Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Inhi l-Verità Dwar is-Sema?

X’Inhi l-Verità Dwar is-Sema?

X’Inhi l-​Verità Dwar is-​Sema?

KEMM jinstemaʼ sabiħ il-​prospett li wieħed imur fis-​sema! Il-​Musulmani, il-​Ħindu, il-​Buddisti, il-​membri tal-​knisja tal-​Kristjaneżmu, u saħansitra ħafna nies li mhumiex interessati fir-​reliġjon, ilkoll iħaddnu forom differenti taʼ twemmin dwar it-​tama taʼ ħajja wara l-​mewt. Ġeneralment, wieħed jimmaġina li s-​sema hu post taʼ ġmiel u pjaċir fejn in-​nies isibu serħan mit-​tbatija, u fejn jerġgħu jingħaqdu mal-​“għeżież tagħhom li mietu.” Madankollu, xorta waħda ħafna mill-​bnedmin jemmnu f’dan il-​qawl antik: Kulħadd jixtieq imur fis-​sema, iżda ħadd ma jrid imut biex imur hemm. Għala?

Kieku ġejna maħluqin biex immutu u mmorru fis-​sema, kieku iktar nies kienu jħarsu ’l quddiem lejn dan il-​prospett, bħalma tifel iħares ’il quddiem biex jikber, jew bħalma żagħżugħ iħares ’il quddiem biex isib is-​sieħba ideali. Iżda ħafna min-​nies ma jridux imutu.

Madankollu, xi predikaturi jistqarru li wara l-​ħajja qasira tagħna fuq l-​art, is-​sema hu l-​post fejn suppost ngħixu. Pereżempju, Theodore Edgar Cardinal McCarrick, l-​arċisqof emeritus taʼ Washington, D.C., ġie kwotat li qal: “Aħna ma ġejniex maħluqin biex ngħixu din il-​ħajja. Aħna maħluqin għas-​sema.” B’mod simili, eks president tal-​Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-​Evanġelisti fl-​Istati Uniti, ġie kwotat li qal: “L-​iskop tal-​ħajja hu li nigglorifikaw lil Alla u mmorru fis-​sema . . . għax postna hu fis-​sema.”

Dawk li jemmnu li wara l-​mewt imorru fis-​sema spiss jibbażaw il-​fidi tagħhom fuq informazzjoni fjakka. George Barna, president taʼ kumpanija li tagħmel riċerki fuq l-​opinjonijiet reliġjużi, sab li ħafna nies jadottaw “opinjonijiet dwar il-​ħajja u dwar il-​ħajja wara l-​mewt ibbażati fuq ideat li ġejjin minn diversi sorsi, bħal pereżempju l-​films, il-​mużika, u n-​novelli.” Mexxej Episkopaljan fi Florida ġie kwotat li qal: “Ma nafu xejn dwar is-​sema ħlief li s-​sema hu fejn jinsab Alla.”

Madankollu, is-​sema huwa suġġett diskuss fil-​Bibbja. Il-​Kelma t’Alla kif tiddeskrivih is-​sema? Kien il-​bniedem maħluq biex jgħix fis-​sema? Jekk inhu minnu li n-​nies imorru fis-​sema, x’joqogħdu jagħmlu hemmhekk?

[Kumment f’paġna 3]

Għala ħafna nies jixtiequ jmorru fis-​sema, iżda ftit nies jixtiequ jmutu biex imorru hemm?