Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tapprezzah Int Dak li Għamel Ġeħova Biex Jeħilsek?

Tapprezzah Int Dak li Għamel Ġeħova Biex Jeħilsek?

“Ikun imbierek Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, għax dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​poplu tiegħu u ħelsu.”—LQ. 1:68.

1, 2. Is-​serjetà tal-​kundizzjoni preżenti tagħna maʼ xiex tistaʼ tixxebbah, u x’mistoqsijiet se niddiskutu?

 IMMAĠINA li qiegħed f’qiegħ taʼ sodda l-​isptar. Tinsab f’sala fejn kulħadd qed ibati mill-​istess marda, marda qerrieda li għad m’hemmx kura għaliha. Meta ssir taf li hemm tabib li qed jagħmel ħiltu kollha biex isib kura għaliha, tibda tittama. Tistenna bil-​ħerqa biex tkun taf jekk hemmx xi żviluppi. Ġurnata waħda, issir taf li nstabet kura! It-​tabib li jkun skoprieha jkun għamel sagrifiċċji kbar ħafna biex din il-​kura jagħmilha possibbli. Int kif tirreaġixxi? Żgur li f’qalbek tħoss rispett profond u apprezzament għal dan ir-​raġel li għamilha possibbli biex int u ħafna oħrajn tinħelsu mill-​mewt.

2 Forsi din is-​sitwazzjoni tidher esaġerata, imma taqbel maʼ realtà li niffaċċjaw aħna lkoll. Kull wieħed u waħda minna jinsab f’sitwazzjoni bil-​wisq iktar serja minn dik li għadna kif iddeskrivejna. Tassew neħtieġu ħellies. (Aqra Rumani 7:24.) Ġeħova għamel sagrifiċċji kbar biex jeħlisna. Anki Ibnu għamel sagrifiċċji sinifikanti. Mela, ejja nikkunsidraw erbaʼ mistoqsijiet bażiċi. Għala neħtieġu ħelsien? Il-​ħelsien tagħna xi swielu lil Ġesù? Xi swielu lil Ġeħova? U kif nistgħu nuru li napprezzaw il-​valur taʼ dan il-​ħelsien minn Alla?

Għala Neħtieġu Ħelsien?

3. Id-​dnub kif jistaʼ jitqabbel m’epidemija?

3 Skont stima reċenti, waħda mill-​agħar epidemiji fl-​istorja tal-​bniedem kienet l-​influwenza Spanjola tal-​1918, li qatlet għaxriet taʼ miljuni taʼ nies. F’ċertu sens, hemm mard ieħor li huwa iktar fatali. Filwaqt li għandu mnejn jinfetta inqas nies, joqtol persentaġġ iktar għoli taʼ nies li jkunu ġew infettati bih. a Madankollu, xi ngħidu jekk inqabblu d-​dnub m’epidemija bħal din? Ftakar fil-​kliem li nsibu f’Rumani 5:12: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” Ir-​rata t’infezzjoni mid-​dnub hija 100 fil-​mija, ladarba l-​bnedmin imperfetti kollha jidinbu. (Aqra Rumani 3:23.) U x’inhi r-​rata taʼ mwiet? Pawlu kiteb li d-​dnub iġib il-​mewt “fuq il-​bnedmin kollha.”

4. X’inhi l-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn it-​tul taʼ ħajjitna, u l-​ħarsa tiegħu kif inhi differenti minn dik taʼ ħafna llum?

4 Illum, ħafna nies iqisu d-​dnub u l-​mewt bħala xi ħaġa normali. Huma jinkwetaw dwar dak li jsejħulha mewt qabel iż-​żmien, imma l-​mewt li tiġi bil-​mod il-​mod fuqna l-​bnedmin minħabba x-​xjuħija jqisuha bħala “naturali.” Huwa faċli għall-​bnedmin li jinsew il-​ħarsa tal-​Ħallieq. Ħajjitna hija bil-​wisq iqsar milli hu riedha li tkun. Fil-​fatt, ebda bniedem m’għex saħansitra “jum wieħed” mill-​ħarsa taʼ Ġeħova. (2 Pt. 3:8) B’hekk, il-​Kelma t’Alla tgħid li ħajjitna tgħaddi malajr daqskemm jgħaddi malajr staġun tal-​ħaxix jew daqs nifs wieħed li nieħdu. (Salm 39:5; 1 Pt. 1:24) Jeħtieġ li nżommu din il-​ħarsa f’moħħna. Għala? Jekk naraw kemm hi kiefra l-​“marda” li qed inbatu minna, nistgħu napprezzaw aħjar il-​valur tal-​“kura”—il-​ħelsien tagħna.

5. Id-​dnub xi swielna lilna lkoll?

5 Sabiex nifhmu kemm huma kefrin id-​dnub u l-​effetti tiegħu, irridu nipprovaw nifhmu xi swielna d-​dnub. Dan forsi jistaʼ jkun diffiċli għall-​ewwel għaliex id-​dnub swielna xi ħaġa li qatt m’esperjenzajnieha. Adam u Eva fil-​bidu kienu jgawdu ħajja umana perfetta. Peress li kienu perfetti f’moħħhom u f’ġisimhom, huma setgħu jagħżlu li jikkontrollaw il-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u l-​azzjonijiet tagħhom. B’hekk, huma setgħu jkomplu jiżviluppaw kwalitajiet meraviljużi bħala l-​qaddejja t’Alla Ġeħova. Minflok, huma ċaħdu din l-​għotja prezzjuża. Peress li għażlu li jidinbu kontra Ġeħova, tilfu għalihom infushom u għal nisilhom it-​tip taʼ ħajja li Ġeħova xtaq li jkollhom. (Ġen. 3:16-19) Fl-​istess ħin, huma ġabu fuqhom infushom u fuqna l-​“marda” terribbli li qed niddiskutu dwarha. Bix-​xieraq, Ġeħova kkundannahom. Imma lilna joffrilna t-​tama taʼ ħelsien.—Salm 103:10.

Il-​Ħelsien Tagħna Xi Swielu lil Ġesù?

6, 7. (a) Ġeħova kif wera għall-​ewwel darba li l-​ħelsien tagħna kien jirrikjedi sagrifiċċju kbir? (b) X’nistgħu nitgħallmu mis-​sagrifiċċji offruti minn Abel u mill-​patrijarki li għexu qabel ma ngħatat il-​Liġi?

6 Ġeħova kien jaf li kien jirrikjedi sagrifiċċju kbir biex jeħles lin-​nisel t’Adam u Eva. Fil-​profezija mniżżla f’Ġenesi 3:15, nitgħallmu xi ħaġa dwar kemm sewa dan il-​ħelsien. Ġeħova kien se jipprovdi ‘nisel,’ ħellies, li xi darba kien se jeqred lil Satana, billi jisħqu biex ma jibqax jeżisti. Madankollu, dak il-​ħellies kien se jsofri, billi kien se jiġi ferut b’mod figurattiv f’għarqubu. Dan jidher taʼ wġigħ u li jdgħajjef, imma xi jfisser? Il-​Magħżul taʼ Ġeħova x’kien se jkollu jissaporti?

7 Sabiex isalva lill-​umanità mid-​dnub, il-​ħellies kellu jipprovdi mezz taʼ tpattija, mod kif jerġaʼ jħabbeb lill-​bnedmin m’Alla billi jneħħi l-​effetti tad-​dnub. Dan x’kien se jinvolvi? Mill-​bidu kien hemm indikazzjonijiet li kien se jirrikjedi sagrifiċċju. Meta l-​ewwel bniedem leali, Abel, offra sagrifiċċji tal-​annimali lil Ġeħova, hu kellu l-​approvazzjoni t’Alla. Iktar tard, patrijarki li kellhom il-​biżaʼ t’Alla, bħal Noè, Abraham, Ġakobb, u Ġob offrew sagrifiċċji simili, li għoġbu lil Alla. (Ġen. 4:4; 8:20, 21; 22:13; 31:54; Ġob 1:5) Sekli wara, il-​Liġi Mosajka għamlet lin-​nies iktar konxji tal-​kwistjoni tas-​sagrifiċċji.

8. Il-​qassis il-​kbir x’kien jagħmel f’Jum it-​Tpattija taʼ kull sena?

8 Fost l-​iktar sagrifiċċji importanti li kienet tirrikjedi l-​Liġi kien hemm dawk offruti f’Jum it-​Tpattija taʼ kull sena. Dakinhar, il-​qassis il-​kbir kien iwettaq serje t’għemejjel simboliċi. Hu kien joffri sagrifiċċji lil Ġeħova biex jipprovdi għat-​tpattija tad-​dnubiet—l-​ewwel għal dawk tal-​klassi tal-​qassisin, imbagħad għal dawk tat-​tribujiet li ma kinux tal-​qassisin. Il-​qassis il-​kbir kien jidħol fit-​taqsima tal-​Iktar Qaddis tat-​tabernaklu jew tempju, fejn hu biss setaʼ jidħol u kien jagħmel dan f’din il-​ġurnata tas-​sena biss. Hemmhekk, hu kien iroxx id-​demm tas-​sagrifiċċji quddiem l-​arka tal-​patt. ’Il fuq minn din il-​kaxxa sagra, kultant kienet tidher sħaba tiddi ħafna, li kienet tirrappreżenta l-​preżenza t’Alla Ġeħova.—Eżo. 25:22; Lev. 16:1-30.

9. (a) Il-​qassis il-​kbir taʼ min kien jagħti stampa f’Jum it-​Tpattija, u x’kienu jfissru s-​sagrifiċċji li kien joffri? (b) Il-​fatt li l-​qassis il-​kbir kien jidħol fl-​Iktar Qaddis x’kien jirrappreżenta?

9 L-​appostlu Pawlu ġie mnebbaħ biex jirrivela xi jfissru dawk l-​għemejjel simboliċi. Hu wera li l-​qassis il-​kbir kien jagħti stampa tal-​Messija, Ġesù Kristu, filwaqt li l-​offerti tas-​sagrifiċċji kienu jagħtu stampa tal-​mewt taʼ Kristu bħala sagrifiċċju. (Ebr. 9:11-14) Dan is-​sagrifiċċju perfett kellu jipprovdi tpattija vera għal żewġ gruppi taʼ nies—il-​klassi taʼ qassisin magħmula minn 144,000 ruħ, ħut Kristu midlukin bl-​ispirtu, u n-​“nagħaġ oħrajn.” (Ġw. 10:16) Meta l-​qassis il-​kbir kien jidħol fl-​Iktar Qaddis, hu kien jiffigura bil-​quddiem lil Ġesù dieħel fis-​sema stess biex jippreżenta l-​valur tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa lil Alla Ġeħova.—Ebr. 9:24, 25.

10. Skont il-​profezija tal-​Bibbja, il-​Messija minn xiex kellu jgħaddi?

10 B’mod ċar, il-​ħelsien tan-​nisel t’Adam u Eva kien se jiswa ħafna. Il-​Messija kellu jissagrifika ħajtu! Il-​profeti tal-​Iskrittura Ebrajka ppreżentaw din il-​verità b’mod iktar dettaljat. Pereżempju, il-​profeta Danjel stqarr direttament li l-​“Messija l-​Mexxej” kien “se jinqatel,” jew jingħata l-​mewt, “biex jitpatta l-​iżball.” (Dan. 9:24-26) Isaija bassar li l-​Messija kien se jiġi miċħud, persegwitat, u mogħti l-​mewt, jew minfud, biex iġorr id-​dnubiet tal-​bnedmin imperfetti.—Is. 53:4, 5, 7.

11. L-​Iben taʼ Ġeħova b’liema modi wera li kien lest li jissagrifika ruħu għall-​ħelsien tagħna?

11 Qabel ma ġie fuq l-​art, l-​Iben uniġenitu t’Alla kien konxju taʼ x’kien se jiswielu l-​ħelsien tagħna. Kien se jkollu jsofri ħafna u mbagħad jingħata l-​mewt. Meta Missieru għallmu dawn il-​veritajiet, x’għamel Ġesù, reġaʼ bdielu jew irribella? Għall-​kuntrarju, hu ssottometta ruħu minn jeddu għall-​istruzzjonijiet taʼ Missieru. (Is. 50:4-6) Bl-​istess mod, waqt li kien fuq l-​art, Ġesù b’ubbidjenza wettaq ir-​rieda taʼ Missieru. Għala? Tweġiba waħda li pprovda nsibuha f’dan il-​kliem: “Jien inħobb lill-​Missier.” Tweġiba oħra li pprovda hi: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.” (Ġw. 14:31; 15:13) Għalhekk, il-​ħelsien tagħna hu dovut, fil-​biċċa l-​kbira, għall-​imħabba taʼ Bin Ġeħova. Għalkemm din swietlu l-​ħajja perfetta tiegħu bħala bniedem, hu kien ferħan li jagħmel dan minħabba l-​ħelsien tagħna.

Il-​Ħelsien Tagħna Xi Swielu lil Ġeħova?

12. Il-​fidwa hi espressjoni tar-​rieda taʼ min, u għala pprovdieha?

12 Ġesù ma kienx dak li ddetermina li kellu jsir is-​sagrifiċċju taʼ fidwa jew il-​mod kif kellu jsir. Minflok, dan il-​mezz taʼ ħelsien kien aspett prinċipali tar-​rieda taʼ Ġeħova. L-​appostlu Pawlu indika li l-​artal fit-​tempju, li fuqu kienu offruti s-​sagrifiċċji, kien jirrappreżenta r-​rieda taʼ Ġeħova. (Ebr. 10:10) Għalhekk, il-​ħelsien li nirċievu permezz tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu hu xi ħaġa li nafuha l-​ewwel u qabel kollox lil Ġeħova. (Lq. 1:68) Hi espressjoni tar-​rieda perfetta tiegħu u tal-​imħabba kbira tiegħu għall-​umanità.—Aqra Ġwanni 3:16.

13, 14. L-​eżempju t’Abraham kif jistaʼ jgħinna napprezzaw dak li għamel Ġeħova għan-​nom tagħna?

13 Xi swietlu lil Ġeħova l-​imħabba li esprima għalina b’dan il-​mod? Huwa diffiċli għalina li nifhmu dan. Madankollu, hemm rakkont fil-​Bibbja li jistaʼ jgħinna nifhmu dan aħjar. Ġeħova talab lil Abraham, li kien raġel leali, biex jagħmel xi ħaġa verament diffiċli—biex joffri lil ibnu Iżakk bħala sagrifiċċju. Abraham kien missier li jaf iħobb. Meta Ġeħova kellmu dwar Iżakk qallu: “L-​uniku iben tiegħek li tant tħobb.” (Ġen. 22:2) Xorta waħda, għal Abraham li jagħmel ir-​rieda taʼ Ġeħova kien saħansitra iktar importanti minn imħabbtu għal Iżakk. Abraham aġixxa u obda. Madankollu, Ġeħova ma ħalliex lil Abraham jagħmel dak li Hu nnifsu kien se jagħmel fil-​futur. Alla bagħat anġlu biex iwaqqaf lil Abraham preċiż qabel ma ssagrifika lil ibnu. Abraham tant kien determinat li jobdi lil Alla tiegħu f’din il-​prova diffiċli li ħassu ċert li l-​unika tama li jerġaʼ jara liż-​żagħżugħ ħaj kienet permezz taʼ rxoxt. Imma hu kellu fidi sħiħa li Alla kien se jwettaq dan l-​irxoxt. Tabilħaqq, Pawlu qal li Abraham tassew irċieva lil Iżakk lura permezz taʼ rxoxt “bħala tixbiha.”—Ebr. 11:19.

14 Hu diffiċli li nimmaġinaw l-​uġigħ li ħass Abraham hekk kif ipprepara biex joffri lil ibnu. F’ċertu sens, l-​esperjenza t’Abraham tgħin biex tagħti stampa taʼ meta Ġeħova ssagrifika lil dak li hu sejjaħlu “Ibni, il-​maħbub.” (Mt. 3:17) Iżda, ftakar li l-​uġigħ taʼ Ġeħova kien x’aktarx iktar intens. Hu u Ibnu kienu gawdew sħubija flimkien għal miljuni bla għadd, forsi saħansitra biljuni, taʼ snin. L-​Iben ħadem bil-​ferħ mal-​Missier bħala l-​għażiż “ħaddiem tas-​sengħa” tiegħu u bħala l-​Kelliemi tiegħu, “il-​Kelma.” (Prov. 8:22, 30, 31; Ġw. 1:1) Dak li ssaporta Ġeħova hekk kif Ibnu kien qed jiġi turmentat, imwaqqaʼ għaċ-​ċajt, u wara maqtul bħala kriminal huwa bil-​wisq iktar milli nistgħu nkunu nafu. Kemm swielu l-​ħelsien tagħna lil Ġeħova! Allura, kif nistgħu nuru li napprezzaw dan il-​ħelsien?

Kif Tistaʼ Turi li Tapprezza l-​Ħelsien?

15. Ġesù kif wettaq kompletament l-​att kbir taʼ tpattija, u dan x’għamel possibbli?

15 Ġesù wettaq kompletament l-​att kbir taʼ tpattija wara li ġie rxoxtat lejn is-​sema. Meta ngħaqad mill-​ġdid mal-​maħbub Missieru, hu ppreżentalu l-​valur tas-​sagrifiċċju tiegħu. Wara dan ġew barkiet kbar. Il-​maħfra kompleta saret disponibbli, l-​ewwel għad-​dnubiet tal-​aħwa midlukin taʼ Kristu, u mbagħad għal dawk “tad-​dinja kollha.” Illum, minħabba dan is-​sagrifiċċju, dawk kollha li jindmu sinċerament minn dnubiethom u jsiru segwaċi ġenwini taʼ Kristu jistgħu jgawdu relazzjoni approvata m’Alla Ġeħova. (1 Ġw. 2:2) Dan kif japplika għalik?

16. Kif nistgħu nagħtu eżempju dwar għala għandna napprezzaw il-​ħelsien li Ġeħova għamel possibbli għalina?

16 Ejja nerġgħu nirreferu għall-​eżempju li ngħata fil-​bidu. Nagħmlu mod li t-​tabib li jsib il-​kura għall-​marda javviċina l-​pazjenti fis-​sala tiegħek b’din l-​offerta: Kwalunkwe pazjent li jaċċetta l-​kura u jsegwi l-​istruzzjonijiet li nagħtih żgur se jfiq. Xi ngħidu jekk ħafna mill-​pazjenti sħabek jirrifjutaw li jsegwu d-​direzzjoni tat-​tabib, billi jgħidu li jkun diffiċli li tieħu l-​mediċina jew li ż-​żomm mal-​istruzzjonijiet li ngħataw? Kont int tagħmel bħalhom, avolja kellek evidenza konvinċenti li l-​kura kienet tassew taħdem? Dażgur li le! Bla dubju kont tirringrazzja lit-​tabib għall-​kura u mbagħad issegwi l-​istruzzjonijiet tiegħu bir-​reqqa, forsi saħansitra kont tgħid lil oħrajn bl-​għażla tiegħek. F’sens ferm akbar, aħna lkoll għandna nkunu ħerqanin li nuru lil Ġeħova eżattament kemm napprezzaw il-​ħelsien li hu għamel possibbli permezz tas-​sagrifiċċju li Ibnu offra bħala fidwa.—Aqra Rumani 6:17, 18.

17. Int b’liema modi tistaʼ turi l-​apprezzament tiegħek għal dak li għamel Ġeħova biex jeħilsek?

17 Jekk napprezzaw dak li għamlu Ġeħova u Ibnu sabiex jeħilsuna mid-​dnub u l-​mewt, dan se nuruh. (1 Ġw. 5:3) Se niġġieldu kontra t-​tendenza tagħna li nidinbu. Qatt ma se nċedu billi nipprattikaw id-​dnub apposta u ngħixu l-​ħajja doppja u ipokrita li dan spiss iġib miegħu. Jekk nagħmlu hekk inkunu qisna qed ngħidu li ma napprezzawx il-​fidwa jew li m’aħniex grati għaliha. Minflok, se nuru l-​apprezzament tagħna billi naħdmu iebes biex nibqgħu nodfa f’għajnejn Alla. (2 Pt. 3:14) Dan se nuruh billi naqsmu m’oħrajn it-​tama meraviljuża tagħna taʼ ħelsien, sabiex huma wkoll ikun jistaʼ jkollhom relazzjoni approvata maʼ Ġeħova u t-​tama taʼ futur etern. (1 Tim. 4:16) Żgur li Ġeħova u Ibnu jixirqilhom il-​ħin u l-​enerġija kollha li nistgħu niddedikaw sabiex infaħħruhom. (Mk. 12:28-30) Aħseb ftit dwar dan! Aħna nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn iż-​żmien meta se nkunu mfejqin kompletament mid-​dnub. Nistgħu ngħixu l-​ħajja kif Alla riedha li tkun, fil-​perfezzjoni, għal dejjem—dan kollu minħabba dak li għamel Ġeħova biex jeħlisna!—Rum. 8:21.

[Nota taʼ taħt]

a L-influwenza Spanjola jingħad li infettat bejn 20 sa 50 fil-​mija mill-​popolazzjoni tad-​dinja taʼ dak iż-​żmien. Il-​virus x’aktarx li qatel bejn wieħed u ieħor minn 1 sa 10 fil-​mija min-​nies li ġew infettati bih. B’kuntrast, il-​virus tal-​Ebola huwa ħafna iktar rari, imma f’ċerti każi meta faqqaʼ qatel kważi 90 fil-​mija minn dawk li ġew infettati bih.

Int Kif Twieġeb?

• Għala għandek bżonn urġenti taʼ ħelsien?

• Dak li għamel Ġesù billi ssagrifika lilu nnifsu kif jeffettwak?

• Kif tħossok dwar l-​għotja tal-​fidwa li tana Ġeħova?

• X’int imqanqal biex tagħmel bi tweġiba għall-​provvedimenti li Ġeħova għamel għall-​ħelsien tiegħek?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 27]

F’Jum it-​Tpattija, il-​qassis il-​kbir t’Israel ta stampa ħajja tal-​Messija

[Stampa f’paġna 28]

Il-​fatt li Abraham kien lest li joffri lil ibnu jgħallimna ħafna dwar is-​sagrifiċċju bil-​wisq akbar li għamel Ġeħova