Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dwar il-Ħajja tal-Familja

Dwar il-Ħajja tal-Familja

Dak li Nitgħallmu Minn Ġesù

Dwar il-​Ħajja tal-​Familja

Liema ħarsa lejn iż-​żwieġ tferraħ il-​familji?

Iż-​żwieġ huwa rabta sagra. Meta Ġesù ġie mistoqsi jekk id-​divorzju huwiex aċċettabbli, hu qal: “Ma qrajtux li sa mill-​bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem. . . . Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.” (Mattew 19:4-​6, 9) Meta koppja miżżewġa jsegwu l-​parir taʼ Ġesù u jkunu leali lejn xulxin, dawk kollha fil-​familja jħossuhom fis-​sigurtà u ferħanin.

Għala l-​imħabba għal Alla tferraħ il-​familja?

Ġesù qal: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-​akbar u l-​ewwel kmandament.” Liema hu t-​tieni l-​akbar kmandament? Ġesù qal: “Ħobb lill-​proxxmu tiegħek [dan jinkludi lil dawk li jgħixu l-​iktar qrib tiegħek—il-​familja] bħalek innifsek.” (Mattew 22:37-​39) Allura, il-​fattur essenzjali għall-​hena fil-​familja hu li jkollna relazzjoni tajba m’Alla għax l-​imħabba għalih tqanqalna nħobbu ’l xulxin.

Kif jistgħu l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin iferrħu ’l xulxin?

L-​irġiel miżżewġin iferrħu lil marthom meta jsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù. Hu wera mħabba li qanqlitu jagħmel sagrifiċċji għall-​mara figurattiva tiegħu, il-​kongregazzjoni. (Efesin 5:25) Ġesù qal: “Bin il-​bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi.” (Mattew 20:28) Ġesù qatt m’għamilha taʼ dittatur jew kien aħrax maʼ dawk taħt il-​ħarsien tiegħu imma kien iserraħhom. (Mattew 11:28) Għalhekk, l-​irġiel miżżewġin għandhom jeżerċitaw l-​awtorità tagħhom b’qalb tajba għall-​ġid tal-​familja kollha.

In-​nisa miżżewġin ukoll jistgħu jibbenefikaw mill-​eżempju taʼ Ġesù. Il-​Bibbja tgħid li “l-​kap tal-​Kristu hu Alla.” Tgħid ukoll li “l-​kap tal-​mara hu r-​raġel.” (1 Korintin 11:3) Ġesù ma ħassux importanti wisq biex jissottometti ruħu lejn Alla. Hu kellu rispett profond lejn Missieru. Ġesù qal: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwanni 8:29) Mara li tissottometti ruħha għall-​istat taʼ kap taʼ żewġha, għax tħobb u tirrispetta ’l Alla, tgħin ħafna biex il-​ħajja tal-​familja tkun ferħana.

X’jistgħu jitgħallmu l-​ġenituri mill-​ħarsa taʼ Ġesù lejn it-​tfal?

Ġesù qattaʼ l-​ħin mat-​tfal u kien interessat fil-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħhom. Il-​Bibbja tgħid: “Ġesù sejjaħ lejh liċ-​ċkejknin u qal: ‘Ħallu t-​tfal żgħar jiġu għandi.’” (Luqa 18:15, 16) Darba minnhom, in-​nies ikkritikaw lil xi subien li tkellmu fil-​beraħ dwar il-​fidi tagħhom f’Ġesù. Imma Ġesù faħħar lil dawn is-​subien u qal lil dawk li kkritikawhom: “Qatt ma qrajtuh dan, ‘Minn fomm iċ-​ċkejknin u t-​trabi tal-​ħalib int ipprovdejt it-​tifħir’?”—Mattew 21:15, 16.

X’jistgħu jitgħallmu t-​tfal minn Ġesù?

Ġesù ta eżempju mill-​aħjar lit-​tfal dwar il-​bżonn li jkunu interessati fl-​affarijiet spiritwali. Meta kellu 12-​il sena nstab “fit-​tempju bil-​qiegħda f’nofs l-​għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” B’liema riżultat? “Dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-​tweġibiet tiegħu.” (Luqa 2:42, 46, 47) Madankollu, l-​għarfien taʼ Ġesù m’għamlux minfuħ bih innifsu. Anzi dan għamlu jirrispetta l-​ġenituri tiegħu. Il-​Bibbja tgħid li “baqaʼ sottomess lejhom.”—Luqa 2:51.

Għal iktar informazzjoni ara kapitlu 14 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? a

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.