Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fejn Għexu

Fejn Għexu

Il-​Ħajja tal-​Kristjani fl-​Ewwel Seklu

Fejn Għexu

“Ma żammejtx lura milli . . . ngħallimkom pubblikament u minn dar għal dar.”—ATTI 20:20.

HEKK kif tidħol minn ġo bieb kbir ħafna, mill-​ewwel issib ruħek f’belt tal-​ewwel seklu. Bħal ħafna bliet oħrajn, din qiegħda fuq għolja. ’Il fuq minnek tistaʼ tara n-​naħa taʼ fuq tal-​belt. Hemm għadd taʼ vilel bojod u lussużi, ħafna minnhom b’ġonna mdawrin bil-​ħitan, li qed ileqqu fix-​xemx. F’dawn l-​inħawi jgħixu l-​għonja. Fin-​niżla tal-​għolja tibda tara iktar djar taʼ qisien u stili differenti. Dawn id-​djar kbar tal-​ġebel u b’diversi sulari, tal-​merkanti u tas-​sidien tal-​art tal-​klassi tan-​nofs, qegħdin tul it-​toroq miksijin biċ-​ċangaturi. Iktar ’l isfel fil-​wied hemm l-​inħawi foqra. Id-​djar sempliċi għall-​aħħar taʼ hawnhekk huma żgħar u jidhru qishom kaxxi mibnijin waħda ħdejn l-​oħra fi sqaqien dojoq, jew imdawrin maʼ btieħi żgħar.

Hekk kif timxi fit-​toroq iffollati, il-​ħsejjes u l-​irwejjaħ iqanqlulek is-​sensi. In-​nisa qed isajru u jimlew dawk in-​naħat bi rwejjaħ li jxennquk. Tismaʼ l-​ħoss tal-​annimali u tat-​tfal li qed jilagħbu. L-​irġiel qed jaħdmu bi bżulija fi ħwienet storbjużi li jintnu.

Għall-​familja Kristjana, il-​ħajja kienet ċentrata f’dawn id-​djar. Dawn ħejjew l-​isfond għall-​ħajja taʼ kuljum, għat-​tagħlim spiritwali, u għall-​qima.

Id-​Djar Iżgħar Bħad-​djar tal-​lum, id-​daqs u t-​tip tal-​postijiet fejn kienu jgħixu kienu jvarjaw skont il-​post u ċ-​ċirkustanzi finanzjarji tal-​familja. L-​iżgħar djar (1) kienu jikkonsistu minn kamra mudlama u dejqa, li fiha kienet tgħix familja sħiħa. Ħafna djar żgħar kienu mibnijin b’ħitan magħmulin minn brikks tat-​tajn imnixxfin fix-​xemx. Djar oħrajn kienu magħmulin minn ħitan tal-​ġebel maqtugħ bl-​addoċċ. Ġeneralment, iż-​żewġ tipi kienu jinbnew fuq pedament tal-​ġebel.

Il-​ħitan taʼ ġewwa kienu mkaħħlin u l-​art kienet bil-​madum, u dan kien jirrikjedi manutenzjoni kontinwa. Minn tal-​inqas kien hemm fetħa żgħira waħda fis-​saqaf jew fil-​ħajt li kienet tippermetti li joħroġ id-​duħħan tal-​kċina. L-​għamara kienet limitata għall-​affarijiet essenzjali tad-​dar.

Saqaf tat-​tajn kien jistrieħ fuq friegħi, qasab, u fallakki fuq travi tal-​injam, mirfudin bil-​pilastri. It-​tafal kompressat imbagħad kien jitkaħħal, u b’hekk is-​saqaf ftit li xejn kien jgħaddi ilma minnu. Biex dak li jkun imur fuq il-​bejt ġeneralment ried jitlaʼ minn sellum minn barra.

Saħansitra f’ambjent bħal dan, id-​djar Kristjani kienu postijiet pjaċevoli, fejn anki familja fqira setgħet tkun sinjura spiritwalment u hienja.

Il-​Klassi tan-​Nofs Id-​djar akbar tal-​ġebel li kellhom żewġ sulari (2) tal-​klassi tan-​nofs kien fihom kamra tal-​mistidnin. (Marku 14:13-​16; Atti 1:13, 14) Din il-​kamra kbira taʼ fuq setgħet tintuża għal-​laqgħat u spiss kienet disponibbli fi żminijiet taʼ festa. (Atti 2:1-​4) Dawn id-​djar u anki djar akbar (3) tal-​merkanti u tas-​sidien tal-​art kienu mibnijin b’ġebel tal-​ġir li kien jitkaħħal bit-​tajn tal-​ġir. L-​art bil-​madum u l-​ħitan taʼ ġewwa kienu jitkaħħlu; il-​ħitan taʼ barra kienu jitbajdu.

Biex dak li jkun imur fil-​kmamar taʼ fuq u fuq il-​bejt ried jitlaʼ minn taraġ. Il-​bjut ċatti kollha kienu mdawrin b’ċint biex jiġi evitat li xi ħadd jaqaʼ u biex jiġu evitati aċċidenti oħrajn. (Dewteronomju 22:8) Matul is-​sħana tal-​jum, taħt tinda sempliċi għad-​dell, il-​bejt kien post pjaċevoli fejn dak li jkun setaʼ jmur biex jistudja, jimmedita, jitlob, jew jistrieħ.—Atti 10:9.

Waqt li spiss kienu jakkomodaw lil familji estiżi, dawn id-​djar sodi bi kmamar akbar kienu jippermettu iktar spazju fejn jgħixu, kmamar tas-​sodda separati, u kċina u kamra tal-​ikel akbar.

Id-​Djar Iktar Lussużi Id-​djar taʼ stil Ruman (4) kienu jvarjaw b’mod konsiderevoli fid-​daqs, fid-​disinn, u fil-​kostruzzjoni. Il-​kmamar spazjużi kienu ċentrati madwar kamra tal-​ikel kbira (triklinju), iċ-​ċentru tal-​attività tal-​familja. Xi disinji kienu jinkludu t-​tieni jew it-​tielet sular (5) jew kienu mżejnin b’ġonna mdawrin bil-​ħitan.

Id-​djar iktar lussużi setaʼ kien fihom għamara elaborata, ftit minnha ingastata bl-​ivorju u bid-​deheb. Dawn id-​djar kellhom konvenjenzi bħal ilma fil-​vit u banjijiet. L-​art x’aktarx li kienet magħmula mill-​injam jew minn irħam b’ħafna kuluri, u l-​ħitan x’aktarx li kienu miksijin biċ-​ċedru. Il-​gradilji bil-​ġamar kienu jintużaw biex isaħħnu. Il-​gradi, ġeneralment tal-​injam, kienu jitqiegħdu fit-​twieqi għas-​sigurtà, u l-​purtieri kienu jagħtu ammont taʼ privatezza lin-​nies. Fil-​ħitan wesgħin tal-​ġebel kienu jinqatgħu bankijiet taħt it-​twieqi.—Atti 20:9, 10.

Kien x’kien id-​daqs jew l-​istil tad-​dar tagħhom, il-​Kristjani tal-​bidu kienu ospitabbli u ġenerużi bl-​affarijiet li kellhom. B’hekk, l-​indokraturi li jivvjaġġaw ma kellhomx diffikultà biex isibu familja qalbha tajba u ospitabbli maʼ min joqogħdu sakemm ilestu l-​ministeru tagħhom f’dik il-​belt jew raħal.—Mattew 10:11; Atti 16:14, 15.

“Id-​Dar taʼ Xmun u Indrì” Ġesù ġie milqugħ mill-​qalb “fid-​dar taʼ Xmun u Indrì.” (Marku 1:29-​31) Id-​dar taʼ dawn is-​sajjieda setgħet kienet parti minn grupp taʼ djar modesti mibnijin qrib xulxin (6) u mdawrin maʼ bitħa biċ-​ċangaturi.

Fi djar bħal dawn, il-​bibien u t-​twieqi kienu jagħtu għal fuq il-​bitħa, li spiss kienet iċ-​ċentru tal-​attivitajiet taʼ kuljum, inkluż it-​tisjir, il-​ħami, it-​tħin tal-​qmuħ, u post fejn jassoċjaw u jieklu.

Id-​djar b’sular wieħed f’Kafarnahum kienu mibnijin b’bażalt (blat vulkaniku) lokali mhux maqtugħ. It-​taraġ taʼ barra kien iwassal għal bejt ċatt magħmul minn tafal kompressat jew minn madum imqiegħed fuq il-​qasab u l-​fallakki li kienu jistrieħu fuq it-​travi. (Marku 2:1-​5) L-​art taʼ ġewwa kienet iċċangjata, spiss mgħottija b’tapiti minsuġin.

Blokok tad-​djar ifformaw toroq u sqaqien tul ix-​xatt tal-​Baħar tal-​Galilija. Kafarnahum kienet post ideali għas-​sajjieda li kienu jaqilgħu l-​għajxien tagħhom mill-​baħar.

“Minn Dar Għal Dar” Fil-​qosor, id-​djar tal-​Kristjani tal-​ewwel seklu kienu jvarjaw—mid-​djar b’kamra waħda magħmulin minn brikks tat-​tajn sal-​vilel tal-​ġebel kbar u lussużi.

Dawn id-​djar ma kinux biss kenn għall-​familja. Id-​dar kienet post taʼ tagħlim spiritwali. Ġewwa l-​ħitan, il-​familja kienet tqim flimkien. Kienu jinġemgħu fi djar privati biex jistudjaw l-​Iskrittura u biex igawdu sħubija maʼ sħabhom fit-​twemmin. Dak li tgħallmu fi djarhom użawh tajjeb hekk kif wettqu x-​xogħol tagħhom importanti ferm, jiġifieri, li jippritkaw u jgħallmu “minn dar għal dar” fid-​dinja Rumana.—Atti 20:20.