Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ikkultiva Mħabba li Ma Tbatti Qatt

Ikkultiva Mħabba li Ma Tbatti Qatt

‘L-​imħabba kollox tissaporti. L-​imħabba ma tbatti qatt.’—1 KOR. 13:7, 8.

1. (a) Spiss l-​imħabba kif tiġi preżentata? (b) Fuq min u fuq xiex ħafna jiffokaw l-​imħabba tagħhom?

 IS-​SUĠĠETT tal-​imħabba ġie rreklamat ħafna. Din il-​kwalità ġiet imfaħħra u tintuża b’mod romantiku fil-​kanzunetti. L-​imħabba hi bżonn uman bażiku. Imma l-​kotba u l-​films spiss jippreżentaw stejjer taʼ mħabba fittizji, u hemm ħafna minn dan il-​materjal għall-​bejgħ. Madankollu, l-​imħabba ġenwina għal Alla u għall-​proxxmu hi nieqsa bl-​ikrah. Aħna qed naraw jiġri dak li bassret il-​Bibbja dwar dawn l-​aħħar jiem. In-​nies “iħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, . . . iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.”—2 Tim. 3:1-​5.

2. Il-​Bibbja liema twissija tagħti dwar l-​imħabba qarrieqa?

2 Il-​bnedmin għandhom l-​abbiltà li juru l-​imħabba, madankollu l-​Kelma t’Alla twissina kontra l-​imħabba qarrieqa. U l-​Bibbja tiddeskrivi x’jiġri meta mħabba bħal din tagħmel l-​għeruq f’qalb xi ħadd. (1 Tim. 6:9, 10) Tiftakar x’kiteb l-​appostlu Pawlu dwar Dema? Għalkemm hu kien jissieħeb maʼ Pawlu, Dema beda jħobb dak li d-​dinja kellha x’toffri. (2 Tim. 4:10) L-​appostlu Ġwanni wissa lill-​Kristjani kontra dan il-​periklu. (Aqra l-1 Ġwanni 2:15, 16.) L-​imħabba għad-​dinja u għall-​affarijiet u l-​modi temporanji tagħha mhix fi qbil mal-​imħabba għal Alla u maʼ dak li joriġina minnu.

3. Liema sfida niffaċċjaw, u b’hekk liema mistoqsijiet iqumu?

3 Aħna m’aħniex parti minn din id-​dinja, għalkemm xorta qed ngħixu fiha. Għalhekk, għandna l-​isfida li nevitaw il-​ħarsa mgħawġa tad-​dinja lejn l-​imħabba. Huwa vitali li ma nħallux lilna nfusna ninqabdu f’nasba taʼ mħabba qarrieqa jew perversa. Allura, għal min għandna nikkultivaw u nuru mħabba bi prinċipju? Liema provvedimenti jgħinuna nikkultivaw imħabba li tissaporti kollox u li ma tbatti qatt? Dan il-​mod taʼ ħajja kif jibbenefikana issa u kif jeffettwa l-​futur tagħna? Għandna bżonn tweġibiet mill-​ħarsa t’Alla sabiex inkunu gwidati minnhom.

Nikkultivaw Imħabba Għal Ġeħova

4. L-​imħabba għal Alla kif tikber?

4 Li tikkultiva jistaʼ jfisser li tipprepara u li tinkuraġġixxi t-​tkabbir taʼ xi ħaġa. Aħseb f’bidwi li jaħdem iebes biex jipprepara l-​ħamrija u jiżraʼ ż-​żrieragħ. Hu jistenna li ż-​żrieragħ jikbru. (Ebr. 6:7) B’mod simili, l-​imħabba tagħna għal Alla għandha tikber. X’inhu meħtieġ biex dan iseħħ? Aħna għandna bżonn naħdmu l-​ħamrija t-​tajba taʼ qalbna, fejn iż-​żerriegħa tal-​verità tas-​Saltna ġiet miżrugħa. Nistgħu nagħmlu dan permezz taʼ studju diliġenti tal-​Kelma t’Alla sabiex inżidu l-​għarfien tagħna dwaru. (Kol. 1:10) Attendenza u parteċipazzjoni fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni b’mod regulari se jgħinuna wkoll inżidu l-​għarfien. Qiegħed kull wieħed minna jagħmel sforz kontinwu biex jikseb għarfien iktar profond?—Prov. 2:1-​7.

5. (a) Kif nistgħu nitgħallmu dwar l-​attributi kardinali taʼ Ġeħova? (b) Int x’tistaʼ tgħid dwar il-​ġustizzja, l-​għerf, u l-​qawwa t’Alla?

5 Permezz tal-​Kelma tiegħu, Ġeħova jirrivela l-​personalità tiegħu. Billi nistudjaw l-​Iskrittura u nieħdu għarfien dwar Ġeħova b’mod progressiv, nistgħu nkabbru l-​apprezzament tagħna għall-​attributi tiegħu—il-​ġustizzja, il-​qawwa, l-​għerf u, fuq kollox, l-​imħabba superlattiva tiegħu. Ġeħova juri ġustizzja fil-​modi tiegħu kollha u fil-​liġi perfetta tiegħu. (Dt. 32:4; Salm 19:7) Aħna nistgħu nirriflettu fuq ix-​xogħlijiet kreattivi kollha taʼ Ġeħova u jkollna riverenza profonda għall-​għerf superjuri tiegħu. (Salm 104:24) Anki l-​univers jagħti prova li Ġeħova hu s-​Sors t’enerġija attiva u taʼ qawwa infinita.—Is. 40:26.

6. L-​imħabba t’Alla kif intweriet lejna, u din kif effettwatek?

6 X’jistaʼ jingħad dwar il-​kwalità dominanti t’Alla, l-​imħabba tiegħu? Hija bla limitu u teffettwa lilna lkoll. Hu wera din l-​imħabba billi pprovda fidwa għall-​ħelsien tal-​umanità. (Aqra Rumani 5:8.) Dan il-​provvediment hu disponibbli għad-​dinja kollha taʼ bnedmin, imma dawk biss li jwieġbu għall-​imħabba t’Alla u li jeżerċitaw fidi f’Ibnu se jibbenefikaw minnu. (Ġw. 3:16, 36) Il-​fatt li Alla offra lil Ġesù bħala sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna għandu jqanqalna nħobbu lil Alla lura.

7, 8. (a) X’inhu meħtieġ biex nuru l-​imħabba lejn Alla? (b) In-​nies t’Alla josservaw il-​kmandamenti tiegħu minkejja xiex?

7 Kif nistgħu nuru l-​imħabba tagħna lejn Alla għal dak kollu li hu għamel għalina? It-​tweġiba ispirata hi sinifikanti: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġw. 5:3) Iva, imħabba għal Alla Ġeħova tqanqalna nosservaw il-​kmandamenti tiegħu. Din hi raġuni waħda għala nagħtu xhieda dwar l-​isem u s-​Saltna tiegħu, li hi taʼ benefiċċju għal oħrajn. Li nagħmlu dan mill-​abbundanza taʼ qalbna huwa evidenza li nosservaw il-​kmandamenti t’Alla b’motiv pur.—Mt. 12:34.

8 Ħutna madwar id-​dinja jibqgħu josservaw il-​kmandamenti t’Alla minkejja li jiffaċċjaw l-​apatija u n-​nies jirrifjutaw b’mod ċar il-​messaġġ tas-​Saltna. Huma ma jonqsux fl-​isforzi tagħhom biex iwettqu l-​ministeru tagħhom bis-​sħiħ. (2 Tim. 4:5) Bl-​istess mod, aħna mqanqlin naqsmu l-​għarfien t’Alla m’oħrajn kif ukoll nosservaw il-​kmandamenti l-​oħrajn kollha tiegħu.

Għala Nħobbu l-​Mulej Tagħna Ġesù Kristu

9. X’issaporta Kristu, u x’immotivah?

9 Minbarra li nħobbu lil Alla, hemm ħafna raġunijiet għala għandna nikkultivaw imħabba għal Ibnu. Għalkemm aħna qatt ma rajna lil Ġesù, hekk kif nitgħallmu iktar dwaru, l-​imħabba tagħna għalih tikber. (1 Pt. 1:8) X’inhuma xi affarijiet li Ġesù ssaporta? Waqt li kien qed jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru, Ġesù kien mibgħud għalxejn, persegwitat, akkużat b’mod falz, u mgħajjar. Hu sofra wkoll insulti oħrajn. (Aqra Ġwanni 15:25.) L-​imħabba taʼ Ġesù għal Missieru tas-​sema qanqlitu jissaporti dawn il-​provi. U l-​mewta taʼ sagrifiċċju tiegħu mqanqla mill-​imħabba pprovdiet fidwa għal ħafna.—Mt. 20:28.

10, 11. Meta nqisu dak li Ġesù għamel għalina, x’inhi l-​mira tagħna?

10 Il-​ħajja taʼ Ġesù tqanqalna naġixxu. Hekk kif naħsbu dwar dak li Kristu għamel għalina, l-​imħabba tagħna għalih issir iktar profonda. Bħala s-​segwaċi tiegħu, għandna nagħmluha mira li nikkultivaw u nkomplu nuru mħabba bħal taʼ Kristu sabiex inkunu nistgħu nibqgħu nosservaw il-​kmandament tiegħu biex nagħtu xhieda dwar is-​Saltna u nagħmlu dixxipli.—Mt. 28:19, 20.

11 Hekk kif inwieġbu għall-​imħabba taʼ Kristu għall-​umanità kollha, aħna nħossuna mġegħlin inwettqu l-​inkarigu tagħna qabel ma jiġi t-​tmiem. (Aqra t-2 Korintin 5:14, 15.) L-​imħabba li Kristu wera kienet vitali biex iwettaq l-​iskop t’Alla għall-​umanità. U l-​mudell li Ġesù ħallielna biex insegwu mill-​qrib jippermetti lil kull wieħed minna jkollu sehem f’dan l-​iskop divin. Dan jirrikjedi li nirnexxu f’li nikkultivaw imħabba għal Alla sal-​iktar punt possibbli. (Mt. 22:37) Billi nosservaw dak li għallem Ġesù u nżommu l-​kmandamenti tiegħu, inkunu qed nuru li nħobbuh u li aħna determinati li nappoġġaw is-​sovranità t’Alla akkost taʼ kollox, bħalma għamel Ġesù.—Ġw. 14:23, 24; 15:10.

Insegwu t-​Triq li Tisboq tal-​Imħabba

12. Pawlu x’ried ifisser bl-​espressjoni “triq li tisboqhom ilkoll”?

12 L-​appostlu Pawlu kien jimita lil Kristu. Peress li kien isegwi l-​passi taʼ Kristu mill-​qrib, Pawlu kellu l-​libertà tal-​kelma meta ħeġġeġ lil ħutu biex jimitawh. (1 Kor. 11:1) Għalkemm inkuraġġixxa lill-​Kristjani Korintin biex b’mod żeluż ikomplu jfittxu ċerti għotjiet tal-​ispirtu li kienu jidhru fl-​ewwel seklu, bħal li jfejqu u jitkellmu bl-​ilsna, Pawlu wriehom li kien hemm xi ħaġa aħjar xi jsegwu. Fl-​1 Korintin 12:31, hu jispjega: “Madankollu, jien nurikom triq li tisboqhom ilkoll.” Il-​kuntest fil-​versi taʼ wara juri li din kienet it-​triq li tisboq tal-​imħabba. F’liema sens kienet tisboqhom ilkoll? Pawlu kompla billi ta tixbiha biex juri x’ried ifisser. (Aqra l-1 Korintin 13:1-​3.) Jekk kellu ċerti abbiltajiet li jispikkaw u kien iwettaq affarijiet kbar, imma ma kellux imħabba, x’kien se jiswa? Xejn! Imqanqal mill-​ispirtu t’Alla, hu spjega din il-​verità konvinċenti. X’impressjoni qawwija ħalla biex iwasslilna dan il-​punt!

13. (a) X’inhi l-​iskrittura għas-​sena 2010? (b) F’liema sens l-​imħabba ma tbatti qatt?

13 Pawlu mbagħad ikompli jfissrilna x’inhi l-​imħabba u x’mhijiex. (Aqra l-1 Korintin 13:4-​8.) Issa, ħu l-​ħin biex teżamina kif int sejjer f’dak li tirrikjedi l-​imħabba. Iffoka l-​iktar fuq l-​aħħar frażi taʼ vers 7 u fuq l-​ewwel sentenza taʼ vers 8: ‘L-​imħabba kollox tissaporti. L-​imħabba ma tbatti qatt.’ Din se tkun l-​iskrittura tagħna għas-​sena 2010. Innota li f’vers 8, Pawlu qal li l-​għotjiet tal-​ispirtu, inkluż l-​ipprofetizzar u li jitkellmu bl-​ilsna—li kienu jintużaw fil-​bidu tal-​kongregazzjoni Kristjana—kienu se jinġiebu fix-​xejn. Kienu se jispiċċaw. Imma l-​imħabba se tibqaʼ għal dejjem. Ġeħova huwa l-​essenza tal-​imħabba, u huwa etern. Għalhekk, l-​imħabba qatt ma se tbatti, jew tispiċċa. Din se tkompli teżisti għal dejjem bħala kwalità tal-​Alla etern tagħna.—1 Ġw. 4:8.

L-​Imħabba Tissaporti Kollox

14, 15. (a) L-​imħabba kif tistaʼ tgħinna nissaportu l-​provi? (b) Wieħed ħu żagħżugħ għala rrifjuta li jagħmel kompromess?

14 X’jgħin lill-​Kristjani jissaportu minkejja l-​provi, is-​sitwazzjonijiet diffiċli, u l-​problemi li jiltaqgħu magħhom? Bażikament hi l-​imħabba bbażata fuq prinċipju. Imħabba bħal din tfisser iktar milli sempliċement inċedu affarijiet materjali. Din tinvolvi li nkunu lesti nżommu l-​integrità tagħna u anki nitilfu ħajjitna għal Kristu. (Lq. 9:24, 25) Irrifletti fuq il-​ħajja leali taʼ xi Xhieda li sofrew f’kampijiet tal-​konċentrament, f’kampijiet tax-​xogħol, u f’ħabsijiet matul u wara t-​Tieni Gwerra Dinjija.

15 Xhud żagħżugħ Ġermaniż jismu Wilhelm huwa eżempju tajjeb taʼ dan. Minflok m’għamel kompromess, hu baqaʼ leali meta ffaċċja l-​mewt minn suldati Nazisti. F’ittra li kiteb lill-​familja tiegħu qabel ma miet, hu qal: “Fuq kollox għandna nħobbu lil Alla, bħalma l-​Mexxej tagħna Ġesù Kristu kkmanda. Jekk nieħdu waqfa għan-​nom tiegħu, hu se jippremjana.” Iktar tard, f’artiklu tat-​Torri tal-​Għassa, membru mill-​familja tiegħu kitbet: “Matul iż-​żminijiet taʼ niket, bħala familja għamilna ċert li l-​imħabba tagħna għal Alla dejjem ġiet l-​ewwel.” U din hi l-​istess attitudni taʼ ħafna aħwa li fil-​preżent qed jissaportu priġunerija fl-​Armenja, fl-​Eritrea, fil-​Korea t’Isfel, u f’pajjiżi oħrajn. Dawn l-​aħwa qed iżommu sod fl-​imħabba tagħhom għal Ġeħova.

16. L-​aħwa fil-​Malawi x’issaportew?

16 F’ħafna postijiet, ħutna qed jiffaċċjaw diversi provi li qed iġarrbu l-​fidi u s-​sabar tagħhom. Għal 26 sena, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Malawi ssaportew projbizzjonijiet mill-​gvern, oppożizzjoni ħarxa, u ħafna atroċitajiet. Is-​sabar tagħhom ġie premjat. Meta faqqgħet il-​persekuzzjoni, kien hemm madwar 18,000 Xhud fil-​pajjiż. Tletin sena wara n-​numru telaʼ għal 38,393, iktar mid-​doppju. Ħafna pajjiżi oħrajn esperjenzaw riżultati simili.

17. X’jiffaċċjaw xi wħud li jgħixu fi djar maqsumin reliġjożament, u għala jistgħu jissaportu t-​trattament ħażin?

17 Attakki frontali fuq il-​poplu t’Alla inġenerali jistgħu jkunu diffiċli. Imma jistaʼ jkun saħansitra iktar diffiċli meta l-​oppożizzjoni tiġi fuq Kristjani individwali minn membri tal-​familja tagħhom stess. Uħud li jgħixu fl-​istess dar jew qraba immedjati jistgħu jagħmlu pressjoni. Ma bassarx Ġesù li dan kellu jiġri? Iva, u ħafna esperjenzaw il-​verità taʼ kliemu. (Mt. 10:35, 36) Xi żgħażagħ issaportew oppożizzjoni minn ġenituri li mhumiex tal-​istess twemmin. Xi wħud saħansitra tkeċċew mid-​dar, imma ġew milqugħin minn Xhieda li huma qalbhom tajba. Oħrajn ġew miċħudin għalkollox. X’għen lil dawn l-​uħud jissaportu trattament ħażin? Mhux biss l-​imħabba tagħhom għall-​fratellanza imma, fuq kollox, l-​imħabba ġenwina tagħhom għal Ġeħova u Ibnu.—1 Pt. 1:22; 1 Ġw. 4:21.

18. L-​imħabba li tissaporti kollox kif inhi t’għajnuna għal Kristjani miżżewġin?

18 Hemm ħafna iktar sitwazzjonijiet fil-​ħajja li jirrikjedu mħabba li tissaporti kollox. Fl-​għaqda taż-​żwieġ, l-​imħabba tagħmilha possibbli għal koppji biex jirrispettaw il-​kliem taʼ Ġesù: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mt. 19:6) Meta jesperjenzaw “tribulazzjoni f’laħamhom,” Kristjani miżżewġin għandhom bżonn ifakkru lilhom infushom li Ġeħova għandu rwol fundamentali fiż-​żwieġ tagħhom. (1 Kor. 7:28) Il-​Kelma tiegħu tgħid li ‘l-​imħabba kollox tissaporti,’ u raġel u mara miżżewġin li jkollhom din il-​kwalità huma msaħħin biex jibqgħu flimkien u jżommu ż-​żwieġ tagħhom magħqud.—Kol. 3:14.

19. X’ġara fost il-​poplu t’Alla wara li ġraw diżastri naturali?

19 L-​imħabba tgħinna nissaportu kollox fi żminijiet taʼ diżastri naturali. Dan kien il-​każ meta terremot laqgħat in-​Nofsinhar tal-​Perù u l-​Uragan Katrina qered partijiet min-​naħa tal-​Golf fl-​Istati Uniti. Ħafna minn ħutna tilfu djarhom jew l-​affarijiet materjali f’dawk id-​diżastri. L-​imħabba qanqlet lill-​kongregazzjoni taʼ madwar id-​dinja biex tipprovdi provvisti għall-​għajnuna, u volontieri għenu biex jibnu djar mill-​ġdid u jsewwu Swali tas-​Saltna. Għemejjel bħal dawn jagħtu prova li ħutna jħobbu u jimpurtahom minn xulxin il-​ħin kollu u f’kull ċirkustanza.—Ġw. 13:34, 35; 1 Pt. 2:17.

L-​Imħabba Ma Tbatti Qatt

20, 21. (a) L-​imħabba għala hi taʼ valur li jisboq? (b) Għala int determinat li ssegwi t-​triq tal-​imħabba?

20 Fost il-​poplu taʼ Ġeħova llum, aħna naraw l-​għerf taʼ li nsegwu t-​triq li tisboq tal-​imħabba. Veru, din tisboq f’kull sitwazzjoni. Innota kif l-​appostlu Pawlu enfasizza din il-​verità. L-​ewwel, qal li l-​għotjiet tal-​ispirtu kellhom jinġiebu fix-​xejn u li l-​kongregazzjoni Kristjana kellha tikber minn stat t’infanzja u tilħaq il-​maturità. Imbagħad ikkonkluda b’dan il-​kliem: “Madankollu, issa jibqaʼ l-​fidi, it-​tama, l-​imħabba, dawn it-​tlieta; imma l-​akbar fosthom hi l-​imħabba.”—1 Kor. 13:13.

21 Eventwalment, affarijiet li issa għandna l-​fidi fihom se jsiru realtà, u għalhekk mhux se jkun hemm bżonn li jkollna fidi fihom. It-​tama fil-​wegħdi li nixxennqu narawhom iseħħu mhix se tibqaʼ tgħodd wara li l-​affarijiet kollha jsiru ġodda. Imma xi ngħidu għall-​imħabba? Din qatt ma se tbatti, jew tispiċċa. Din se tibqaʼ. Bil-​ħajja taʼ dejjem quddiemna, aħna ċertament li se naraw u nifhmu saħansitra iktar aspetti tal-​imħabba t’Alla. Billi tagħmel ir-​rieda t’Alla f’li ssegwi t-​triq li tisboq tal-​imħabba li ma tbatti qatt, int tistaʼ tibqaʼ tgħix għal dejjem.—1 Ġw. 2:17.

Int Kif Twieġeb?

• Għala rridu ngħassu kontra mħabba qarrieqa?

• L-​imħabba x’tistaʼ tgħinna nissaportu?

• F’liema sens l-​imħabba ma tbatti qatt?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kumment f’paġna 27]

L-​iskrittura għas-​sena 2010 se tkun: ‘L-​imħabba kollox tissaporti. L-​imħabba ma tbatti qatt.’—1 Kor. 13:7, 8.

[Stampa f’paġna 25]

L-​imħabba għal Alla tqanqalna nagħtu xhieda

[Stampa f’paġna 26]

L-​imħabba li ma tbatti qatt għenet lil ħutna fil-​Malawi jissaportu l-​provi