġu l-​kompjuters tagħhom milli jiġu infettati b’xi virus qerried li jistaʼ jħassar l-​informazzjoni, ma jħallihx jaħdem tajjeb, u saħansitra jikkontrollah u jużah biex jagħmel il-​ħsara lil kompjuters oħrajn. M’għandniex aħna nkunu saħansitra iktar attenti biex nipproteġu lilna nfusna mit-​“tnassis” taʼ Satana?—Efes. 6:11.

9. Għala għandna nkunu determinati kuljum li nobdu lil Ġeħova?

9 Kważi kuljum, b’xi mod jew ieħor ikollna nagħżlu jekk aħniex se nagħmlu l-​affarijiet il-​mod kif irid Ġeħova jew le. Sabiex niksbu s-​salvazzjoni rridu nobdu lil Alla u ngħixu fi qbil mal-​prinċipji ġusti tiegħu. Billi nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù t’ubbidjenza saħansitra “sal-​mewt,” aħna nuru li l-​fidi tagħna hija reali. Ġeħova se jippremjana għall-​fedeltà li nuru. Ġesù wiegħed: “Min jissaporti sat-​tmiem jiġi salvat.” (Mt. 24:13) B’mod ċar, dan jirrikjedi li niżviluppaw kuraġġ taʼ veru, bħalma wera Ġesù.—Salm 31:24.

Ġesù—L-​Aqwa Eżempju taʼ Kuraġġ

10. Liema tip taʼ pressjonijiet nistgħu niffaċċjaw, u kif għandna nirreaġixxu?

10 Minħabba li aħna mdawrin bl-​attitudnijiet u l-​kondotta taʼ din id-​dinja, neħtieġu l-​kuraġġ biex nirreżistu li niġu kontaminati. Kristjani jiffaċċjaw pressjonijiet morali, soċjali, finanzjarji, u reliġjużi li jistgħu jġegħluhom jitbiegħdu mit-​triqat ġusti taʼ Ġeħova. Ħafna jiffaċċjaw oppożizzjoni minn tal-​familja. F’ċerti pajjiżi, xi istituzzjonijiet tal-​edukazzjoni qed jippromwovu iktar minn qatt qabel it-​teorija tal-​evoluzzjoni, u l-​ateiżmu qed isir iktar popolari. Hekk kif niffaċċjaw dawn il-​pressjonijiet, ma nistgħux noqogħdu b’idejna fuq żaqqna u ma nagħmlu xejn. Irridu nieħdu azzjoni sabiex nirreżistuhom, u b’hekk nipproteġu lilna nfusna. L-​eżempju taʼ Ġesù jurina kif jistaʼ jirnexxilna nagħmlu dan.

11. Kif nistgħu niksbu iktar kuraġġ billi nirriflettu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù?

11 Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Fid-​dinja qed ikollkom it-​tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-​dinja.” (Ġw. 16:33) Hu qatt ma ċeda għall-​influwenza tad-​dinja. Qatt ma ħalla lid-​dinja twaqqfu milli jwettaq l-​inkarigu tiegħu tal-​ippritkar jew iġġiegħlu jbaxxi l-​livelli tiegħu b’konnessjoni mal-​qima vera u l-​kondotta xierqa; u lanqas aħna m’għandna nagħmlu dan. F’talba, Ġesù qal dwar id-​dixxipli tiegħu: “M’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja.” (Ġw. 17:16) Jekk nistudjaw u nirriflettu fuq l-​eżempju kuraġġuż taʼ Kristu nistgħu niksbu l-​kuraġġ meħtieġ biex nibqgħu separati mid-​dinja.

Tgħallem il-​Kuraġġ Minn Ġesù

12-14. Agħti eżempji tal-​kuraġġ li wera Ġesù.

12 Ġesù wera kuraġġ kbir matul il-​ministeru tiegħu. Billi uża l-​awtorità tiegħu bħala l-​Iben t’Alla, hu bla biżaʼ “daħal fit-​tempju u keċċa ’l barra lil dawk kollha li kienu qed ibigħu u jixtru fit-​tempju, u qaleb l-​imwejjed tas-​sarrafa tal-​flus u l-​bankijiet taʼ dawk li kienu jbigħu l-​ħamiem.” (Mt. 21:12) Meta s-​suldati marru biex jarrestaw lil Ġesù fl-​aħħar lejl tiegħu fuq l-​art, b’kuraġġ mar fuq quddiem biex jipproteġi lid-​dixxipli tiegħu, u qal: “Jekk qed tfittxu lili, ħalluhom imorru lil dawn.” (Ġw. 18:8) Ftit mumenti wara, hu qal lil Pietru biex idaħħal sejfu f’postu, u b’hekk Ġesù wera li l-​fiduċja tiegħu kienet f’Ġeħova u mhux fl-​armi tad-​dinja.—Ġw. 18:11.

13 Ġesù bla biżaʼ kixef lill-​għalliema foloz neqsin mill-​imħabba taʼ żmienu u t-​tagħlim falz tagħhom. “Gwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! Għax tagħlqu s-​saltna tas-​smewwiet għall-​bnedmin,” qalilhom Ġesù. “Injorajtu l-​affarijiet li huma iktar importanti fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u l-​fedeltà. . . . Tnaddfu t-​tazza u l-​platt minn barra, imma minn ġewwa mimlijin serq u nuqqas taʼ moderazzjoni.” (Mt. 23:13, 23, 25) Id-​dixxipli taʼ Ġesù kien se jkollhom bżonn kuraġġ simili għaliex kien se jkun hemm mexxejja reliġjużi foloz li se jippersegwitaw lilhom ukoll u joqtlu lil xi wħud minnhom.—Mt. 23:34; 24:9.

14 Ġesù ħa waqfa kuraġġuża saħansitra kontra d-​demonji. F’okkażjoni minnhom, hu ġie konfrontat minn raġel maħkum mid-​demonji li tant kemm kien b’saħħtu ħadd ma setaʼ jorbtu b’katina. Bla biżaʼ, Ġesù keċċa lill-​ħafna demonji li kienu qed jikkontrollaw lir-​raġel. (Mk. 5:1-13) Illum, Alla ma tax lill-​Kristjani l-​qawwa biex iwettqu mirakli bħal dan. Xorta waħda, fl-​ippritkar u t-​tagħlim tagħna, aħna wkoll irridu niġġieldu gwerra spiritwali kontra Satana, il-​wieħed li “għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Kor. 4:4) Bħal fil-​każ taʼ Ġesù, l-​armi tagħna “m’humiex tal-​laħam, imma huma qawwijin permezz t’Alla biex inwaqqgħu affarijiet li jkunu stabbiliti fis-​sod”—ideat reliġjużi b’għeruqhom fil-​fond imma li huma foloz. (2 Kor. 10:4) Billi nużaw dawn l-​armi li tana Alla, nitgħallmu ħafna mill-​eżempju taʼ Ġesù.

15. Il-​kuraġġ taʼ Ġesù fuqiex kien ibbażat?

15 Il-​kuraġġ taʼ Ġesù ma kienx ibbażat fuq xi fanfarunata imma fuq il-​fidi. U tagħna hekk irid ikun ukoll. (Mk. 4:40) Kif nistgħu niksbu fidi vera? Għal darb’oħra, l-​eżempju taʼ Ġesù jiggwidana. Hu wera li kellu għarfien sħiħ tal-​Iskrittura u fiduċja kompleta fiha. Bħala arma, Ġesù m’użax sejf letterali, imma s-​sejf tal-​ispirtu, il-​Kelma t’Alla. Darba wara l-​oħra appoġġa dak li għallem b’referenza għall-​Iskrittura. Spiss, qabel ma kien jitkellem kien jgħid: “Hu miktub,” jiġifieri, fil-​Kelma t’Alla. a

16. Kif nistgħu niksbu fidi akbar?

16 Sabiex nibnu fidi li tiflaħ għall-​provi li żgur se niffaċċjaw minħabba li aħna dixxipli, irridu naqraw u nistudjaw il-​Bibbja kuljum u nattendu għal-​laqgħat Kristjani, billi ndaħħlu f’moħħna l-​veritajiet li huma l-​pedament tal-​fidi. (Rum. 10:17) Irridu wkoll nimmeditaw—nirriflettu b’mod profond—fuq dak li nitgħallmu, billi nħalluh jinżel fil-​fond taʼ qalbna. Fidi li hi ħajja biss tistaʼ tqanqalna nieħdu azzjoni kuraġġuża. (Ġak. 2:17) U rridu nitolbu għall-​ispirtu qaddis għaliex il-​fidi hija parti mill-​frott tal-​ispirtu.—Gal. 5:22.

17, 18. Waħda oħt żagħżugħa kif uriet kuraġġ fl-​iskola?

17 Oħt żagħżugħa jisimha Kitty esperjenzat kif il-​fidi vera tagħti l-​kuraġġ. Minn età żgħira, hi kienet taf li m’għandhiex ‘tistħi minħabba l-​aħbar tajba’ fl-​iskola, u verament riedet tagħti xhieda tajba lil sħabha tal-​klassi. (Rum. 1:16) Kull sena, hi kienet tkun determinata li tagħti l-​aħbar tajba lil oħrajn, imma żammet lura minħabba nuqqas taʼ kuraġġ. Meta kienet fl-​aħħar snin tal-​adoloxxenza tagħha, hi bidlet l-​iskola. Qalet, “Din id-​darba, se npatti għall-​opportunitajiet li tlift.” Kitty talbet biex ikollha kuraġġ bħal taʼ Kristu, biex turi d-​dehen, u biex issib l-​opportunità xierqa.

18 Fl-​ewwel ġurnata tal-​iskola, l-​istudenti ġew mitlubin biex jintroduċu lilhom infushom wara xulxin. Uħud minnhom semmew l-​isfond reliġjuż tagħhom, billi żiedu li ma tantx kienu jipprattikaw ir-​reliġjon tagħhom. Kitty irrealizzat li din kienet l-​opportunità li kienet talbet għaliha. Meta kien imissha, b’kuraġġ hi qalet, “Jien waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u l-​Bibbja hija s-​sors taʼ gwida tiegħi fi kwistjonijiet spiritwali u morali.” Hekk kif kompliet, xi studenti bdew jaqilbu għajnejhom. Imma oħrajn qagħdu attenti u iktar tard staqsew xi mistoqsijiet. L-​għalliem saħansitra uża lil Kitty bħala eżempju tajjeb taʼ xi ħadd li ddefenda t-​twemmin tiegħu. Kitty hija ferħana ħafna li tgħallmet mill-​eżempju kuraġġuż taʼ Ġesù.

Uri Fidi u Kuraġġ Bħal taʼ Kristu

19. (a) X’jinvolvi li jkollna fidi vera? (b) Kif nistgħu nferrħu lil Ġeħova?

19 L-​appostli wkoll irrealizzaw li l-​azzjonijiet kuraġġużi tagħhom kellhom ikunu bbażati fuq il-​fidi. Huma talbu bil-​ħniena lil Ġesù: “Agħtina iktar fidi.” (Aqra Luqa 17:5, 6.) Fidi vera tirrikjedi iktar milli sempliċement temmen li Alla jeżisti. Tinvolvi li tiżviluppa relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova, simili għar-​relazzjoni li tifel ċkejken ikollu maʼ missier li hu qalbu tajba u kollu mħabba. Taħt ispirazzjoni, Salamun kiteb: “Ibni, jekk qalbek saret għarfa, qalbi, iva, qalbi, se tifraħ. U l-​kliewi tiegħi se jifirħu meta xofftejk jgħidu dak li hu rett.” (Prov. 23:15, 16) Bl-​istess mod, jekk nuru l-​kuraġġ u nieħdu waqfa għall-​prinċipji ġusti se nferrħu lil Ġeħova, u l-​fatt li nafu dan iżid il-​kuraġġ tagħna. Għalhekk, ejja dejjem nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù, billi nieħdu waqfa kuraġġuża għas-​sewwa!

[Nota taʼ taħt]

Tistaʼ Tispjega?

• X’se jgħinna nibqgħu ubbidjenti minkejja li aħna imperfetti?

• Il-​fidi vera fuqiex hija bbażata, u kif tistaʼ tgħinna nkunu kuraġġużi?

• X’se jirriżulta jekk inkunu ubbidjenti u nuru kuraġġ bħal taʼ Kristu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Qed ‘tħejji lil qalbek’ biex tirreżisti t-​tentazzjonijiet?

[Stampa f’paġna 15]

Bħal Ġesù, aħna nistgħu nuru kuraġġ ibbażat fuq il-​fidi