Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-Sultan David u l-Mużika

Is-Sultan David u l-Mużika

Is-​Sultan David u l-​Mużika

JEKK hemm isem wieħed li jfakkarna fil-​mużika taʼ żminijiet Bibliċi huwa dak taʼ David, raġel rimarkevoli li kien jgħix xi 3,000 sena ilu. Fil-​fatt, ħafna minn dak li nafu dwar il-​mużika taʼ dak iż-​żmien ġej minn dak li tgħid il-​Bibbja dwar l-​attivitajiet taʼ David—minn meta kien ragħaj żagħżugħ sa meta sar sultan u organizzatur kapaċi.

Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu dwar il-​mużika fi żminijiet Bibliċi permezz taʼ David. Pereżempju, liema tip taʼ strumenti kienu jindaqqu, u liema tip taʼ għanjiet kienu jitkantaw? Il-​mużika xi rwol kellha fil-​ħajja taʼ David u, fuq skala akbar, fil-​ġens taʼ Israel?

L-​Irwol tal-​Mużika f’Israel tal-​Qedem

It-​tlissin tal-​kliem taʼ għanja spiss ifakkarna fil-​melodija li takkumpanjah. Il-​Bibbja fiha l-​lirika taʼ għadd kbir taʼ għanjiet, li l-​mużika tagħhom jiddispjaċina ngħidu baqgħet mhix magħrufa. Bilfors li kienet sabiħa, saħansitra sublimi. Is-​sbuħija tal-​kliem poetiku tal-​ktieb tas-​Salmi tissuġġerixxi li l-​mużika li kienet takkumpanjah kienet sabiħa daqsu.

Rigward l-​istrumenti, il-​Bibbja tiddeskrivihom biss fil-​qosor. (Ara l-​kaxxa  “Strumenti fi Żminijiet Bibliċi.”) Saħansitra mhuwiex magħruf fiċ-​ċert liema tip taʼ arpa kien juża David. Minkejja dan, taʼ min jinnota li l-​Israelin ivvintaw diversi strumenti, bħal pereżempju arpi tal-​injam rari u prezzjużi.—2 Kronaki 9:11; Għamos 6:5.

Madankollu, ħaġa waħda hi ċerta. Il-​mużika kellha rwol importanti fil-​ħajja tal-​Ebrej, speċjalment fil-​qima tagħhom lil Alla. Il-​mużika kienet tindaqq fl-​inkurunazzjonijiet, kienet tintuża f’ċerimonji reliġjużi, u kellha parti fil-​gwerer. Saħħret ukoll lill-​palazz irjali, tat il-​ħajja lit-​tiġijiet u lil-​laqgħat soċjali tal-​familja, u ħalqet atmosfera matul il-​festi tal-​ħsad tal-​għeneb u tal-​qmuħ. B’sogħba, il-​mużika kienet assoċjata wkoll maʼ postijiet taʼ reputazzjoni ħażina. Fl-​aħħar nett, meta kien imut xi ħadd, il-​mużika kienet tikkonsla lill-​ħajjin fin-​niket tagħhom.

F’Israel, il-​mużika kellha jerġaʼ rwoli oħrajn. Kienet magħrufa li sserraħ il-​moħħ u tħejji lill-​profeti biex jirċievu messaġġi spiritwali. Kien malli ndaqq strument tal-​korda li Eliżew irċieva direzzjoni mingħand Ġeħova. (2 Slaten 3:15) Il-​mużika kienet tintuża wkoll biex jitħabbru ġrajjiet speċjali. Qmura ġodda u festi oħrajn kienu jitħabbru bil-​ħoss taʼ żewġ trumbetti tal-​fidda. F’jum il-​Ġublew, il-​ħoss tal-​qarn xandar il-​libertà għall-​ilsiera u li l-​art u d-​djar li kienu ttiħdulhom bi dritt kellhom jingħataw lura lil sidhom. Min jaf kemm ferħu n-​nies foqra meta semgħu l-​mużika tħabbrilhom li kienu se jieħdu lura l-​libertà jew l-​affarijiet materjali tagħhom!—Levitiku 25:9; Numri 10:10.

Ċerti Israelin bilfors li kienu mużiċisti jew għannejja eċċezzjonali. Fil-​fatt, skont skultura Assirjana, is-​Sultan Sennakerib talab bħala ħlas mingħand is-​Sultan Ħeżekija mużiċisti rġiel u nisa. Donnu jidher li dawn kienu tal-​prima klassi. Imma David kien fost il-​mużiċisti tas-​sengħa l-​iktar eċċezzjonali.

Mużiċist Rimarkevoli

David kien rimarkevoli għaliex kien kemm mużiċist kif ukoll poeta. Iktar minn nofs is-​salmi kitibhom hu. Meta kien tifel, hu kien ragħaj, u kien jimla l-​moħħ sensittiv u intelliġenti tiegħu bix-​xeni pastorali taʼ Betlehem. Hu kien jifraħ b’affarijiet sempliċi bħal li jismaʼ l-​ħoss tal-​ilma jgelgel tan-​nixxigħat u l-​għajta tal-​ħrief li jwieġbu għal leħnu. Imqanqal mill-​ġmiel taʼ din il-​“mużika” fid-​dinja taʼ madwaru, hu qabad l-​arpa tiegħu u għolla leħnu biex ifaħħar lil Alla. Min jaf kemm kienet esperjenza kommoventi li tismaʼ l-​mużika li kkompona David għal Salm 23!

Bħala żagħżugħ, David tant kien idoqqha tajjeb l-​arpa li ġie rikkmandat lil Sawl, is-​sultan, li sejjaħlu biex jaqdih. Meta Sawl kien ikun imdejjaq u mħawwad mentalment, David kien imur għandu u jdoqq fuq l-​arpa tiegħu r-​ritornelli melodjużi li jserrħu u li kienu jikkalmaw qalb is-​sultan. Il-​ħsibijiet ħżiena li kienu jitturmentaw lil Sawl kienu jisparixxu, u ma kienx jibqaʼ ansjuż.—1 Samwel 16:16.

Il-​mużika, li David tant kien iħobb u li kienet tferrħu, kultant ikkaġunat il-​problemi. Darba minnhom, meta David u Sawl ġew lura rebbiħin mill-​ġlieda tagħhom kontra l-​Filistin, f’widnejn is-​sultan waslet mużika trijonfanti u ferriħija. In-​nisa kienu qed ikantaw: “Sawl qatel l-​eluf, u David l-​għaxriet t’eluf.” Għal dan, Sawl tant irrabja u sar għajjur li “minn dakinhar ’il quddiem . . . baqaʼ jissuspetta f’David.”—1 Samwel 18:7-​9.

Imqanqal mill-​Mużika

Il-​kompożizzjonijiet taʼ David ispirati b’mod divin kienu jispikkaw b’ħafna modi. L-​għanjiet tiegħu jinkludu salmi li jirriflettu kemm meditazzjoni profonda u kemm il-​ħajja taʼ ragħaj. Dawn ivarjaw minn espressjonijiet taʼ tifħir għal storja narrattiva, mill-​ferħ tal-​ħsad tal-​għeneb għall-​pompa tal-​inawgurazzjoni tal-​palazz, minn tifkiriet għal tama, minn rikjesta għal talb bil-​ħrara. (Ara Salmi 32, 23, 145, 8, 30, 38, 72, 51, 86 u s-​sopraskrizzjonijiet tagħhom.) Meta mietu Sawl u ibnu Ġonatan, David ikkompona għanja taʼ niket, imsejħa “L-​Għanja tal-​Qaws,” li tibda bil-​kliem: “Il-​ġmiel, O Israel, inqatel fuq il-​postijiet għoljin tiegħek.” It-​ton kien wieħed taʼ diqa. David kien jaf kif jesprimi varjetà kbira taʼ sentimenti, kemm bil-​kliem kif ukoll bil-​mużika fuq l-​arpa tiegħu.—2 Samwel 1:17-​19.

Bil-​personalità mimlija entużjażmu tiegħu, David kien iħobb mużika ferriħija u enerġetika li kellha ritmu qawwi ħafna. Meta tellaʼ l-​arka tal-​patt f’Sijon, hu qabeż u żifen kemm felaħ biex jiċċelebra l-​ġrajja. Ir-​rakkont Bibliku jindika li l-​mużika bilfors li kienet eċċitanti ħafna. Tistaʼ timmaġinaha din ix-​xena? Din ġabet tmaqdir minn martu Mikal. Imma lil David dan ma kienx jimpurtah. Hu ħabb lil Ġeħova; u din il-​mużika, li tant ferrħitu, ġegħlitu jaqbeż quddiem Alla tiegħu.—2 Samwel 6:14, 16, 21.

Bħallikieku dan kollu ma kienx biżżejjed, David iddistingwa ruħu wkoll billi għamel strumenti mużikali ġodda. (2 Kronaki 7:6) Meta tqis kollox, David donnu kien artist b’talenti liema bħalhom, peress li kien jagħmel l-​istrumenti, kien poeta, kompożitur, mużiċist, u kantant. Madankollu, David għamel saħansitra affarijiet akbar.

Il-​Kant u l-​Mużika fit-​Tempju

David ħalla bħala wirt l-​organizzar tal-​kant u tal-​mużika fid-​dar taʼ Ġeħova. Bħala kapijiet tal-​4,000 kantant u mużiċist, hu poġġa lil Asaf, Ħeman, u Ġedutun (milli jidher jissejjaħ ukoll Etan). David għaqqadhom maʼ 288 espert, li ħarrġu u dderiġew lill-​bqija tal-​grupp. L-​4,000 kantant u mużiċist kienu preżenti kollha fit-​tempju għat-​tliet festi kbar u annwali. Immaġina l-​maestà taʼ dak il-​kor manjifiku!—1 Kronaki 23:5; 25:1, 6, 7.

Fit-​tempju, l-​irġiel biss kienu jkantaw. L-​espressjoni “fuq Ix-​Xebbiet,” fis-​sopraskrizzjoni taʼ Salm 46, tissuġġerixxi leħen jew strument b’ton għoli. Huma kantaw b’vuċi waħda, kif inhu indikat fit-​2 Kronaki 5:13: “L-​għannejja [kienu] bħala ħaġa waħda.” L-​għanjiet setgħu kienu melodiji, bħal Salm 3 u ħafna salmi oħrajn taʼ David, u kultant kienu jinkludu ritornelli, bħal dak taʼ Salm 42:5, 11 u 43:5. Għanjiet bl-​antifona, li fihom il-​korijiet u/jew is-​solisti jwieġbu lil xulxin, kienu apprezzati ħafna wkoll. Dan hu l-​każ f’​Salm 24, li bla dubju kien kompost għaż-​żmien meta David ħa l-​arka tal-​patt f’Sijon.—2 Samwel 6:11-​17.

Madankollu, ma kinux il-​Leviti biss li kienu jkantaw. Kienu n-​nies li kantaw meta telgħu Ġerusalemm għall-​festi annwali. Forsi għal dan kienet qed tirreferi l-​“Għanja tat-​Tlajjaʼ.” (Salm 120 sa 134) Pereżempju, f’​Salm 133, David ifaħħar lill-​fratellanza li l-​Israelin esperjenzaw f’dawk il-​mumenti. Hu jiftaħ b’dan il-​kliem: “Ara! Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-​aħwa jgħammru flimkien f’unità!” Ipprova immaġina l-​mużika li akkumpanjat din l-​għanja!

Il-​Mużika u l-​Qima lil Ġeħova

Għaxra fil-​mija mill-​Bibbja hi magħmula minn għanjiet bħal dawn, u l-​ktieb tas-​Salmi jinkuraġġixxi lill-​bnedmin kollha biex ifuru bi kliem taʼ tifħir. (Salm 150) Il-​mużika għandha l-​qawwa li ġġiegħel lil dak li jkun jinsa l-​inkwiet tal-​ħajja, u l-​kant jistaʼ jkun bħal balzmu għal qlub muġugħin. Madankollu, il-​Bibbja tirrikkmanda wkoll lil dawk li għandhom burdata tajba biex ikantaw is-​salmi.—Ġakbu 5:13.

Permezz tal-​kant, wieħed jistaʼ jesprimi l-​fidi u l-​imħabba tiegħu għal Alla. Il-​lejl taʼ qabel ma miet Ġesù, hu u l-​appostli kkonkludew l-​ikla tagħhom bil-​kant. (Mattew 26:30) Min jaf x’leħen kellu Bin David—hu li kien jaf il-​kant glorjuż tal-​ħlejjaq spirti fis-​sema! X’aktarx li Ġesù u l-​appostli kantaw il-​Ħallel, Salm 113 sa 118. Kieku kien hekk, mal-​appostli, li ma kinux jafu bil-​ġrajjiet kollha li kienu se jseħħu dalwaqt, Ġesù żgur li kien ikanta b’leħen għoli: “Jien nimtela bl-​imħabba meta Ġeħova jismaʼ leħni, it-​talb bil-​ħrara tiegħi. . . . Il-​ħbula tal-​mewt dawruni u kont f’ċirkustanzi taʼ niket bħallikieku fil-​Qabar. . . . ‘O Ġeħova, eħlisli ruħi!’”—Salm 116:1-​4.

Ma kienx il-​bniedem li vvinta l-​mużika. Il-​Bibbja tiddeskrivi l-​mużika u l-​kant fis-​smewwiet infushom, fejn ħlejjaq spirti jdoqqu arpi figurattivi u jkantaw tifħir madwar it-​tron taʼ Ġeħova. (Rivelazzjoni 5:9; 14:3; 15:2, 3) Alla Ġeħova ta l-​mużika lill-​bnedmin, billi daħħlilhom f’qalbhom l-​imħabba għall-​mużika u l-​ħeġġa li ma titrażżanx biex jesprimu s-​sentimenti tagħhom billi jdoqqu strument jew ikantaw. Għall-​bniedem taʼ fidi, il-​mużika hi fuq kollox għotja mingħand Alla.—Ġakbu 1:17.

[Kumment f’paġna 11]

“Fil-​jum tal-​ferħ tagħkom u fl-​istaġuni tal-​festi tagħkom . . . tridu ddoqqu t-​trumbetti.”—NUMRI 10:10

[Kumment f’paġna 12]

“Ġeħova r-​Ragħaj tiegħi. Ma se jonqosni xejn. F’mergħat iħaddru jmiddni; ħdejn postijiet taʼ mistrieħ imsoqqijin tajjeb jiħodni.”—SALM 23:1, 2

[Kumment f’paġna 13]

“Kien hemm . . . erbat elef ifaħħru lil Ġeħova bl-​istrumenti li dwarhom David qal, ‘Jien għamilthom biex ifaħħru bihom.’”—1 KRONAKI 23:4, 5

[Kumment f’paġna 13]

David esprima varjetà kbira taʼ sentimenti kemm bil-​kliem kif ukoll bil-​mużika

[Kumment f’paġna 14]

“Faħħru lil Jah! Faħħruh bit-​tanburlin u ż-​żfin. Kull ħaġa li tieħu n-​nifs—ħa tfaħħar lil Jah.”—SALM 150:1, 4, 6

[Kaxxa/Stampi f’paġna 12]

 Strumenti fi Żminijiet Bibliċi

L-​istrumenti tal-​korda inkludew iljuti, arpi, u strumenti b’għaxar kordi. (Salm 92:3) Dawn kienu intonati fuq Alamot u Seminit, espressjonijiet li forsi jirreferu għal ottavi taʼ fuq u taʼ taħt. (1 Kronaki 15:20, 21, nota taʼ taħt) Fost l-​istrumenti tar-​ram u tan-​nifs kien hemm il-​fifra, il-​flawt, il-​qarn, kif ukoll it-​trumbetti, li kellhom “ħoss qawwi.” (2 Kronaki 7:6; 1 Samwel 10:5; Salm 150:3, 4) Fid-​dedikazzjoni tat-​tempju, it-​trumbetti u l-​għannejja “bdew isemmgħu ħoss wieħed.” (2 Kronaki 5:12, 13) Dan donnu jfisser li kienu intonati u li kienu f’armonija. L-​istrumenti tal-​perkussjoni inkludew tanburlini u sistra, tip taʼ ċuqlajta mużikali, kif ukoll “kull tip taʼ strument taʼ l-​injam tal-​ġnibru.” Kien hemm ukoll iċ-​ċimbali—iż-​żgħar “taʼ ħoss melodjuż” u l-​kbar imsejħin “ċimbali jdamdmu.”—2 Samwel 6:5; Salm 150:5.

[Stampi f’paġna 12]

Fuq: Dettall mill-​Arkata taʼ Titu, Ruma, l-​Italja, fejn jidhru trumbetti meħudin mit-​tempju f’Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K. Muniti taʼ madwar is-​sena 130 E.K., li fuqhom hemm strumenti mużikali Lhud

[Sors f’paġna 12]

Muniti: © 2007 by David Hendin. Id-​drittijiet kollha riservati.