Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Art Se Tintemm?

L-Art Se Tintemm?

L-​Art Se Tintemm?

“IT-​TMIEM tad-​dinja dejjem hu suġġett taʼ interess, għall-​inqas sa fejn għandhom x’jaqsmu l-​films.” Hekk qal il-​ġurnalista John Scalzi. L-​udjenzi għala huma affaxxinati b’films li jiddeskrivu t-​tmiem tad-​dinja? “Minħabba li huma dwar l-​affarijiet li nibżgħu minnhom,” irraġuna Scalzi. Taqbel int maʼ dan? Għandna raġunijiet validi biex inkunu beżgħanin dwar kif u meta l-​art—u l-​ħajja kollha taʼ fuqha—għandha mnejn tintemm?

Kważi kuljum, nisimgħu b’diżastri naturali li jagħmlu straġi madwar il-​globu. Vidjos li jkexkxu taʼ dawn il-​ġrajjiet jidhru darba wara l-​oħra fuq it-​televixin u fuq l-​Internet. Meta niġu bombardjati bi stampi taʼ nies veri u postijiet veri li qed jiġu meqrudin, huwa faċli li tqis li t-​tmiem tad-​dinja huwa theddida reali u mhux sempliċement xi ħaġa li tidher fil-​films.

Biex ikomplu jagħtu n-​nar lit-​tiben, xi xjenzati jispekulaw dwar kif l-​art tistaʼ tintemm. Xi wħud saħansitra jbassru meta l-​art tistaʼ tintemm. F’Marzu 2008, il-​Monthly Notices of the Royal Astronomical Society irrapportat li żewġ astronomi kkalkulaw li f’madwar 7.59 biljun sena, ix-​xemx se ġġib fix-​xejn u tevapora l-​pjaneta tagħna.

Tassew li l-​art se tintemm xi darba?

Għandha l-​Pjaneta Tagħna Data Meta Se Tiskadi?

Il-​Bibbja tassigurana: “Ġenerazzjoni sejra, u ġenerazzjoni ġejja; imma l-​art tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Ekkleżjasti 1:4) Alla Ġeħova b’mod sod ‘sejjes l-​art fuq il-​postijiet stabbiliti tagħha’ u ddisinjaha biex tibqaʼ għal żmien indefinit, jew għal dejjem. (Salm 104:5) Dan il-​kliem ispirat minn Alla jinstemaʼ sabiħ wisq li bilkemm tistaʼ temmnu? Għala għandek temmen li l-​art tagħna mhux se tiskadi, meta xi xjenzati jsostnu mod ieħor?

Aħseb għal mument dwar prodotti fuq l-​ixkaffa taʼ xi ħanut. Xi ftit għandhom tikketta b’data taʼ meta jiskadu. Min għamel din id-​data? Kienet sempliċement kalkulazzjoni bil-​ħsieb mill-​maniġer tal-​ħanut? Dażgur li le! Il-​manifattur iddetermina d-​data taʼ meta jiskadu. Aħna nafdaw dik id-​data għax il-​manifattur jaf il-​prodott tiegħu aħjar minn kwalunkwe persuna oħra. Mela kemm iktar għandna nafdaw lil Dak li għamel il-​pjaneta tagħna! Il-​Kelma tiegħu tgħid b’mod ċar li hu ‘stabbilixxa l-​art fis-​sod’ biex tibqaʼ għal dejjem. M’għandhiex data li tiskadi fiha—qatt!—Salm 119:90.

Però, huwa possibbli li bnedmin irresponsabbli jħassru l-​pjaneta mingħajr ma jkun hemm rimedju għaliha? Assolutament le! Kuntrarju għall-​manifatturi umani, Ġeħova ‘għandu l-​ħila jagħmel kollox.’ (Ġob 42:2) Għalhekk, hu jistaʼ jiggarantixxi b’fiduċja: “Kelmti li toħroġ minn fommi . . . żgur tirnexxi.” (Isaija 55:11) Nistgħu nkunu żguri li “Dak li għamilna” ma se jħalli xejn iwaqqfu milli jwettaq l-​iskop tiegħu għall-​art. (Salm 95:6) X’inhu dan l-​iskop, u Alla kif se jwettqu?

Is-​Saltna t’Alla Se Twettaq l-​Iskop Tiegħu

Minbarra li tiggarantixxi li l-​art qatt ma se tintemm, il-​Kelma t’Alla tgħidilna wkoll li hu “sawwarha biex tkun abitata.” (Isaija 45:18) Għalkemm l-​art tagħna ilha abitata għal eluf taʼ snin, dan fih innifsu ma wettaqx l-​iskop t’Alla.

Ġeħova hu “l-​Alla l-​hieni” u “jħobb il-​ġustizzja.” (1 Timotju 1:11; Salm 37:28) L-​iskop tiegħu hu li l-​bnedmin kollha jgħixu ferħanin u meħlusin mill-​inġustizzji. Sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu, Alla bassar li kien se jwaqqaf Saltna waħda fis-​smewwiet li se taħkem fuq l-​art kollha. (Danjel 2:44) Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù b’mod regulari tkellem dwar il-​gvern tas-​Saltna t’Alla. Hu inkuraġġixxa lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu għaliha għax kien jaf bil-​barkiet kollha li hemm maħżunin għall-​art taħt ir-​renju taʼ dik is-​Saltna. (Mattew 6:9, 10; 24:14) X’inhuma xi ftit minn dawn il-​barkiet?

Se jkun hemm paċi u sigurtà, għax Alla jwiegħed li se jtemm il-​gwerer kollha.Salm 46:9.

Se jkun hemm abbundanza taʼ ikel għal kulħadd.Salm 72:16.

Il-​kura tas-​saħħa mhux se tkun problema għax “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”Isaija 33:24.

In-​niket mhux se jibqaʼ neċessarju, għax “ma jkunx hemm iżjed mewt.”Rivelazzjoni 21:4.

Alla jwiegħed li n-​nies tiegħu se jibnu djarhom stess, jgħixu fis-​sigurtà, u ‘jifirħu u jithennew għal dejjem.’ —Isaija 65:17-​24.

Mingħajr dubju, int tixxennaq biex tgawdi kundizzjonijiet bħal dawn li għadna kif semmejna. Ġeħova għandu żelu kbir—xewqa qawwija—biex iwettaq dak kollu li bassar. (Isaija 9:6, 7) Madankollu, għandek mnejn taħseb: ‘Għaddew eluf taʼ snin mindu l-​wegħdi t’Alla tniżżlu fil-​Bibbja. Għala għadhom ma twettqux?’

Il-​Paċenzja t’Alla Twassal għas-​Salvazzjoni Tagħna

Ibqaʼ ċert li “Ġeħova mhux qed idum biex iwettaq il-​wegħda tiegħu.” Il-​Bibbja tispjega li Alla qed juri l-​paċenzja magħna bi mħabba. B’hekk, aħna inkuraġġiti biex ‘il-​paċenzja tal-​Mulej tagħna nqisuha bħala salvazzjoni.’ (2 Pietru 3:9, 15) Imma l-​paċenzja t’Alla għala hi neċessarja għas-​salvazzjoni?

L-​ewwel nett, Alla jaf li qabel ma jipprovdi dar sigura u prospera lil bnedmin ġusti, hu se jkollu ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-​art.’ (Rivelazzjoni 11:18) Madankollu, minħabba li jħobb lill-​bnedmin, Ġeħova “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered.” Għaldaqstant, Missierna tas-​sema bil-​paċenzja qed jipprova ‘jwissi lill-​ħażin dwar triqtu l-​ħażina.’ Għal dan l-​għan, Ġeħova qed jagħmel ċert li l-​messaġġ dwar is-​Saltna tiegħu qed jiġi pritkat madwar id-​dinja kollha. * (Eżekjel 3:17, 18) Dawk kollha li jwieġbu b’mod favorevoli għat-​twissija t’Alla u jġibu ħajjithom fi qbil mal-​prinċipji ġusti tiegħu se jingħataw is-​salvazzjoni u jgawdu ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna.

Dur Lejn Alla u Salva

Mingħajr ebda dubju, il-​Bibbja għandha “aħbar tajba” għalina. (Mattew 24:14) Tagħtina l-​kelma infallibbli t’Alla li l-​art tagħna qatt ma se tinqered! Iktar minn hekk, skont il-​profeziji tal-​Bibbja, jistaʼ jkollna l-​fidi li “ftit ieħor biss, u l-​ħażin ma jkunx iktar.” Dalwaqt, dawk biss li huma ġusti f’għajnejn Alla “se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” (Salm 37:9-​11, 29; Mattew 5:5; Rivelazzjoni 21:3, 4) Sa dak iż-​żmien, Alla se jkompli jsejjaħ bil-​paċenzja: “Duru lejja u salvaw, intom ilkoll fi truf l-​art.” (Isaija 45:22) Int kif se twieġeb?

Għala ma tkunx determinat li ddur lejn Alla? Salm 37:34 iħeġġiġna: “Ittama f’Ġeħova u żomm triqtu, u hu jeżaltak biex tieħu l-​art.” Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova se jkunu ferħanin jgħinuk titgħallem iktar dwar l-​iskop etern t’Alla għall-​art u kif tistaʼ tgħix biex tara dan l-​iskop isir realtà.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 21 B’ubbidjenza għall-​kmand taʼ Ġesù li qiegħed f’​Mattew 28:19, 20, iktar minn sebaʼ miljun Xhud taʼ Ġeħova f’236 pajjiż iqattgħu madwar 1.5 biljun siegħa kull sena jgħallmu lin-​nies dwar l-​iskop grandjuż t’Alla għal din l-​art.

[Caption f’paġna 8]

Ritratt tan-​NASA