Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Uża Kull Ġurnata taʼ Ħajtek għall-Glorja t’Alla

Uża Kull Ġurnata taʼ Ħajtek għall-Glorja t’Alla

Uża Kull Ġurnata taʼ Ħajtek għall-​Glorja t’Alla

“FIL-​GĦODU agħmel li nismaʼ l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek,” talab is-​salmista David lil Ġeħova. “Għarrafni t-​triq li għandi nimxi fiha.” (Salm 143:8) Meta tqum u tirringrazzja lil Ġeħova għal ġurnata ġdida taʼ ħajja, tagħmel int bħal David, billi titlob bil-​ħniena lil Ġeħova biex jiggwidak fid-​deċiżjonijiet li tieħu u biex tagħmel l-​aħjar għażliet? Mingħajr dubju hekk tagħmel.

Bħala qaddejja dedikati taʼ Ġeħova, ‘jekk nieklu jew nixorbu jew nagħmlu xi ħaġa oħra,’ aħna nistinkaw biex ‘nagħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.’ (1 Kor. 10:31) Aħna nirrealizzaw li l-​mod kif ngħixu l-​ħajja taʼ kuljum jew se jonora lil Ġeħova jew se jiddiżonorah. Niftakru wkoll li l-​Kelma t’Alla tgħid li Satana qed jakkuża lil ħut Kristu—u, fil-​fatt, lill-​qaddejja kollha t’Alla fuq l-​art—“lejl u nhar.” (Riv. 12:10) Għalhekk, aħna determinati li nwieġbu l-​akkużi foloz taʼ Satana u nferrħu qalb Ġeħova, billi nagħtu servizz sagru lil Missierna tas-​sema “lejl u nhar.”—Riv. 7:15; Prov. 27:11.

Ejja nikkunsidraw fil-​qosor żewġ modi importanti kif nistgħu nużaw kull ġurnata taʼ ħajjitna għall-​glorja t’Alla. L-​ewwel mod jinvolvi li nagħmlu prijoritajiet xierqa u t-​tieni li nuru konsiderazzjoni lejn oħrajn.

Ngħixu fi Qbil mal-​Wegħda Tagħna

Billi ddedikajna ruħna lil Ġeħova, aħna wrejna x-​xewqa sinċiera tagħna li naqduh. Aħna wegħedna wkoll lil Ġeħova li se nimxu fil-​mogħdijiet tiegħu “jum wara l-​ieħor”—iva, għal dejjem. (Salm 61:5, 8) Imma kif nistgħu ngħixu fi qbil maʼ dik il-​wegħda? Kif nuru li nħobbu lil Ġeħova b’qalbna kollha kuljum?

Il-​Kelma t’Alla tidentifika b’mod ċar ir-​responsabbiltajiet li Ġeħova jistenniena nwettqu. (Dt. 10:12, 13) Ftit minn dawn huma miktubin fil-​kaxxa bit-​titlu “ Responsabbiltajiet Mogħtijin Minn Alla,” f’paġna 22. Dawn l-​inkarigi kollha ngħataw minn Alla, u b’hekk huma importanti. Kif se niddeċiedu liema waħda għandha tingħata prijorità meta tnejn jew iktar ikunu jeħtieġu l-​attenzjoni tagħna fl-​istess ħin?

Aħna nagħtu prijorità lis-​servizz sagru tagħna li jinkludi l-​istudju tal-​Bibbja, it-​talb, il-​laqgħat Kristjani, u l-​ministeru. (Mt. 6:33; Ġw. 4:34; 1 Pt. 2:9) Madankollu, l-​attivitajiet spiritwali ma jistgħux jiħdulna l-​ħin kollu tal-​ġurnata. Irridu nsibu ħin ukoll għall-​impjieg, l-​iskola, u d-​diversi xogħlijiet tad-​dar. Minkejja dan, aħna nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nirranġaw ix-​xogħol sekulari u attivitajiet oħrajn b’tali mod li ma jtellfux is-​servizz sagru tagħna, bħal li nattendu l-​laqgħat Kristjani. Pereżempju, meta nippjanaw vaganza nagħmlu żgur li ma nitilfux iż-​żjara tal-​indokratur tas-​circuit, il-​jum t’assemblea speċjali, l-​assemblea tas-​circuit, jew il-​konvenzjoni distrettwali. Kultant nistgħu ngħaqdu xi ftit mir-​responsabbiltajiet tagħna flimkien. Pereżempju, nistgħu nagħmlu t-​tindif tas-​Sala tas-​Saltna bħala proġett tal-​familja, jew nużaw il-​brejk tax-​xogħol jew tal-​iskola biex nagħtu xhieda lill-​kollegi jew lill-​istudenti sħabna. Tabilħaqq, kull meta jkollna bżonn nagħmlu għażla f’ħajjitna—bħal li nsibu xogħol, nagħżlu x’edukazzjoni se nieħdu, jew l-​għażla tal-​ħbieb—irridu li d-​deċiżjonijiet tagħna jkunu influwenzati mill-​akbar prijorità tagħna fil-​ħajja—il-​qima lil Ġeħova, Missierna kollu mħabba.—Ekk. 12:13.

Uri Konsiderazzjoni Lejn Oħrajn

Ġeħova jridna nuru konsiderazzjoni lejn oħrajn u nagħmlulhom il-​ġid. Satana, min-​naħa l-​oħra, jippromwovi l-​egoiżmu. Id-​dinja tiegħu hi mimlija nies li “jħobbu lilhom infushom” u “jħobbu l-​pjaċiri,” kif ukoll nies li ‘qed jiżirgħu għal laħamhom.’ (2 Tim. 3:1-​5; Gal. 6:8) Ħafna nies ftit li xejn jaħsbu dwar l-​effetti li l-​azzjonijiet tagħhom ikollhom fuq oħrajn. “L-​għemejjel tal-​laħam” jidhru ċari kullimkien.—Gal. 5:19-​21.

Kemm hi differenti l-​attitudni taʼ dawk li, imqanqlin mill-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, juru mħabba, qalb tajba, u tjubija meta jittrattaw m’oħrajn! (Gal. 5:22) Il-​Kelma t’Alla tgħidilna biex niffokaw fuq il-​bżonnijiet t’oħrajn qabel ma niffokaw fuq tagħna. Għalhekk, għandna nuru interess f’xulxin, imma rridu noqogħdu attenti li ma nindaħlux f’affarijiet persunali. (1 Kor. 10:24, 33; Flp. 2:3, 4; 1 Pt. 4:15) Aħna nuru konsiderazzjoni b’mod partikulari lejn sħabna fit-​twemmin. Xorta waħda, nistinkaw biex inkunu t’għajnuna għal dawk li m’għandhomx l-​istess twemmin tagħna. (Gal. 6:10) Illum, tistaʼ tfittex opportunità biex turi qalb tajba maʼ xi ħadd li tiltaqaʼ miegħu?—Ara l-​kaxxa “ Urihom Konsiderazzjoni,” f’paġna 23.

M’għandniex nuru konsiderazzjoni biss f’xi żmien speċjali jew f’sitwazzjoni partikulari. (Gal. 6:2; Efes. 5:2; 1 Tess. 4:9, 10) Minflok, kuljum nipprovaw inkunu konxji taċ-​ċirkustanzi t’oħrajn u nkunu lesti li ngħinuhom jekk ikollhom bżonn. Nagħmlu dan anki meta forsi jkun skomdu għalina. Aħna rridu nkunu ġenerużi b’dak kollu li għandna għad-​dispożizzjoni tagħna—il-​ħin, l-​affarijiet materjali, l-​esperjenza, u l-​għerf tagħna. Aħna għandna l-​assiguranza taʼ Ġeħova li meta nkunu ġenerużi m’oħrajn, hu jkun ġeneruż magħna.—Prov. 11:25; Lq. 6:38.

Servizz Sagru “Lejl u Nhar”

Huwa tassew possibbli li nagħtu servizz sagru lil Ġeħova “lejl u nhar”? Iva, jekk inkunu regulari u diliġenti fl-​aspetti kollha tal-​qima tagħna. (Atti 20:31) Aħna nistgħu nimlew ħajjitna bis-​servizz sagru billi naqraw il-​Kelma t’Alla u nimmeditaw fuqha kuljum, nitolbu bla waqfien, nistinkaw biex nattendu l-​laqgħat kollha, u billi nieħdu kull opportunità biex nagħtu xhieda.—Salm 1:2; Lq. 2:37; Atti 4:20; 1 Tess. 3:10; 5:17.

Qegħdin aħna personalment nagħtu servizz sagru lil Ġeħova? Jekk iva, ix-​xewqa tagħna biex nogħġbuh u nagħtu tweġiba lill-​akkużi taʼ Satana se tkun riflessa fl-​aspetti kollha tal-​ħajja taʼ kuljum tagħna. Aħna nistinkaw biex nagħtu glorja lil Ġeħova f’kulma nagħmlu u f’kull sitwazzjoni li nsibu ruħna fiha. Aħna nħallu l-​prinċipji tiegħu jiggwidaw il-​kliem u l-​kondotta tagħna u jiggwidawna fid-​deċiżjonijiet li nieħdu. Aħna nuru l-​apprezzament tagħna għall-​mod kif jieħu ħsiebna u jappoġġana bl-​imħabba billi jkollna fiduċja sħiħa fih u nużaw is-​saħħa li jkollna fis-​servizz tiegħu. U nilqgħu l-​pariri u d-​dixxiplina tiegħu meta, minħabba l-​imperfezzjonijiet tagħna, ma nilħqux il-​livelli tiegħu.—Salm 32:5; 119:97; Prov. 3:25, 26; Kol. 3:17; Ebr. 6:11, 12.

Ejja nkomplu ngħixu kull ġurnata għall-​glorja t’Alla. Billi nagħmlu dan, aħna se nsibu serħan għal ruħna u se ngawdu l-​mod kif Missierna tas-​sema jieħu ħsiebna bi mħabba għal dejjem.—Mt. 11:29; Riv. 7:16, 17.

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 22]

 Responsabbiltajiet Mogħtijin Minn Alla

• Itlob spiss.—Rum. 12:12.

• Aqra u studja l-​Bibbja u applika personalment dak li titgħallem minnha.—Salm 1:2; 1 Tim. 4:15.

• Qim lil Ġeħova fil-​kongregazzjoni.—Salm 35:18; Ebr. 10:24, 25.

• Ħu ħsieb il-​membri tal-​familja tiegħek materjalment, spiritwalment, u emozzjonalment.—1 Tim. 5:8.

• Ipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna, u agħmel dixxipli.—Mt. 24:14; 28:19, 20.

• Ħu ħsieb is-​saħħa fiżika, spiritwali, u emozzjonali tiegħek, li jinkludi wkoll li tippjana rikreazzjoni bnina.—Mk. 6:31; 2 Kor. 7:1; 1 Tim. 4:8, 16.

• Ħu ħsieb ir-​responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni.—Atti 20:28; 1 Tim. 3:1.

• Ħu ħsieb id-​dehra tad-​dar u tas-​Sala tas-​Saltna tiegħek.—1 Kor. 10:32.

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 23]

 Urihom Konsiderazzjoni

• Aħwa mdaħħlin fiż-​żmien.—Lev. 19:32.

• Xi ħadd li qed isofri minn marda fiżika jew emozzjonali.—Prov. 14:21.

• Membru tal-​kongregazzjoni li għandu bżonn urġenti taʼ xi ħaġa li tistaʼ tipprovdilu.—Rum. 12:13.

• Membru tal-​familja tiegħek.—1 Tim. 5:4, 8.

• Ħu li mititlu l-​mara.—1 Tim. 5:9.

• Anzjan li jaħdem iebes fil-​kongregazzjoni tiegħek.—1 Tess. 5:12, 13; 1 Tim. 5:17.