Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Valur Imprezzabbli tal-Edukazzjoni Divina

Il-Valur Imprezzabbli tal-Edukazzjoni Divina

“Jien tabilħaqq inqis ukoll kollox bħala telf minħabba l-​valur imprezzabbli taʼ l-​għarfien dwar Kristu Ġesù.”—FLP. 3:8.

1, 2. Xi Kristjani liema għażla għamlu, u għala?

 MINN età żgħira, Robert kien student li jispikka. Meta kellu biss tmien snin, waħda mill-​għalliema tiegħu marret id-​dar tiegħu u qaltlu li ma kienx hemm limitu għal dak li jistaʼ jwettaq. Hi esprimiet it-​tama li xi darba jsir tabib. L-​abbiltajiet akkademiċi tiegħu bħala student fl-​iskola sekondarja kkwalifikawh biex jattendi kwalunkwe waħda mill-​aħjar universitajiet taʼ pajjiżu. Imma Robert għażel li jirrifjuta dak li ħafna qisuh bħala opportunità taʼ darba biex jilħaq il-​mira tiegħu li jaqdi bħala pijunier regulari.

2 Bħal Robert, ħafna Kristjani—kbar u żgħar—għandhom opportunitajiet biex javanzaw f’din is-​sistema preżenti. Xi wħud jagħżlu li ma jużawx dawn l-​opportunitajiet bis-​sħiħ sabiex ikunu jistgħu jilħqu miri spiritwali. (1 Kor. 7:29-31) X’jimmotiva lil Kristjani bħal Robert biex ikunu lesti li jaħdmu iebes fix-​xogħol tal-​ippritkar? Minbarra l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova, li hi l-​iktar raġuni importanti, huma japprezzaw il-​valur imprezzabbli tal-​edukazzjoni divina. Ikkunsidrajt int dan l-​aħħar kif kienet tkun ħajtek li kieku ma ħadtx l-​għarfien tal-​verità? Il-​fatt li nirriflettu dwar il-​barkiet meraviljużi li ngawdu minħabba li aħna mgħallmin minn Ġeħova se jgħinna nżommu l-​apprezzament tagħna għall-​aħbar tajba u nkunu żelużi f’li nippritkawha lil oħrajn.

Privileġġati li Nkunu Mgħallmin Minn Alla

3. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova hu lest li jgħallem lill-​bnedmin imperfetti?

3 Fi tjubitu, Ġeħova hu lest li jgħallem lill-​bnedmin imperfetti. Dwar il-​Kristjani midlukin, Isaija 54:13 jgħid b’mod profetiku: “Uliedek kollha jkunu persuni mgħallmin minn Ġeħova, u l-​paċi taʼ wliedek tkun kotrana.” Il-​prinċipju li nsibu f’dan il-​kliem japplika wkoll għan-​“nagħaġ oħrajn” taʼ Kristu. (Ġw. 10:16) Dan jidher ċar minn profezija li qed titwettaq fi żmienna. F’viżjoni, Isaija ra nies mill-​ġnus kollha jiġru lejn il-​qima vera. Hu ddeskriviehom bħala li qed jgħidu lil xulxin: “Ħa nitilgħu lejn il-​muntanja taʼ Ġeħova, lejn id-​dar taʼ l-​Alla taʼ Ġakobb; u hu jgħallimna dwar triqatu, u aħna nimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.” (Is. 2:1-3) Xi privileġġ hu li tkun mgħallem minn Alla!

4. Ġeħova x’jirrikjedi minn dawk li hu jgħallem?

4 Kif nistgħu nikkwalifikaw biex nibbenefikaw minn edukazzjoni divina? Ħtieġa prinċipali hi li persuna tkun ġwejda u lesta li titgħallem. Is-​salmista David kiteb: “Tajjeb u rett hu Ġeħova. . . . Se jgħallem lill-​ġwejdin dwar triqtu.” (Salm 25:8, 9) U Ġesù qal: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd, Missier, Mulej tas-​sema u l-​art, għax int ħbejt sew dawn l-​affarijiet mill-​għorrief u l-​intellettwali, u kxifthom liċ-​ċkejknin.” (Lq. 10:21) Ma tħossokx tinġibed lejn Alla li “juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-​umli”?—1 Pt. 5:5.

5. Liema ħaġa għamlitha possibbli għalina biex insiru nafu lil Alla?

5 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, nistgħu aħna ngħidu li huwa minħabba l-​abbiltajiet jew l-​għerf tagħna stess li sibna l-​verità? Le. Fil-​fatt, waħedna, qatt ma konna se nsiru nafu lil Alla. Ġesù qal: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-​Missier li bagħatni.” (Ġw. 6:44) Permezz tax-​xogħol tal-​ippritkar u tal-​ispirtu qaddis, Ġeħova qed jiġbed lil individwi bħal nagħaġ, jiġifieri, “l-​affarijiet mixtiqin tal-​ġnus kollha.” (Ħag. 2:7) M’intix grat li int wieħed minn dawk li Ġeħova ġibed lejn Ibnu?—Aqra Ġeremija 9:23, 24.

Il-​Qawwa Biex Ittejjeb il-​Ħajjiet

6. L-​“għarfien taʼ Ġeħova” liema effett rimarkevoli ħalla fuq in-​nies?

6 Fil-​profezija t’Isaija nsibu stampa sabiħa li tiddeskrivi l-​bidliet fil-​personalitajiet tan-​nies li qed iseħħu fi żmienna. Nies li qabel kienu vjolenti saru paċifiċi. (Aqra Isaija 11:6-9.) Dawk li xi darba kienu għedewwa taʼ xulxin minħabba differenzi fir-​razza, fin-​nazzjonalità, fit-​tribù, jew minħabba xi raġuni kulturali oħra, tgħallmu jgħixu flimkien f’unità. Hu bħallikieku ‘ħadmu sjufhom f’sikek tal-​moħriet.’ (Is. 2:4) X’inhi r-​raġuni għal dawn il-​bidliet rimarkevoli? Ir-​raġuni hi li n-​nies ħadu l-​“għarfien taʼ Ġeħova” u applikawh f’ħajjithom. Għalkemm il-​qaddejja t’Alla huma imperfetti, huma jifformaw fratellanza internazzjonali vera. L-​interess madwar id-​dinja fl-​aħbar tajba u l-​frott mill-​aħjar li din tipproduċi jixhdu għall-​valur imprezzabbli tal-​edukazzjoni divina.—Mt. 11:19.

7, 8. (a) X’inhuma xi ftit ‘mill-​affarijiet li huma stabbiliti fis-​sod’ li l-​edukazzjoni divina għenet lin-​nies jegħlbu? (b) X’juri li l-​edukazzjoni divina ġġib tifħir lil Ġeħova?

7 L-​appostlu Pawlu xebbah ix-​xogħol tal-​ippritkar tal-​qaddejja t’Alla maʼ gwerra spiritwali. Hu kiteb: “L-​armi li niggwerraw bihom m’humiex tal-​laħam, imma huma qawwijin permezz t’Alla biex inwaqqgħu affarijiet li jkunu stabbiliti fis-​sod. Għax qed inwaqqgħu r-​raġunamenti u kull kburija li tqum kontra l-​għarfien dwar Alla.” (2 Kor. 10:4, 5) X’inhuma ftit ‘mill-​affarijiet li huma stabbiliti fis-​sod’ li l-​edukazzjoni divina qed teħles lin-​nies minnhom? It-​toqol tat-​tagħlim falz, is-​superstizzjonijiet, u l-​filosofiji umani, biex insemmu ftit minnhom. (Kol. 2:8) L-​edukazzjoni divina tgħin lin-​nies biex jegħlbu prattiki ħżiena u jikkultivaw kwalitajiet divini. (1 Kor. 6:9-11) Ittejjeb il-​ħajja tal-​familja. U tagħti skop veru lil dawk mingħajr tama. Dan hu t-​tip t’edukazzjoni li għandna bżonn illum.

8 Waħda mill-​kwalitajiet li Ġeħova jgħin lin-​nies jiżviluppaw hi l-​onestà, bħalma turi l-​esperjenza li ġejja. (Ebr. 13:18) Mara fl-​Indja aċċettat studju tal-​Bibbja u maż-​żmien ikkwalifikat bħala pubblikatriċi mhix mgħammda. Jum minnhom, waqt li kienet sejra lura d-​dar wara li ħadmet fuq il-​kostruzzjoni taʼ Sala tas-​Saltna, viċin stazzjon tal-​karozzi tal-​linja sabet ġiżirana tad-​deheb fl-​art li tiswa 600 ewro. Għalkemm kienet fqira hi marret biha l-​għassa tal-​pulizija biex isibu taʼ min kienet. L-​uffiċjal tal-​pulizija ma setax jemmen lil għajnejh! Wara, uffiċjal ieħor staqsieha, “Għala għażilt li ġġib il-​ġiżirana hawn?” Hi spjegat, “It-​tagħlim tal-​Bibbja biddilli ħajti, u għalhekk issa jien persuna onesta.” Impressjonat, hu qal lill-​anzjan Kristjan li mar magħha l-​għassa tal-​pulizija: “Hemm iktar minn 38 miljun persuna li joqogħdu f’dan il-​post. Jekk tistaʼ tgħin għaxra min-​nies isiru bħal din il-​mara, tkun wettaqt xi ħaġa kbira.” Meta nikkunsidraw il-​miljuni taʼ ħajjiet li nbiddlu għall-​aħjar permezz t’edukazzjoni divina, m’għandniex aħna bosta raġunijiet biex infaħħru lil Ġeħova?

9. Kif inhu possibbli li n-​nies jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom?

9 Il-​qawwa li tbiddel tal-​Kelma t’Alla, flimkien mal-​għajnuna li Ġeħova jipprovdi permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu, tgħin lin-​nies jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom. (Rum. 12:2; Gal. 5:22, 23) Kolossin 3:10 jgħid: “Ilbsu l-​personalità l-​ġdida, li permezz taʼ l-​għarfien eżatt qed tiġġedded skond ix-​xbieha taʼ Dak li ħalaqha.” Il-​messaġġ li nsibu fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, għandu l-​qawwa biex jikxef x’inhu individwu verament minn ġewwa, u jistaʼ jbiddel il-​mod kif jaħseb u saħansitra kif iħossu dwar l-​affarijiet. (Aqra Ebrej 4:12.) Individwu jistaʼ jsir ħabib t’Alla u jkollu l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem jekk jasal għal għarfien eżatt tal-​Iskrittura u jġib ħajtu fi qbil mal-​livelli ġusti taʼ Ġeħova.

Ġeħova Jippreparana għall-​Futur

10. (a) Ġeħova għala hu f’pożizzjoni unika biex jippreparana għall-​futur? (b) Liema bidliet drammatiċi dalwaqt se jeffettwaw id-​dinja kollha?

10 Ġeħova hu f’pożizzjoni unika biex jgħinna nippreparaw għall-​futur minħabba li hu jaf x’se jiġri dalwaqt. Hu jiddetermina x’se jkun il-​futur tal-​umanità. (Is. 46:9, 10) Il-​profezija tal-​Bibbja tgħid li “l-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova fil-​qrib.” (Sof. 1:14) Rigward dan il-​jum, il-​kliem taʼ Proverbji 11:4 se juri li hu minnu: “L-​affarijiet taʼ valur ma se jkunu t’ebda benefiċċju f’jum il-​qilla, imma s-​sewwa se jagħti l-​ħelsien mill-​mewt.” Meta jasal iż-​żmien biex il-​ġudizzju taʼ Ġeħova jiġi esegwit fuq id-​dinja taʼ Satana, l-​iktar ħaġa importanti tkun li jkollna l-​approvazzjoni t’Alla. Il-​flus ħa jkunu bla valur. Fil-​fatt, Eżekjel 7:19 jgħid: “Fit-​toroq għad jitfgħu l-​fidda tagħhom, u d-​deheb tagħhom għad isir xi ħaġa mistmerra.” Il-​fatt li nafu dan minn qabel jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin issa.

11. X’inhu mod wieħed kif l-​edukazzjoni divina tgħinna nippreparaw għall-​futur?

11 Mod distint kif l-​edukazzjoni divina tippreparana għall-​jum li ġej taʼ Ġeħova hu billi tgħinna nagħmlu prijoritajiet xierqa. L-​appostlu Pawlu kiteb lil Timotju: “Ordna lill-​għonja f’din is-​sistema biex ma jitkabbrux, u ma jqegħdux it-​tama tagħhom f’rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom imma f’Alla.” Anki jekk m’għandniex ħafna flus, xorta nistgħu nibbenefikaw minn dan il-​parir li ġej minn Ġeħova. Dan x’jinvolvi? Minflok ma naħżnu għana materjali, għandna nistinkaw biex ‘nagħmlu l-​ġid’ u biex ‘inkunu għonja f’għemejjel tajbin.’ Billi npoġġu l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel f’ħajjitna, ‘bħala teżor inkunu qed inqiegħdu fis-​sigurtà għalina nfusna pedament tajjeb għall-​futur.’ (1 Tim. 6:17-19) Ħajja taʼ sagrifiċċju persunali bħal din tirrifletti għerf prattiku, għax bħalma qal Ġesù, “x’jiswielu bniedem jekk jikseb id-​dinja kollha imma jitlef ruħu?” (Mt. 16:26, 27) Meta nqisu kemm hu qrib il-​jum taʼ Ġeħova, kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jikkunsidra: ‘Fejn qiegħed naħżen it-​teżor tiegħi? Jien ilsir t’Alla jew tal-​Flus?’—Mt. 6:19, 20, 24

12. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna jekk xi wħud jistmerru l-​ministeru tagħna?

12 L-​iktar importanti fost l-​“għemejjel tajbin” li huma msemmijin fil-​Kelma t’Alla għall-​Kristjani hemm ix-​xogħol li jsalva l-​ħajjiet tal-​ippritkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Bħalma ġara fl-​ewwel seklu, xi wħud jistgħu jistmerru l-​ministeru tagħna. (Aqra l-1 Korintin 1:18-21.) Imma dan ma jbiddilx il-​valur tal-​messaġġ tagħna, u lanqas ma jnaqqas l-​importanza taʼ li nagħtu l-​opportunità lil kulħadd biex ipoġġi fidi fil-​messaġġ sakemm għad hemm iż-​żmien. (Rum. 10:13, 14) Hekk kif ngħinu lil oħrajn jibbenefikaw mill-​edukazzjoni divina, aħna se nirċievu ħafna barkiet.

Imberkin għas-​Sagrifiċċji li Jagħmlu

13. Liema sagrifiċċji għamel l-​appostlu Pawlu minħabba l-​aħbar tajba?

13 Qabel ma sar Kristjan, l-​appostlu Pawlu kien qed jiġi mħarreġ biex ikollu suċċess fis-​sistema Lhudija. Meta x’aktarx li ma kellux iktar minn 13-il sena, hu telaq minn Tarsu, belt twelidu, u mar jgħix Ġerusalemm biex jiġi mgħallem minn Gamaljel, għalliem tal-​Liġi li kien stmat ħafna. (Atti 22:3) Maż-​żmien, Pawlu beda jispikka fost sħabu, u li kieku kompla f’dik it-​triq, hu setaʼ kiseb prominenza fil-​Ġudaiżmu. (Gal. 1:13, 14) Meta aċċetta l-​aħbar tajba u beda x-​xogħol tal-​ippritkar, ħalla kollox warajh. Iddispjaċieh Pawlu mill-​għażla li għamel? Le. Fil-​fatt, hu kiteb: “Jien tabilħaqq inqis ukoll kollox bħala telf minħabba l-​valur imprezzabbli taʼ l-​għarfien dwar Kristu Ġesù l-​Mulej tiegħi. Minħabba fih aċċettajt li nitlef l-​affarijiet kollha u nqishom bħala qabda skart.”—Flp. 3:8.

14, 15. Liema barkiet nesperjenzaw bħala “ħaddiema sħab m’Alla”?

14 Bħal Pawlu, il-​Kristjani llum jagħmlu sagrifiċċji sabiex jippritkaw l-​aħbar tajba. (Mk. 10:29, 30) Qegħdin nitilfu xi ħaġa minħabba li nagħmlu hekk? Ħafna jaqblu maʼ Robert, li ssemma fil-​bidu, li qal: “M’għandi l-​ebda dispjaċir. Il-​ministeru full-time ġabli ħafna ferħ u sodisfazzjon, u ppermettieli ‘nduq u nara li Ġeħova hu tajjeb.’ Kulmeta għamilt sagrifiċċji materjali sabiex nilħaq miri spiritwali, Ġeħova dejjem berikni b’iktar minn dak li nkun issagrifikajt. Ikun qisu ma ssagrifikajt xejn. Iggwadanjajt biss!”—Salm 34:8; Prov. 10:22.

15 Jekk ilek tipprietka u tgħallem għal xi żmien, int ukoll mingħajr ebda dubju kellek opportunitajiet biex idduq u tara li Ġeħova hu tajjeb. Kien hemm xi drabi meta ħassejt l-​għajnuna tal-​ispirtu tiegħu hekk kif kont qed tgħid lil oħrajn dwar l-​aħbar tajba? Rajt int lil oħrajn jirreaġixxu bil-​ferħ hekk kif Ġeħova fetħilhom qalbhom biex jagħtu kas il-​messaġġ? (Atti 16:14) Għenek Ġeħova tegħleb xi ostakli, forsi billi fetaħlek it-​triq biex tkabbar il-​ministeru tiegħek? Appoġġak hu fi żminijiet diffiċli, billi għenek tkompli taqdih meta ħassejt li saħħtek kienet qed tiddgħajjef? (Flp. 4:13) Meta nesperjenzaw l-​għajnuna taʼ Ġeħova personalment hekk kif inwettqu l-​ministeru tagħna, hu jsir iktar reali għalina u nħossuna saħansitra iktar qrib tiegħu. (Is. 41:10) Mhijiex barka li tkun wieħed mill-​“ħaddiema sħab m’Alla” f’dan ix-​xogħol grandjuż t’edukazzjoni divina?—1 Kor. 3:9.

16. Kif tħossok dwar l-​isforzi u s-​sagrifiċċji li tagħmel b’konnessjoni mal-​edukazzjoni divina?

16 Ħafna nies jittamaw li jwettqu xi ħaġa li jkollha sinifikat dejjiemi matul ħajjithom. Aħna rajna li saħansitra għemejjel taʼ ħila kbira li jispikkaw fid-​dinja tal-​lum spiss jintesew malajr. Madankollu, ix-​xogħlijiet li Ġeħova qiegħed iwettaq fi żmienna b’konnessjoni mat-​taqdis t’ismu mingħajr dubju se jkunu preservati b’mod permanenti bħala parti mill-​istorja teokratika. Huma se jibqgħu miftakrin għal dejjem. (Prov. 10:7; Ebr. 6:10) Jalla ngħożżu l-​privileġġ li ngħallmu lil oħrajn dwar Ġeħova, xogħol li mhu se jintesa qatt.

Int Kif Twieġeb?

• Ġeħova x’jirrikjedi minn dawk li jgħallem hu?

• L-​edukazzjoni divina kif tejbet il-​ħajjiet tan-​nies?

• B’liema modi aħna mberkin talli ngħinu lil oħrajn jibbenefikaw mill-​edukazzjoni divina?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 23]

Dawk li huma mgħallmin minn Ġeħova jifformaw fratellanza internazzjonali vera

[Stampa f’paġna 24]

Mhijiex barka li tkun wieħed mill-​“ħaddiema sħab m’Alla”?