Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Għandek Tiddedika Lilek Innifsek lil Ġeħova?

Għala Għandek Tiddedika Lilek Innifsek lil Ġeħova?

Għala Għandek Tiddedika Lilek Innifsek lil Ġeħova?

“Dan il-​lejl ġie ħdejja anġlu taʼ l-​Alla li jien tiegħu.”—ATTI 27:23.

1. Dawk li se jitgħammdu liema passi jkunu diġà ħadu, u liema mistoqsijiet iqumu?

 “FUQ il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu, indimt int minn dnubietek u ddedikajt int lilek innifsek lil Ġeħova biex tagħmel ir-​rieda tiegħu?” Din hi waħda miż-​żewġ mistoqsijiet li jwieġbu l-​kandidati għall-​magħmudija lejn tmiem it-​taħdita tal-​magħmudija. Il-​Kristjani għala għandhom bżonn jiddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova? Id-​dedikazzjoni tagħna lil Alla kif inhi taʼ benefiċċju għalina? Individwu għala ma jistax iqim lil Alla b’mod aċċettabbli jekk ma jkunx dedikat lilu? Biex nifhmu t-​tweġibiet, l-​ewwel jeħtieġ nikkunsidraw x’inhi d-​dedikazzjoni.

2. Xi jfisser li tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova?

2 Xi jfisser li tiddedika lilek innifsek lil Alla? Innota kif l-​appostlu Pawlu ddeskriva r-​relazzjoni tiegħu m’Alla. Fuq ġifen li kien fil-​periklu li jegħreq, Pawlu sejjaħ lil Ġeħova “l-​Alla li jien tiegħu” quddiem ħafna oħrajn li kienu miegħu. (Aqra Atti 27:22-​24.) Il-​Kristjani veri kollha huma taʼ Ġeħova. B’kuntrast, id-​dinja inġenerali qiegħda “taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġw. 5:19) Il-​Kristjani jsiru taʼ Ġeħova meta jagħmlu dedikazzjoni aċċettabbli tagħhom infushom permezz tat-​talb. Dedikazzjoni bħal din hi wegħda persunali. Wara din tiġi l-​magħmudija fl-​ilma.

3. Il-​magħmudija taʼ Ġesù x’issimbolizzat, u s-​segwaċi tiegħu kif jistgħu jimitaw l-​eżempju li ħalla?

3 Ġesù pprovda eżempju għalina meta għażel personalment li jagħmel ir-​rieda t’Alla. Minħabba li kien twieled f’Israel, li kien ġens dedikat, hu kien diġà dedikat lil Alla. Xorta waħda, fil-​magħmudija tiegħu hu għamel xi ħaġa iktar minn dak li kienet tirrikjedi l-​Liġi. Il-​Kelma t’Alla turi li hu qal: “Ara! Ġejt . . . biex nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla.” (Ebr. 10:7; Lq. 3:21) Għalhekk, Ġesù ppreżenta lilu nnifsu lil Alla biex jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. Il-​magħmudija tiegħu ssimbolizzat dan. Is-​segwaċi taʼ Ġesù jimitaw l-​eżempju tiegħu meta jippreżentaw lilhom infushom għall-​magħmudija. Madankollu, fil-​każ tagħhom, bil-​magħmudija fl-​ilma juru pubblikament li għamlu dedikazzjoni persunali lil Alla bit-​talb.

Kif Nibbenefikaw mid-​Dedikazzjoni

4. Il-​ħbiberija bejn David u Ġonatan x’turina dwar l-​impenn?

4 Id-​dedikazzjoni Kristjana hi kwistjoni serja. Hija iktar minn sempliċi impenn. Iżda, id-​dedikazzjoni li nagħmlu kif inhi taʼ benefiċċju għalina? Biex nagħmlu paragun, ejja nikkunsidraw kif l-​impenn fir-​relazzjonijiet bejn il-​bnedmin iġib benefiċċji. Eżempju wieħed hu l-​ħbiberija. Sabiex tgawdi l-​privileġġ li jkollok ħabib, hemm bżonn li taċċetta r-​responsabbiltà li tkun ħabib. Dan jinvolvi impenn, jiġifieri li tħossok fid-​dmir li turi interess fil-​ħabib tiegħek. Waħda mill-​iktar ħbiberiji li jispikkaw fil-​Bibbja hi dik taʼ David u Ġonatan. Huma saħansitra għamlu patt taʼ ħbiberija maʼ xulxin. (Aqra l-1 Samwel 17:57; 18:1, 3.) Għalkemm huwa rari li ssib ħbiberiji b’daqstant impenn, ħafna minnhom jissaħħu meta l-​ħbieb iħossuhom xi ftit jew wisq obbligati lejn xulxin.—Prov. 17:17; 18:24.

5. Kif setaʼ lsir jibbenefika milli jappartjeni b’mod permanenti lil sid tajjeb?

5 Il-​Liġi li Alla ta lil Israel tiddeskrivi relazzjoni oħra li n-​nies ibbenefikaw minnha meta impenjaw ruħhom. Jekk ilsir ried is-​sigurtà li jappartjeni b’mod permanenti lil sid tajjeb, hu setaʼ jagħmel ftehim miegħu li jkun permanenti u li jorbot. Il-​Liġi tgħid: “Imma jekk l-​ilsir jibqaʼ jinsisti u jgħid, ‘Jien tassew inħobb lil sidi, lil marti, u lil uliedi; ma rridx noħroġ ħieles,’ imbagħad sidu jrid jieħdu quddiem l-​Alla l-​veru u jġibu ħdejn il-​bieb jew il-​koxxa tal-​bieb; u sidu jtaqqablu widintu b’xifa, u hu jkun ilsir tiegħu ħajtu kollha.”—Eżo. 21:5, 6.

6, 7. (a) In-​nies kif jibbenefikaw mill-​impenn? (b) Dan x’juri dwar ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova?

6 Iż-​żwieġ hu relazzjoni li tirrikjedi impenn kbir. Mhuwiex sempliċi kuntratt formali fuq biċċa karta, imma huwa impenn maʼ persuna. Tnejn min-​nies li jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu qatt ma jistaʼ jkollhom sigurtà vera u lanqas uliedhom. Imma, raġel u mara li għandhom impenn lejn xulxin fi żwieġ onorabbli għandhom raġuni Skritturali li ġġegħelhom jistinkaw biex isolvu d-​diffikultajiet tagħhom bi mħabba meta jqumu l-​problemi.—Mt. 19:5, 6; 1 Kor. 13:7, 8; Ebr. 13:4.

7 Fiż-​żminijiet Bibliċi n-​nies ibbenefikaw minn kuntratti li jorbtu fin-​negozju u fil-​qasam tal-​impjiegi. (Mt. 20:1, 2, 8) L-​istess llum. Pereżempju, jiswielna taʼ ġid li jkollna ftehim bil-​miktub u li jorbot, jew kuntratt bil-​miktub, qabel ma nibdew ninnegozjaw maʼ xi ħadd jew qabel ma nibdew naħdmu maʼ xi kumpanija. Għalhekk, jekk l-​impenn isaħħaħ ir-​relazzjoni bejn il-​ħbieb, bejn il-​miżżewġin, u bejn in-​nies fuq il-​post tax-​xogħol, kemm iktar se tibbenefika meta tagħmel dedikazzjoni bla riserva fir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova! Issa ejja nikkunsidraw kif in-​nies fil-​passat ibbenefikaw mid-​dedikazzjoni lil Alla Ġeħova u kif din kienet ħafna iktar minn sempliċi impenn.

Kif Israel Ibbenefika mid-​Dedikazzjoni lil Alla

8. Id-​dedikazzjoni lil Alla x’kienet tfisser għal Israel bħala poplu?

8 Il-​ġens t’Israel bħala poplu sar dedikat lil Ġeħova meta għamel wegħda solenni lil Alla. Ġeħova ġabarhom ħdejn il-​muntanja Sinaj u qalilhom: “Jekk tassew tobdu kliemi u tħarsu l-​patt tiegħi, imbagħad issiru l-​proprjetà speċjali tiegħi mill-​popli l-​oħrajn kollha.” Il-​poplu wieġeb b’fehma waħda: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.” (Eżo. 19:4-​8) Għall-​Israelin bħala ġens, id-​dedikazzjoni kienet tfisser ferm iktar minn sempliċi impenn biex jagħmlu xi ħaġa. Kienet tfisser li huma jappartjenu lil Ġeħova, u Ġeħova ttrattahom bħala “l-​proprjetà speċjali” tiegħu.

9. Il-​ġens t’Israel kif ibbenefika mid-​dedikazzjoni tiegħu lil Alla?

9 L-​Israelin ibbenefikaw għax kienu jappartjenu lil Ġeħova. Hu kien leali u ħa ħsiebhom bħalma ġenitur li jħobb jieħu ħsieb uliedu. Alla qal lil Israel: “Tistaʼ mara tinsa lit-​tarbija tagħha tal-​ħalib biex ma titħassarx lil bin żaqqha? Anki dawn in-​nisa jistgħu jinsew, iżda jien ma ninsiekx.” (Is. 49:15) Ġeħova tahom il-​gwida permezz tal-​Liġi, tal-​inkuraġġiment mill-​profeti, u tal-​protezzjoni mill-​anġli. Wieħed mis-​salmisti kiteb: “Qed jgħid il-​kelma tiegħu lil Ġakobb, ir-​regolamenti u d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħu lil Israel. M’għamel dan m’ebda ġens ieħor.” (Salm 147:19, 20; aqra Salm 34:7, 19; 48:14.) Bħalma Ġeħova ħa ħsieb il-​ġens t’Israel li fil-​passat kien jappartjeni lilu, daqshekk ieħor se jieħu ħsieb lil dawk li jiddedikaw lilhom infushom lilu llum.

Għala Għandna Niddedikaw Lilna Nfusna lil Alla

10, 11. Nitwieldu aħna fil-​familja universali t’Alla? Spjega.

10 Meta jkunu qed jikkunsidraw id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija Kristjana, xi wħud għandhom mnejn jaħsbu, ‘Għala ma nistax inqim lil Alla jekk ma niddedikax ruħi lilu?’ Ir-​raġuni tidher ċara meta nikkunsidraw kif tassew nidhru f’għajnejn Alla fil-​preżent. Ftakar li minħabba d-​dnub t’Adam aħna lkoll nitwieldu barra mill-​familja t’Alla. (Rum. 3:23; 5:12) Id-​dedikazzjoni tagħna nfusna lil Alla hija ħtieġa vitali biex niġu aċċettati fil-​familja universali tiegħu. Ejja naraw għala.

11 Ħadd minna m’għandu missier naturali li jistaʼ jagħtih il-​ħajja kif għandha tkun—ħajja perfetta. (1 Tim. 6:19) Aħna ma twilidniex bħala wlied Alla għaliex meta l-​ewwel koppja dinbet, ir-​razza umana ġiet mifruda mill-​Missier u l-​Ħallieq tagħha kollu mħabba. (Qabbel Dewteronomju 32:5.) Minn dakinhar ’il quddiem, l-​umanità bdiet tgħix barra mill-​familja universali taʼ Ġeħova, imbiegħda minn Alla.

12. (a) Bnedmin imperfetti kif jistgħu jsiru parti mill-​familja t’Alla? (b) Liema passi jeħtieġ nieħdu qabel il-​magħmudija?

12 Minkejja dan, bħala individwi nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jaċċettana fil-​familja tiegħu taʼ qaddejja approvati. * Kif inhu possibbli għal nies midinbin bħalna? L-​appostlu Pawlu kiteb: “Meta konna għedewwa, erġajna tħabbibna m’Alla permezz tal-​mewt taʼ Ibnu.” (Rum. 5:10) Fil-​magħmudija nitolbu lil Alla biex ikollna kuxjenza nadifa ħalli nkunu aċċettati minnu. (1 Pt. 3:21) Madankollu, qabel il-​magħmudija hemm xi passi li jeħtieġ nieħdu. Għandna bżonn insiru nafu lil Alla, nitgħallmu nafdaw fih, nindmu, u nbiddlu triqatna. (Ġw. 17:3; Atti 3:19; Ebr. 11:6) U hemm xi ħaġa oħra li għandna bżonn nagħmlu qabel ma niġu aċċettati fil-​familja t’Alla. X’inhi din?

13. Għala huwa xieraq li individwu jagħmel wegħda taʼ dedikazzjoni lil Alla sabiex ikun parti mill-​familja Tiegħu t’aduraturi approvati?

13 Qabel ma xi ħadd li hu mbiegħed minn Alla jistaʼ jsir parti mill-​familja t’aduraturi approvati minn Alla, l-​ewwel jeħtieġ jagħmel wegħda solenni lil Ġeħova. Sabiex tifhem għala, immaġina missier tal-​affari tiegħu li b’qalb tajba juri interess f’żagħżugħ orfni u jkun jixtieq jadottah biex isir parti mill-​familja tiegħu. Il-​missier hu magħruf bħala raġel sew. Xorta waħda, qabel ma jaċċetta liż-​żagħżugħ bħala ibnu, ir-​raġel irid li ż-​żagħżugħ jagħmel wegħda. Għalhekk ir-​raġel jgħid, “qabel ma naċċettak bħala ibni, irrid inkun ċert li se tħobbni u tirrispettani bħala missierek.” Huwa biss jekk iż-​żagħżugħ ikun lest li jagħmel wegħda solenni li r-​raġel se jaċċettah fil-​familja tiegħu. Mhuwiex dan raġunevoli? Bl-​istess mod, fil-​familja tiegħu Ġeħova jaċċetta biss lil dawk li lesti jagħmlu wegħda taʼ dedikazzjoni lilu. Il-​Bibbja tgħid: “Offru lilkom infuskom stess lilu: sagrifiċċju ħaj, dedikat u xieraq biex jiġi aċċettat minnu.”—Rum. 12:1, The New English Bible.

Att taʼ Mħabba u Fidi

14. Id-​dedikazzjoni b’liema mod hi espressjoni taʼ mħabba?

14 Wegħda taʼ dedikazzjoni lil Alla hija espressjoni tal-​imħabba minn qalbna għal Ġeħova. Sa ċertu punt hi bħal wegħda taż-​żwieġ. Għarus Kristjan jesprimi l-​imħabba tiegħu billi jwiegħed li jkun leali lejn l-​għarusa tiegħu, jiġri x’jiġri. Hi wegħda b’garanzija lil persuna iktar milli sempliċi wegħda li se jagħmel xi ħaġa. Għarus Kristjan jifhem li hu ma jistax igawdi l-​privileġġ li jgħix mal-​għarusa tiegħu jekk ma jagħmilx wegħda taż-​żwieġ. B’mod simili, jekk ma nagħmlux wegħda taʼ dedikazzjoni ma nistgħux ingawdu bis-​sħiħ il-​benefiċċji li jiġu meta nkunu parti mill-​familja taʼ Ġeħova. Għalhekk niddedikaw lilna nfusna lil Alla għax, minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħna, nixtiequ u aħna determinati li nkunu leali lejh jiġri x’jiġri.—Mt. 22:37.

15. Id-​dedikazzjoni b’liema mod hi att taʼ fidi?

15 Meta niddedikaw lilna nfusna lil Alla, aħna nkunu qed nuru att taʼ fidi. B’liema mod? Il-​fidi tagħna f’Ġeħova tagħmilna fiduċjużi li hu taʼ ġid għalina li nersqu qrib t’Alla. (Salm 73:28) Aħna nafu li mhux se jkun dejjem faċli li nimxu m’Alla filwaqt li ngħixu “fost ġenerazzjoni mgħawġa u maqluba,” imma għandna fiduċja fil-​wegħda t’Alla li hu se jgħinna fl-​isforzi li nagħmlu. (Flp. 2:15; 4:13) Għalkemm konxji tal-​imperfezzjoni tagħna, ninsabu konvinti li Ġeħova se juri ħniena magħna anki meta niżbaljaw. (Aqra Salm 103:13, 14; Rumani 7:21-​25.) Aħna fiduċjużi li Ġeħova se jbierek id-​determinazzjoni tagħna li nżommu l-​integrità.—Ġob 27:5.

Id-​Dedikazzjoni lil Alla Twassal għall-​Hena

16, 17. Id-​dedikazzjoni lil Ġeħova għala twassal għall-​hena?

16 Id-​dedikazzjoni lil Ġeħova twassal għall-​hena għax tinvolvi li nagħtu minna nfusna. Ġesù stqarr verità bażika meta qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù esperjenza bis-​sħiħ l-​hena li jiġi meta wieħed jagħti. Meta kien hemm bżonn hu għadda mingħajr mistrieħ, mingħajr ikel, u mingħajr kumditajiet biex jgħin lil oħrajn isibu t-​triq tal-​ħajja. (Ġw. 4:34) Kienet l-​għaxqa taʼ Ġesù li jferraħ qalb missieru. Hu qal: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.”—Ġw. 8:29; Prov. 27:11.

17 Għalhekk, Ġesù ggwida lis-​segwaċi tiegħu lejn ħajja sodisfaċenti meta qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu.” (Mt. 16:24) Jekk nagħmlu hekk se nersqu eqreb lejn Ġeħova. Hemm xi ħadd ieħor li nistgħu nafdaw ruħna f’idejh li jistaʼ jieħu ħsiebna b’iktar imħabba?

18. Għala nkunu iktar henjin meta ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova milli meta nkunu dedikati għal xi ħaġa jew lil xi ħadd ieħor?

18 Meta niddedikaw lilna nfusna lil Ġeħova u mbagħad ngħixu fi qbil maʼ din id-​dedikazzjoni billi nagħmlu r-​rieda tiegħu, inkunu iktar henjin milli meta nkunu dedikati għal xi ħaġa jew lil xi ħadd ieħor. Pereżempju, ħafna nies jiddedikaw ħajjithom biex jakkwistaw rikkezzi materjali mingħajr ma jiksbu ferħ u sodisfazzjon veru. Madankollu, dawk li jiddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova jsibu hena dejjiemi. (Mt. 6:24) L-​unur li jkunu “ħaddiema sħab m’Alla” jagħmilhom ferħanin. Madankollu, id-​dedikazzjoni tagħhom mhix għal xi xogħol imma lil Alla tagħna li japprezza. (1 Kor. 3:9) Ħadd ma jistaʼ japprezza s-​sagrifiċċji persunali li jagħmlu daqskemm japprezzahom hu. Hu saħansitra se jreġġaʼ lura għaż-​żgħożija lil dawk leali lejh biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-​protezzjoni tiegħu għal dejjem.—Ġob 33:25; aqra Ebrej 6:10.

19. Liema privileġġ igawdu dawk dedikati lil Ġeħova?

19 Id-​dedikazzjoni tiegħek lil Ġeħova tressqek eqreb lejh. Il-​Bibbja tgħid: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġak. 4:8; Salm 25:14) Fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw għala nistgħu nkunu fiduċjużi dwar l-​għażla li nappartjenu lil Ġeħova.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 12 In-​“nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù mhux se jsiru wlied Alla qabel jintemmu l-​elf sena. Madankollu, ladarba ddedikaw lilhom infushom lil Alla, b’mod xieraq jistgħu jindirizzawh bħala “Missier,” u b’hekk jistgħu jitqiesu bħala parti mill-​familja t’aduraturi taʼ Ġeħova.—Ġw. 10:16; Is. 64:8; Mt. 6:9; Riv. 20:5.

Int Kif Twieġeb?

• Xi jfisser li tiddedika lilek innifsek lil Alla?

• Kif nistgħu nibbenefikaw mid-​dedikazzjoni tagħna lil Alla?

• Il-​Kristjani għala jeħtieġ li jkunu dedikati lil Ġeħova?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 6]

Meta ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna jkollna hena dejjiemi