Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Messija! il-Mezz taʼ Salvazzjoni t’Alla

Il-Messija! il-Mezz taʼ Salvazzjoni t’Alla

“Bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-​ħajja fil-​Kristu.”—1 KOR. 15:22.

1, 2. (a) Indrì u Filippu kif wieġbu meta ltaqgħu maʼ Ġesù? (b) Għala ngħidu li għandna iktar evidenza li Ġesù hu l-​Messija mill-​Kristjani tal-​ewwel seklu?

 “SIBNA ’l-​Messija,” qal Indrì lil ħuh Pietru, konvint li Ġesù taʼ Nazaret kien il-​Midluk t’Alla. Filippu kien ġie perswadut u għalhekk fittex lil sieħbu Natanjel u qallu: “Sibna lil dak li Mosè, fil-​Liġi, u l-​Profeti kitbu dwaru—Ġesù, bin Ġużeppi, minn Nazaret.”—Ġw. 1:40, 41, 45.

2 Konvint int għalkollox li Ġesù hu l-​Messija mwiegħed, l-​“Aġent Ewlieni tas-​salvazzjoni” taʼ Ġeħova? (Ebr. 2:10) Illum, għandna ħafna iżjed evidenza milli kellhom is-​segwaċi tiegħu tal-​ewwel seklu li hu kien il-​Maħtur t’Alla. Mit-​twelid taʼ Ġesù sal-​irxoxt tiegħu, il-​Kelma t’Alla tagħtina evidenza konkreta li hu kien il-​Kristu. (Aqra Ġwanni 20:30, 31.) Il-​Bibbja turi wkoll li Ġesù kien se jkompli jwettaq l-​irwol tiegħu bħala l-​Messija mis-​sema. (1 Kor. 15:22; Ġw. 6:40) F’sens spiritwali, illum int ukoll tistaʼ tgħid li ‘sibt lill-​Messija.’ Imma l-​ewwel ikkunsidra kif dawk id-​dixxipli tal-​bidu b’mod xieraq ikkonkludew li kienu sabu ’l-​Messija.

“Is-​Sigriet Sagru” tal-​Messija Rivelat b’Mod Progressiv

3, 4. (a) Kif setgħu d-​dixxipli tal-​ewwel seklu ‘jsibu ’l-​Messija’? (b) Għala tgħid li Ġesù biss setaʼ jwettaq il-​profeziji Messjaniċi kollha?

3 Kif setgħu s-​segwaċi taʼ Ġesù tal-​ewwel seklu jgħidu b’ċertezza li hu kien il-​Messija? Permezz tal-​profeti, Ġeħova b’mod progressiv kien irrivela kif il-​Messija li kien ġej setaʼ jiġi identifikat. Wieħed studjuż tal-​Bibbja xebbah dan il-​proċess mat-​tqegħid flimkien taʼ statwa magħmula minn biċċiet tal-​irħam. Immaġina li l-​biċċiet tal-​irħama jiddaħħlu f’kamra minn ħafna rġiel li qatt ma kkomunikaw flimkien. Jekk dawn il-​biċċiet jidħlu f’xulxin biex jifformaw statwa perfetta, int loġikament se tikkonkludi li bilfors li kien hemm xi ħadd wara l-​kwinti li pinġa d-​dettalji u bagħat lil kull wieħed mill-​irġiel biċċa rħama. Bħal kull biċċa mill-​istatwa, kull profezija Messjanika kienet se tipprovdi biċċa informazzjoni vitali dwar il-​Messija.

4 Huwa possibbli li raġel wieħed b’kumbinazzjoni kien se jwettaq il-​profeziji Messjaniċi kollha? Riċerkatur wieħed qal li tant huwa improbabbli li bniedem wieħed wettaq il-​profeziji Messjaniċi kollha b’kumbinazzjoni, li għandu jitqies bħala li hu impossibbli. “Ġesù—u Ġesù biss tul l-​istorja kollha—irnexxielu jagħmel dan.”

5, 6. (a) Il-​ġudizzju kontra Satana kif se jiġi esegwit? (b) Alla kif irrivela b’mod progressiv id-​dixxendenza tan-​‘nisel’ imwiegħed?

5 Il-​profeziji Messjaniċi jiffokaw fuq “sigriet sagru” b’ħafna aspetti t’importanza universali. (Kol. 1:26, 27; Ġen. 3:15) Inkluż f’dak is-​sigriet hemm il-​ġudizzju kontra Satana x-​Xitan, “is-​serp oriġinali,” li xeħet lill-​umanità fid-​dnub u l-​mewt. (Riv. 12:9) Kif se jiġi esegwit dan il-​ġudizzju? Ġeħova bassar li ‘nisel’ li kien se jiġi mnissel minn “mara” kien se jisħaq lil Satana f’rasu. In-​‘nisel’ imbassar kien se jisħaq lis-​serp f’rasu, u b’hekk jelimina l-​kaġun tar-​ribelljoni, tal-​mard, u tal-​mewt. Madankollu, bil-​permess t’Alla, Satana l-​ewwel kellu jagħmel ferita simbolika fl-​għarqub fuq in-​‘nisel’ tal-​mara.

6 Ġeħova b’mod progressiv irrivela min kien se jkun in-​‘nisel’ imwiegħed. Alla ħalef lil Abraham: “Permezz taʼ nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art se jitbierku.” (Ġen. 22:18) Mosè bassar li dan il-​Wieħed kien se jkun “profeta,” u li kellu jkun akbar minn Mosè. (Dt. 18:18, 19) David ġie żgurat, u profeti iktar tard ikkonfermaw, li l-​Messija kien se jkun dixxendent tiegħu u li kien se jiret it-​tron Davidiku għal dejjem.—2 Sam. 7:12, 16; Ġer. 23:5, 6.

Il-​Kredenzjali taʼ Ġesù Bħala l-​Messija

7. Ġesù b’liema mod ġie mill-​“mara” t’Alla?

7 Alla bagħat lil Ibnu, l-​ewwel ħolqien tiegħu, mill-​organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti fis-​sema li Hi bħal martu biex ikun in-​‘nisel’ imwiegħed. Dan kien jeħtieġ li l-​Iben uniġenitu t’Alla ‘jxejjen lilu nnifsu’ mill-​ħajja fis-​sema u jitwieled bħala uman perfett. (Flp. 2:5-​7; Ġw. 1:14) Il-​fatt li Marija kellha tiġi ‘mgħottija bid-​dell’ permezz tal-​ispirtu qaddis iggarantixxa li dak li kien se jitwieled kien se “jissejjaħ qaddis, Bin Alla.”—Lq. 1:35.

8. Ġesù kif kien qed iwettaq il-​profezija Messjanika meta ppreżenta lilu nnifsu għal magħmudija fl-​ilma?

8 Il-​profeziji Messjaniċi indikaw fejn u meta kien se jidher Ġesù. Ġesù twieled f’Betlehem bħalma kien imbassar. (Mik. 5:2) Fl-​ewwel seklu, il-​Lhud kellhom stennijiet kbar. Minħabba li kienu qed jantiċipaw id-​dehra tal-​Messija, xi wħud staqsew dwar Ġwanni l-​Għammied: “Forsi dan hu l-​Kristu?” Imma Ġwanni wieġeb: “Ġej dak li hu b’saħħtu iktar minni.” (Lq. 3:15, 16) Meta mar għand Ġwanni fil-​ħarifa tas-​sena 29 E.K. biex jiġi mgħammed fl-​età taʼ 30 sena, Ġesù ppreżenta lilu nnifsu bħala l-​Messija eżatt fil-​ħin. (Dan. 9:25) Imbagħad, beda l-​ministeru tiegħu mimli ġrajjiet bil-​kliem: “Iż-​żmien stabbilit twettaq, u s-​saltna t’Alla qorbot.”—Mk. 1:14, 15.

9. Għalkemm ma kellhomx id-​dettalji kollha, id-​dixxipli taʼ Ġesù liema konvinzjoni soda kellhom?

9 Madankollu, l-​istennijiet tan-​nies kellhom bżonn jiġu aġġustati. Ġesù kif jixraq ġie mfaħħar bħala Sultan, imma n-​nies f’dak iż-​żmien ma fehmux għalkollox li l-​ħakma tiegħu kienet se tkun fil-​futur u mis-​sema. (Ġw. 12:12-​16; 16:12, 13; Atti 2:32-​36) Minkejja dan, meta Ġesù staqsa, “Intom min tgħidu li jien?” Pietru mill-​ewwel wieġeb: “Int il-​Kristu, Bin l-​Alla l-​ħaj.” (Mt. 16:13-​16) Pietru wieġeb b’mod simili meta ħafna telqu ’l hemm minħabba li tfixklu fuq xi tagħlim.—Aqra Ġwanni 6:68, 69.

Nisimgħu mill-​Messija

10. Ġeħova għala enfasizza l-​bżonn li nisimgħu minn Ibnu?

10 Fis-​sema, l-​Iben uniġenitu t’Alla kien persuna spirtu setgħana. Fuq l-​art, Ġesù kien “ir-​rappreżentant tal-​Missier.” (Ġw. 16:27, 28) Hu qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġw. 7:16) Matul it-​trasfigurazzjoni, Ġeħova kkonferma li Ġesù hu l-​Messija u qal: “Isimgħu minnu.” (Lq. 9:35) Iva, isimgħu, jew obdu, lil dan il-​Magħżul. Dan jeħtieġ fidi u għemejjel tajbin—u dawn it-​tnejn huma assolutament essenzjali biex nogħġbu lil Alla u biex niksbu l-​ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 3:16, 35, 36.

11, 12. (a) Il-​Lhud tal-​ewwel seklu għal liema raġunijiet ċaħdu lil Ġesù bħala l-​Messija? (b) Min poġġa fidi f’Ġesù?

11 Għalkemm Ġesù kellu għadd kbir taʼ kredenzjali li taw prova li hu kien il-​Messija, il-​biċċa l-​kbira mil-​Lhud tal-​ewwel seklu ċaħduh. Għala? Għax huma diġà kellhom l-​ideat tagħhom stess dwar il-​Messija, inkluż li hu kien se jkun mexxej politiku li kien se jeħlishom mill-​oppressjoni Rumana. (Aqra Ġwanni 12:34.) Għalhekk, ma setgħux jaċċettaw il-​Messija li wettaq il-​profeziji li qalu li kien se jkun mistmerr, skartat min-​nies, jaf x’inhu l-​uġigħ u midħla tal-​mard, u fl-​aħħar mill-​aħħar maqtul. (Is. 53:3, 5) Saħansitra anki xi wħud mid-​dixxipli leali taʼ Ġesù kienu diżappuntati li ma ġabx ħelsien politiku. Imma huma baqgħu leali, u maż-​żmien, ngħataw fehma korretta.—Lq. 24:21.

12 Raġuni oħra għala n-​nies ċaħdu lil Ġesù bħala l-​Messija mwiegħed kienet minħabba t-​tagħlim tiegħu, li ħafna sabuh diffiċli biex jaċċettawh. Biex dak li jkun jidħol fis-​Saltna kien se jkollu “jiċħad lilu nnifsu,” ‘jiekol’ il-​laħam u d-​demm taʼ Ġesù, ‘jitwieled mill-​ġdid,’ u ma jkunx “parti mid-​dinja.” (Mk. 8:34; Ġw. 3:3; 6:53; 17:14, 16) Il-​kburin, l-​għonja, u l-​ipokriti qiesu dawn il-​ħtiġijiet bħala li kienu diffiċli wisq biex wieħed iwettaqhom. Madankollu, Lhud umli aċċettaw lil Ġesù bħala l-​Messija, bħalma għamlu xi Samaritani li qalu: “Dan ir-​raġel żgur hu s-​salvatur tad-​dinja.”—Ġw. 4:25, 26, 41, 42; 7:31.

13. Ġesù kif esperjenza l-​ferita simbolika fl-​għarqub?

13 Ġesù bassar li hu kien se jiġi kkundannat mill-​qassisin ewlenin u jiġi msammar maʼ zokk mill-​Ġentili, imma li fit-​tielet jum, hu kien se jiġi mqajjem. (Mt. 20:17-​19) L-​affermazzjoni tiegħu quddiem is-​Sinedriju li hu kien “il-​Kristu, Bin Alla” ġiet meqjusa bħala dagħwa. (Mt. 26:63-​66) Pilatu sab li “m’għamel xejn li jistħoqqlu l-​mewt,” imma minħabba li l-​Lhud akkużawh li qed ixewwex, Pilatu “lil Ġesù kkundannah kif xtaqu huma.” (Lq. 23:13-​15, 25) B’hekk huma ‘ċaħduh’ u ppjanaw li joqtlu “lill-​Aġent Ewlieni tal-​ħajja,” minkejja l-​għadd kbir t’evidenza li hu kien mibgħut minn Alla. (Atti 3:13-​15) Il-​Messija ‘nqatel’ bħalma kien imbassar, billi ġie msammar maʼ zokk f’Jum il-​Qbiż tas-​sena 33 E.K. (Dan. 9:26, 27; Atti 2:22, 23) B’din il-​mewta krudili, hu sofra l-​ferita fl-​“għarqub” imbassra f’Ġenesi 3:15.

Għala l-​Messija Kellu Jmut

14, 15. (a) Għal liema żewġ raġunijiet Ġeħova ppermetta lil Ġesù jmut? (b) X’għamel Ġesù wara li ġie rxoxtat?

14 Ġeħova ppermetta lil Ġesù jesperjenza l-​mewt minħabba żewġ raġunijiet vitali. L-​ewwel, il-​lealtà taʼ Ġesù sal-​mewt solviet aspett importanti mis-​“sigriet sagru.” Hu ta prova sal-​iktar punt possibbli li bniedem perfett jistaʼ jżomm “id-​devozzjoni lejn Alla” u jappoġġa s-​sovranità t’Alla minkejja l-​iktar provi ħorox li jagħmel Satana. (1 Tim. 3:16) It-​tieni, bħalma qal Ġesù, ‘Bin il-​bniedem ġie biex jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.’ (Mt. 20:28) Din il-​“fidwa ekwivalenti” ħallset il-​piena tad-​dnub li ntiret min-​nisel t’Adam u għamlitha possibbli biex kull min jaċċetta lil Ġesù bħala l-​mezz taʼ salvazzjoni t’Alla tingħatalu ħajja taʼ dejjem.—1 Tim. 2:5, 6.

15 Wara tlett ijiem fil-​qabar, Kristu ġie rxoxtat, u għal 40 jum deher lid-​dixxipli tiegħu, billi wriehom li kien ħaj u tahom iktar istruzzjonijiet. (Atti 1:3-​5) Imbagħad telaʼ s-​sema biex jippreżenta lil Ġeħova l-​valur tas-​sagrifiċċju prezzjuż tiegħu u jistenna ż-​żmien maħtur meta l-​preżenza tiegħu bħala s-​Sultan Messjaniku kien se jibda. Sadanittant, hu kellu ħafna x’jagħmel.

Iwettaq l-​Irwol Tiegħu Bħala l-​Messija

16, 17. Semmi l-​irwol taʼ Ġesù bħala l-​Messija wara li telaʼ s-​sema.

16 Matul is-​sekli minn mindu ġie rxoxtat, Ġesù lealment ħa ħsieb l-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni Kristjana li fuqha qed jaħkem bħala Sultan. (Kol. 1:13) Fiż-​żmien maħtur, hu kien se jibda juża l-​qawwa tiegħu bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla. Il-​profeziji tal-​Bibbja u l-​ġrajjiet li seħħew fid-​dinja jikkonfermaw li l-​preżenza tiegħu bħala Sultan bdiet fl-​1914, magħha bdiet ukoll il-​“konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 24:3; Riv. 11:15) Ftit wara dan, hu mexxa lill-​anġli qaddisa biex jixħtu lil Satana u d-​demonji tiegħu ’l barra mis-​sema.—Riv. 12:7-​10.

17 Ix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim li Ġesù beda fis-​sena 29 E.K. qed jersaq lejn il-​quċċata tiegħu. Dalwaqt se jiġġudika lill-​ħajjin kollha. Imbagħad hu se jgħid lil uħud bħal nagħaġ li jaċċettawh bħala l-​mezz taʼ salvazzjoni taʼ Ġeħova biex ‘jirtu s-​saltna mħejjija għalihom mit-​tisjis tad-​dinja.’ (Mt. 25:31-​34, 41) Dawk li jiċħdu lil Ġesù bħala s-​Sultan se jiġu meqrudin meta jmexxi l-​armati tas-​sema kontra l-​ħżiena kollha. Imbagħad, Ġesù se jorbot lil Satana u jixħet lilu u lid-​demonji tiegħu “fl-​abbiss.”—Riv. 19:11-​14; 20:1-​3.

18, 19. Meta Ġesù jtemm it-​twettiq tal-​irwol tiegħu bħala l-​Messija, liema barkiet se jġib fuq l-​umanità ubbidjenti?

18 Matul ir-​Renju t’Elf Sena tiegħu, Ġesù se jwettaq bis-​sħiħ it-​titli kollha tiegħu, bħal “Kunsillier taʼ l-​Għaġeb, Alla Setgħan, Missier Etern, Prinċep tal-​Paċi.” (Is. 9:6, 7) Il-​bnedmin se jsiru perfetti b’riżultat tal-​ħakma tas-​Saltna tiegħu, inkluż dawk li jiġu rxoxtati mill-​mewt. (Ġw. 5:26-​29) Il-​Messija se jiggwida lill-​bnedmin disposti lejn “għejun taʼ l-​ilmijiet tal-​ħajja,” u b’hekk jippermetti l-​umanità ubbidjenti tgawdi relazzjoni paċifika maʼ Ġeħova. (Aqra Rivelazzjoni 7:16, 17.) Wara l-​aħħar prova, ir-​ribelli kollha, inkluż Satana u d-​demonji tiegħu, se jiġu ‘mixħutin fl-​għadira tan-​nar,’ id-​daqqa tal-​mewt f’ras is-​“serp.”—Riv. 20:10.

19 Kemm iwettaq l-​irwol tiegħu bħala l-​Messija b’mod meraviljuż u preċiż Ġesù! Art magħmula ġenna se timtela bi bnedmin mifdijin, li se jgħixu għal dejjem f’saħħa u hena perfetta. L-​isem qaddis taʼ Ġeħova se jkun ġie mnaddaf minn kull tmaqdir, u d-​dritt tas-​sovranità universali tiegħu vvindikat bis-​sħiħ. X’wirt mill-​aqwa hemm eżatt quddiem dawk kollha li jobdu lill-​Midluk t’Alla!

Int Sibtu lill-​Messija?

20, 21. Liema raġunijiet għandek biex tgħid lil oħrajn dwar il-​Messija?

20 Ilna mill-​1914 ’l hawn ngħixu fiż-​żmien il-​parusija, jew il-​preżenza taʼ Kristu. Għalkemm il-​preżenza tiegħu bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla hi inviżibbli, hija ovvja mit-​twettiq tal-​profeziji. (Riv. 6:2-​8) Minkejja dan, bħal-​Lhud tal-​ewwel seklu, il-​biċċa l-​kbira min-​nies illum jinjoraw l-​evidenza tal-​preżenza tal-​Messija. Huma wkoll iridu mexxej politiku jew għall-​inqas wieħed li jaħdem permezz taʼ ħakkiema politiki umani. Imma int sirt taf li Ġesù issa qed jaħkem bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla. Ma kontx int eċċitat li sirt taf dan? Bħad-​dixxipli tal-​ewwel seklu, int kont imqanqal tipproklama: “Sibna ’l-​Messija.”

21 Illum, meta titkellem dwar il-​verità, tenfasizza l-​irwol taʼ Ġesù bħala l-​Messija? Jekk tagħmel hekk se żżid l-​apprezzament tiegħek għal dak li diġà għamel għalik, għal dak li qed jagħmel issa, u għal dak li għad irid iwettaq. Bħal Indrì u Filippu, mingħajr dubju int tkellimt maʼ qrabatek u ħbiebek dwar il-​Messija. Għala ma terġax tgħidilhom b’iktar ħeġġa u turihom li Ġesù Kristu hu tabilħaqq il-​Messija mwiegħed, il-​mezz taʼ salvazzjoni t’Alla?

Tistaʼ Tispjega?

• Kif setgħu d-​dixxipli tal-​ewwel seklu jsibu ’l-​Messija?

• Għal liema żewġ raġunijiet importanti miet Ġesù?

• Ġesù x’se jagħmel iktar biex iwettaq l-​irwol tiegħu bħala l-​Messija?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 21]

In-​nies tal-​ewwel seklu kif setgħu jgħidu li Ġesù kien il-​Messija mwiegħed?

[Stampa f’paġna 23]

Meta titkellem m’oħrajn, tenfasizza int l-​irwol taʼ Ġesù bħala l-​Messija?