Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jintwera li l-Mod Kif Jaħkem Ġeħova Hu Sewwa u Ġust

Jintwera li l-Mod Kif Jaħkem Ġeħova Hu Sewwa u Ġust

Jintwera li l-​Mod Kif Jaħkem Ġeħova Hu Sewwa u Ġust

“L-​Iktar Għoli hu l-​Ħakkiem fis-​saltna tal-​bnedmin.”—DAN. 4:17.

1, 2. X’inhuma ftit mir-​raġunijiet għala l-​ħakma umana falliet?

 IL-​ĦAKMA umana falliet! M’hemm l-​ebda dubju dwar dan. Raġuni prinċipali għala l-​bnedmin fallew hi li m’għandhomx l-​għerf meħtieġ biex jaħkmu b’suċċess. Il-​fatt li l-​ħakma tal-​bnedmin falliet jispikka iktar minn qatt qabel illum meta tant mexxejja wrew li ‘jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, huma minfuħin bihom infushom, suppervi, żleali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-​tajjeb, tradituri, u mkabbrin.’—2 Tim. 3:2-​4.

2 Żmien twil ilu, l-​ewwel ġenituri tagħna ċaħdu l-​ħakma t’Alla. Billi għamlu hekk, forsi ħasbu li kienu qed jagħżlu l-​indipendenza. Madankollu, fir-​realtà kienu qed jissottomettu ruħhom għall-​ħakma taʼ Satana. Issa li għaddew sitt millenji taʼ tmexxija ħażina mill-​bniedem influwenzata bil-​kbir minn Satana, il-​“ħakkiem taʼ din id-​dinja,” ninsabu f’dan il-​perijodu tant ikrah tal-​istorja umana. (Ġw. 12:31) Meta jsemmi l-​kundizzjoni li tinsab fiha l-​umanità llum, xogħol taʼ referenza jistqarr li hu għalxejn “li nfittxu dinja perfetta.” Dan jispjega: “Mhux talli ma nistgħux insibuha imma talli l-​attentat biex noħolquha jwassal għal diżastru, dittatura, u gwerer mill-​agħar.” (The Oxford History of the Twentieth Century) Xi stqarrija onesta li l-​ħakma umana falliet bl-​ikrah!

3. X’nistgħu ngħidu dwar il-​mod li Alla kien jaħkem li kieku Adam u Eva ma dinbux?

3 X’ħasra, mela, li l-​ewwel ġenituri tagħna ċaħdu l-​uniku tip taʼ ħakma li tirnexxi, il-​ħakma t’Alla! M’għandniex xi ngħidu, ma nafux eżatt il-​mod u manjiera kif Ġeħova kien jifforma l-​ħakma fuq l-​art kieku Adam u Eva baqgħu leali lejh. Madankollu, nistgħu nkunu ċerti li l-​ħakma divina aċċettata mill-​umanità kollha kienet tkun karatterizzata mill-​imħabba u l-​imparzjalità. (Atti 10:34; 1 Ġw. 4:8) Ukoll, meta nqisu l-​għerf t’Alla li ma jitqabbel maʼ xejn, nistgħu nkunu ċerti li kieku l-​umanità baqgħet taħt il-​ħakma taʼ Ġeħova, kienu jiġu evitati l-​iżbalji kollha li għamlu dawk li appoġġaw il-​ħakma umana. It-​teokrazija, jiġifieri l-​ħakma t’Alla, kien se jirnexxilha “tissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.” (Salm 145:16) Fil-​qosor, kienet tkun ħakma perfetta. (Dt. 32:4) X’ħasra li l-​bnedmin ċaħduha!

4. Satana sa liema punt tħalla jaħkem?

4 Xorta waħda, huwa tajjeb li niftakru li għalkemm Ġeħova ħalla l-​bnedmin jaħkmu lilhom infushom, hu qatt ma ċeda d-​dritt tiegħu li jaħkem fuq il-​ħolqien. Saħansitra s-​sultan setgħan taʼ Babilonja ġie mġiegħel jirrikonoxxi li fuq kollox “l-​Iktar Għoli hu l-​Ħakkiem fis-​saltna tal-​bnedmin.” (Dan. 4:17) Fl-​aħħar mill-​aħħar, is-​Saltna t’Alla se ġġiegħel li sseħħ ir-​rieda tiegħu. (Mt. 6:10) Veru li għalissa Ġeħova ħalla lil Satana jaġixxi bħala “l-​alla taʼ din is-​sistema” sabiex jagħti tweġiba konvinċenti għall-​kwistjonijiet li qajjem dan l-​opponent. (2 Kor. 4:4; 1 Ġw. 5:19) Madankollu, Satana qatt ma setaʼ jmur lil hinn minn dak li jippermetti Ġeħova. (2 Kron. 20:6; qabbel Ġob 1:11,12; 2:3-​6.) U dejjem kien hemm xi individwi li għażlu li jissottomettu ruħhom lejn Alla, għalkemm kienu qed jgħixu f’dinja maħkuma mill-​Għadu l-​kbir t’Alla.

Il-​Ħakma t’Alla fuq Israel

5. X’wegħda għamel Israel lil Alla?

5 Minn żmien Abel sa żmien il-​patrijarki, diversi wħud leali qiemu lil Ġeħova u obdew il-​kmandi tiegħu. (Ebr. 11:4-​22) Fi żmien Mosè, Ġeħova daħal f’patt man-​nisel tal-​patrijarka Ġakobb u dan sar il-​ġens taʼ Israel. Fis-​sena 1513 Q.E.K., l-​Israelin wiegħdu li kemm huma u kemm id-​dixxendenti tagħhom kienu se jaċċettaw lil Ġeħova bħala Ħakkiem, billi qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.”—Eżo. 19:8.

6, 7. X’kienu ftit mill-​karatteristiki tal-​ħakma t’Alla fuq Israel?

6 Ġeħova kellu skop meta għażel lill-​Israelin biex ikunu l-​poplu tiegħu. (Aqra Dewteronomju 7:7, 8.) Din l-​għażla ma kinitx tinvolvi biss il-​benesseri tal-​Israelin. L-​isem t’Alla u s-​sovranità tiegħu wkoll kienu involuti, u dawn kienu taʼ sinifikat akbar. Israel kellu jaqdi bħala xhud għall-​fatt li Ġeħova hu l-​uniku Alla veru. (Is. 43:10; 44:6-​8) Għalhekk, Ġeħova qal lil dan il-​ġens: “Int poplu qaddis għal Ġeħova Alla tiegħek, u Ġeħova għażlek biex issir il-​poplu tiegħu, proprjetà speċjali, mill-​popli kollha li qegħdin fuq wiċċ l-​art.”—Dt. 14:2.

7 Il-​mod kif Alla ħakem lill-​Israelin wera konsiderazzjoni lejn l-​imperfezzjoni tagħhom. Fl-​istess ħin, il-​liġijiet tiegħu kienu perfetti u enfasizzaw il-​kwalitajiet tal-​Wieħed li tahomlhom. Il-​kmandamenti li Ġeħova ta permezz taʼ Mosè għamlu l-​qdusija t’Alla, l-​imħabba tiegħu għall-​ġustizzja, ix-​xewqa tiegħu li jaħfer, u l-​paċenzja tiegħu jispikkaw b’mod ċar. Iktar tard, fi żmien Ġożwè, il-​ġens obda l-​kmandamenti taʼ Ġeħova u gawda paċi u barkiet spiritwali. (Ġoż. 24:21, 22, 31) Dan il-​perijodu fl-​istorja taʼ Israel wera biċ-​ċar li l-​ħakma taʼ Ġeħova hi taʼ suċċess.

Il-​Ħakma Umana Tħallas Qares

8, 9. B’nuqqas t’għaqal, l-​Israelin għal xiex talbu u b’liema riżultati?

8 Madankollu, mal-​medda taż-​żmien, l-​Israelin taʼ spiss taw daharhom lill-​ħakma t’Alla u ġarrbu t-​telf tal-​protezzjoni tiegħu. Maż-​żmien, l-​Israelin qalu lil Ġeħova permezz tal-​profeta Samwel li riedu li jkollhom sultan uman li setgħu jarawh. Ġeħova qal lil Samwel biex jagħtihom dak li riedu. Imma, Ġeħova żied: “Mhux lilek ċaħdu, imma lili ċaħdu milli nkun sultan fuqhom.” (1 Sam. 8:7) Għalkemm Ġeħova ħalla lill-​Israelin ikollhom sultan li setgħu jarawh, hu wissiehom li kienu se jħallsu qares għall-​ħakma minn sultan uman.—Aqra l-1 Samwel 8:9-​18.

9 L-​istorja wriet kemm kienet minnha t-​twissija taʼ Ġeħova. Israel daħal fi problemi serji meta kien maħkum minn sultan uman, speċjalment meta dan is-​sultan ma kienx leali. Bl-​eżempju taʼ Israel f’moħħna, ma niskantawx li tul is-​sekli gvernijiet f’idejn bnedmin li ma jafux lil Ġeħova naqsu milli jġibu riżultati tajbin permanenti. Veru li xi politikanti jitolbu għall-​barka t’Alla fuq l-​isforzi tagħhom biex iġibu l-​paċi u s-​sigurtà, imma Alla kif jistaʼ jbierek lil dawk li ma jissottomettux ruħhom għall-​ħakma tiegħu?—Salm 2:10-​12.

Ġens Ġdid Taħt il-​Ħakma t’Alla

10. Għala kien hemm ġens ieħor li ħa post Israel bħala l-​ġens magħżul t’Alla?

10 Il-​ġens taʼ Israel wera li ma kienx lest li jaqdi lil Ġeħova bil-​lealtà. Iktar tard, dan il-​ġens ċaħad il-​Messija maħtur minn Alla, u Ġeħova ċaħad lilu u ddeċieda li minfloku jqiegħed grupp taʼ nies li fforma ġens ġdid. Għalhekk, fis-​sena 33 E.K. ġiet ifformata l-​kongregazzjoni Kristjana t’aduraturi midlukin. Din il-​kongregazzjoni fil-​fatt kienet ġens ġdid immexxi mill-​awtorità taʼ Ġeħova. Pawlu sejħilha “l-​Israel t’Alla.”—Gal. 6:16.

11, 12. Liema xebh hemm bejn Israel u “l-​Israel t’Alla” fejn tidħol it-​tmexxija?

11 Hemm differenzi kif ukoll xebh bejn il-​ġens oriġinali taʼ Israel u “l-​Israel [il-​ġdid] t’Alla.” Kuntrarju għal Israel tal-​qedem, il-​kongregazzjoni Kristjana m’għandhiex sultan uman u m’għandhiex għalfejn toffri sagrifiċċji t’annimali għan-​nom tal-​midinbin. Xebh wieħed bejn il-​ġens taʼ Israel u l-​kongregazzjoni Kristjana hu l-​arranġament taʼ rġiel ixjeħ, jew anzjani. (Eżo. 19:3-​8) Dawn l-​anzjani Kristjani ma jaħkmux lill-​merħla. Minflok, jirgħu l-​kongregazzjoni u b’mod ħabrieki jieħdu t-​tmexxija f’attivitajiet Kristjani. Huma jittrattaw bi mħabba, jagħtu unur, u juru dinjità lil kull individwu fil-​kongregazzjoni.—2 Kor. 1:24; 1 Pt. 5:2, 3.

12 Billi jimmeditaw fuq il-​mod kif Alla aġixxa maʼ Israel, membri tal-​“Israel t’Alla” u taʼ sħabhom in-​“nagħaġ oħrajn” ikabbru l-​apprezzament tagħhom għal Ġeħova u għall-​mod kif jaħkem. (Ġw. 10:16) Pereżempju, l-​istorja turi li l-​ħakkiema umani taʼ Israel influwenzaw bil-​kbir lis-​sudditi tagħhom, kemm għat-​tajjeb u kemm għall-​ħażin. Dan il-​fatt ifakkar lil dawk li qed jieħdu t-​tmexxija fost il-​Kristjani li għalkemm mhumiex ħakkiema, bħalma kienu dawk is-​slaten tal-​qedem, għandhom dejjem jagħtu eżempju tajjeb tal-​fidi.—Ebr. 13:7.

Kif Ġeħova Jaħkem Illum

13. Liema ġrajja importanti seħħet fl-​1914?

13 Il-​Kristjani llum iħabbru lid-​dinja li l-​ħakma tal-​bniedem fuq l-​umanità waslet fi tmiemha. Fl-​1914, Ġeħova waqqaf is-​Saltna tiegħu fis-​smewwiet taħt is-​Sultan maħtur tiegħu, Ġesù Kristu. F’dak iż-​żmien, ta lil Ġesù l-​awtorità biex imur “jirbaħ u jtemm ir-​rebħa tiegħu.” (Riv. 6:2) Dan is-​Sultan, li kien għadu kif ġie maħtur, intqallu: “Mur rażżan f’nofs l-​għedewwa tiegħek.” (Salm 110:2) B’dispjaċir, il-​ġnus b’mod konsistenti rrifjutaw li jissottomettu ruħhom għall-​ħakma taʼ Ġeħova. Huma baqgħu jaġixxu bħallikieku “m’hemmx Ġeħova.”—Salm 14:1.

14, 15. (a) Kif aħna mmexxijin mis-​Saltna t’Alla llum, u meta nqisu dan, liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna? (b) Kif naraw is-​superjorità tal-​ħakma t’Alla saħansitra llum?

14 Uħud mill-​membri midlukin tal-​“Israel t’Alla” għadhom hawn fuq l-​art, u bħala ħut Ġesù, dawn ikomplu jaġixxu bħala “ambaxxaturi li jissostitwixxu lil Kristu.” (2 Kor. 5:20) Huma ġew maħturin bħala l-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli biex jieħdu ħsieb u jipprovdu ikel spiritwali għall-​midlukin u għal folla li dejjem qed tikber taʼ Kristjani, li issa jgħoddu mal-​miljuni u li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. (Mt. 24:45-​47; Riv. 7:9-​15) Il-​barka taʼ Ġeħova fuq dan l-​arranġament tidher ċar mill-​prosperità spiritwali li jgawdu l-​aduraturi veri llum.

15 Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu: ‘Nagħraf bis-​sħiħ ir-​responsabbiltajiet li għandi nerfaʼ ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana? Qiegħed nappoġġa kif suppost il-​ħakma taʼ Ġeħova? Inħossni kburi li jien sudditu tas-​Saltna taʼ Ġeħova li qed taħkem issa? Determinat li safejn nistaʼ nibqaʼ ngħid lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla?’ Bħala grupp, minn jeddna nissottomettu ruħna għad-​direzzjoni li tagħtina l-​Ġemgħa li Tiggverna, u nikkooperaw mal-​anzjani maħturin fil-​kongregazzjonijiet. B’dawn il-​modi, nuru li naċċettaw il-​mod kif Alla jaħkem. (Aqra Ebrej 13:17.) Il-​fatt li aħna nissottomettu ruħna minn jeddna jsarraf f’unità globali li hija unika f’din id-​dinja maqsuma. Ukoll jipproduċi l-​paċi u s-​sewwa u jġib glorja lil Ġeħova, u b’hekk jintwera li l-​mod kif hu jaħkem hu tassew l-​aħjar.

Il-​Ħakma taʼ Ġeħova Rebbieħa

16. Liema deċiżjoni trid tittieħed minn kulħadd illum?

16 Iż-​żmien riesaq bil-​ħeffa biex il-​kwistjonijiet li nqalgħu fl-​Għeden jitranġaw. Għalhekk, issa hu l-​waqt biex in-​nies jieħdu deċiżjoni. Kull individwu għandu jiddeċiedi jekk hux se jaċċetta l-​mod kif jaħkem Ġeħova jew jekk hux se jżomm mal-​ħakma umana. Huwa l-​privileġġ tagħna li ngħinu lill-​ġwejdin jaslu għad-​deċiżjoni t-​tajba. Dalwaqt, f’Armageddon, il-​ħakma taʼ Ġeħova se tieħu post il-​gvernijiet umani li huma taħt l-​influwenza taʼ Satana għal dejjem. (Dan. 2:44; Riv. 16:16) Il-​ħakma umana se tintemm u s-​Saltna t’Alla se tirrenja fuq l-​art kollha. Fil-​veru sens tal-​kelma, il-​mod kif jaħkem Ġeħova se jintwera li hu sewwa u ġust.—Aqra Rivelazzjoni 21:3-​5.

17. Liema fatti jgħinu lil individwi ġwejdin biex jieħdu deċiżjoni tajba rigward il-​ħakma?

17 Dawk li għadhom ma ħadux deċiżjoni soda favur Ġeħova għandhom jikkunsidraw bit-​talb il-​benefiċċji li se ġġib magħha l-​ħakma t’Alla għall-​umanità. Il-​ħakma umana ma kinitx kapaċi ssolvi l-​problema tal-​kriminalità, li tinkludi t-​terroriżmu. Il-​ħakma t’Alla se tneħħi lill-​ħżiena kollha minn fuq l-​art. (Salm 37:1, 2, 9) Il-​ħakma tal-​bnedmin ġabet gwerer bla waqfien, imma l-​ħakma t’Alla se ‘twaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art.’ (Salm 46:9) Il-​ħakma t’Alla saħansitra se terġaʼ ġġib il-​paċi bejn il-​bnedmin u l-​annimali! (Is. 11:6-​9) Il-​faqar u l-​ġuħ minn dejjem kienu xi ħaġa li narawha kuljum taħt il-​ħakma umana, imma l-​ħakma t’Alla se tneħħihom darba għal dejjem. (Is. 65:21) Anki dawk il-​ħakkiema umani li għandhom motivi tajbin ma rnexxilhomx ineħħu l-​mard u l-​mewt, imma taħt il-​ħakma t’Alla dawk imdaħħlin fiż-​żmien u l-​morda se jitgħaxxqu meta jerġgħu jiksbu s-​saħħa taż-​żgħożija. (Ġob 33:25; Is. 35:5, 6) Tabilħaqq, id-​dinja se ssir ġenna tal-​art fejn saħansitra se jkun hemm irxoxt tal-​mejtin.—Lq. 23:43; Atti 24:15.

18. Kif nistgħu nuru li nemmnu li l-​mod kif Alla jaħkem hu l-​aqwa wieħed?

18 Il-​ħakma t’Alla verament se tneħħi l-​ħsara kollha li għamel Satana meta influwenza lill-​ewwel ġenituri tagħna biex jagħtu daharhom lill-​Ħallieq tagħhom. U kkunsidra li Satana ilu jagħmel il-​ħsara għal xi 6,000 sena, imma Alla, permezz taʼ Kristu, se jneħħi din il-​ħsara kollha f’1,000 sena biss! X’turija eċċellenti li l-​mod taʼ ħakma t’Alla hu superjuri! Bħala Xhieda tal-​Alla tagħna, aħna naċċettawh bħala l-​Ħakkiem tagħna. Għalhekk, ejja nuru kull jum, tabilħaqq kull siegħa, taʼ ħajjitna li aħna aduraturi taʼ Ġeħova, sudditi taʼ Saltnatu, u kburin li aħna x-​Xhieda tiegħu. U ejja nużaw kull opportunità biex ngħidu ’l kull min lest li jismaʼ li l-​mod kif jaħkem Ġeħova hu tassew l-​aqwa wieħed.

X’Tgħallimna Dwar il-​Ħakma t’Alla mill-​Qari taʼ . . .

Dewteronomju 7:7, 8?

• l-​1 Samwel 8:9-​18?

Ebrej 13:17?

Rivelazzjoni 21:3-​5?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 29]

Ġeħova qatt ma ċeda l-​ħakma tiegħu

[Stampa f’paġna 31]

Il-​fatt li nissottomettu ruħna minn jeddna lejn il-​mod kif jaħkem Ġeħova jsarraf f’unità globali