Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Tip taʼ Post Hu s-Sema?

X’Tip taʼ Post Hu s-Sema?

X’Tip taʼ Post Hu s-​Sema?

XI NIES jaħsbu li huwa impossibbli tkun taf dwar is-​sema għax ħadd qatt ma niżel minn hemm biex jgħidilna dwaru. Forsi nsew li Ġesù qal: “Inżilt mis-​sema.” (Ġwanni 6:42) Ukoll, lil xi mexxejja reliġjużi qalilhom: “Intom mill-​oqsma taʼ taħt; jien mill-​oqsma taʼ fuq.” (Ġwanni 8:23) Ġesù x’qal dwar is-​sema?

Ġesù kkonferma li s-​sema hu l-​post fejn jgħix Ġeħova. Hu sejjaħ lil Alla “Missieri li hu fis-​sema.” (Mattew 12:50) Imma Ġesù uża l-​kelma “sema” f’iktar minn sens wieħed. Pereżempju, hu rrefera għall-​atmosfera tal-​art bħala “sema” meta qal: “Osservaw bir-​reqqa l-​għasafar tas-​sema.” (Mattew 6:26) Iżda Ġeħova jgħix ’il fuq mill-​atmosfera. Il-​Bibbja tgħid: “Hemm Wieħed li jgħammar ’il fuq miċ-​ċirku taʼ l-​art.”—Isaija 40:22.

Qiegħed il-​‘Missier li hu fis-​semaʼ jgħix fost il-​kwiekeb tas-​sema? Fl-​Iskrittura Mqaddsa, l-​univers letterali jissejjaħ ukoll “sema.” Pereżempju, wieħed mis-​salmisti kiteb: “Meta nara s-​smewwiet tiegħek, għemil subgħajk, il-​qamar u l-​kwiekeb li int ħejjejt, x’inhu l-​bniedem mortali biex iżżommu f’moħħok?”—Salm 8:3, 4.

Le, Alla Ġeħova m’għandux għalfejn jgħix fl-​univers letterali li ħalaq hu stess, daqskemm mastrudaxxa m’għandux għalfejn jgħix fi gwardarobba li jagħmel hu stess. Għalhekk, meta s-​Sultan Salamun iddedika t-​tempju f’Ġerusalemm lil Ġeħova, hu qal: “Tassew li Alla se jgħammar fuq l-​art? Ara! Is-​smewwiet infushom, iva, is-​sema tas-​smewwiet, ma jesgħukx; kemm inqas, mela, din id-​dar li bnejt jien!” (1 Slaten 8:27) Jekk Ġeħova ma jgħammarx fis-​sema letterali, allura fejn jgħix?

Għalkemm il-​bniedem studja s-​sema letterali b’teleskopji sofistikati, u xi wħud saħansitra vvjaġġaw fl-​ispazju, dak li tgħid il-​Bibbja hu minnu: “Ebda bniedem ma ra lil Alla f’xi żmien.” (Ġwanni 1:18) Ġesù spjega għala meta qal: “Alla hu Spirtu.”—Ġwanni 4:24.

Spirtu hu forma taʼ ħajja, ogħla minn dik taʼ bniedem. Spirtu mhuwiex magħmul minn elementi fiżiċi, bħalma huma d-​demm u l-​laħam, li jistgħu jidhru u jinħassu permezz tas-​sensi tal-​bniedem. Għalhekk, meta Ġesù qal li kien jgħix ħdejn Missieru fis-​“sema,” hu ried jgħid li kellu forma taʼ ħajja li kienet iktar glorjuża minn kwalunkwe forma fiżika taʼ ħajja. (Ġwanni 17:5; Filippin 3:20, 21) Dan il-​qasam tal-​ispirti, fejn Ġesù kien jgħix maʼ Missieru, hu dak li l-​Bibbja ssejjaħlu “sema.” X’jiġri fis-​sema, u kif inhu?

Post taʼ Attività Pjaċevoli

Il-​Bibbja tiddeskrivi s-​sema bħala post taʼ attività kbira. Din issemmi mijiet taʼ miljuni taʼ ħlejjaq spirti leali li jgħixu hemmhekk. (Danjel 7:9, 10) Kull wieħed minn dawn il-​ħlejjaq għandu l-​personalità individwali tiegħu. Dan kif nafuh? Fil-​ħolqien kollu li jidher, l-​ebda żewġ ħlejjaq mhuma eżatt bħal xulxin, u b’hekk nistgħu nkunu ċerti li fis-​sema hemm varjetà kbira wkoll. Taʼ min jinnota li dawn il-​persunaġġi kollha tas-​sema jaħdmu għalenija f’unità, u b’hekk huma f’kuntrast ammirevoli mal-​art illum, fejn in-​nies rari jikkooperaw tajjeb.

Innota kif il-​Bibbja tiddeskrivi l-​attività fis-​sema. “Bierku lil Ġeħova, O anġli tiegħu, setgħanin fil-​qawwa, li qed twettqu kelmtu, billi tisimgħu minn leħen kelmtu. Bierku lil Ġeħova, armati kollha tiegħu, ministri tiegħu, li qed tagħmlu r-​rieda tiegħu.” (Salm 103:20, 21) Għalhekk, fis-​sema qed isir ħafna xogħol. Nistgħu nkunu ċerti li dan ix-​xogħol hu sodisfaċenti.

L-​anġli ilhom jaqdu lil Alla f’servizz hieni saħansitra sa minn qabel inħalqet l-​art. Skont l-​Iskrittura, meta Ġeħova sejjes l-​art, ulied Alla “għajtu bil-​ferħ flimkien” u “bdew jgħajtu b’tifħir.” (Ġob 38:4, 7) Wieħed mill-​ulied li Alla għandu fis-​sema saħansitra kellu l-​privileġġ li jaħdem spalla maʼ spalla m’Alla fil-​ħolqien tal-​affarijiet l-​oħrajn kollha. (Kolossin 1:15-​17) Din id-​deskrizzjoni mill-​isbaħ dwar l-​attività taʼ ferħ fis-​sema tistaʼ tqajjem xi mistoqsijiet f’moħħok dwar is-​sema u l-​bnedmin.

Kienu l-​Bnedmin Maħluqin Biex Imorru fis-​Sema?

Peress li l-​anġli kienu qed jaqdu lil Alla fis-​sema qabel it-​tisjis tal-​art, b’mod ċar, l-​ewwel raġel u mara ma kinux maħluqin biex joktru u jimlew is-​smewwiet. Minflok, Alla qal lill-​ewwel koppja umana: “Nisslu u oktru u imlew l-​art.” (Ġenesi 1:28; Atti 17:26) Adam kien l-​ewwel wieħed b’sura ġdida taʼ ħajja fuq l-​art, kapaċi jagħraf lil Alla u jaqdih fedelment. Hu kellu jsir missier razza taʼ bnedmin li kellhom jgħixu fuq l-​art. “Is-​smewwiet—ta’ Ġeħova huma s-​smewwiet, imma l-​art taha lil ulied il-​bnedmin.”—Salm 115:16.

Normalment, in-​nies ma jkunux iridu jmutu; il-​mewt mhijiex naturali għall-​bnedmin. Lil Adam, Alla qatt ma semmielu l-​mewt; semmihielu biss bħala l-​kastig tad-​diżubbidjenza. Kieku Adam obda ma kien imut qatt.—Ġenesi 2:17; Rumani 5:12.

Mela mhux taʼ b’xejn li ma nsibu mkien fejn Alla qal lil Adam li hu kellu jmur fis-​sema. Għalhekk, l-​art ma kellhiex tkun xi post fejn in-​nies iridu jgħaddu minn prova biex juru jekk humiex denji li jmorru fis-​sema. Il-​bniedem kien maħluq biex jgħix għal dejjem fuq l-​art, u dan l-​iskop t’Alla għad irid jitwettaq. Il-​Bibbja twiegħed li “l-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) B’mod ċar, il-​bnedmin ma kinux maħluqin biex imorru fis-​sema. Mela Ġesù għala wegħedhom ħajja fis-​sema lill-​appostli tiegħu? Ried Ġesù jfisser li n-​nies tajbin kollha se jmorru fis-​sema?