Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

Il-​Bibbja Tbiddel il-​Ħajjiet

X’QANQAL lil wieħed Rastafaru jaqtaʼ x-​xagħar twil tiegħu (dreadlocks) u jegħleb il-​preġudizzju tiegħu kontra l-​bojod? U x’għen lil żagħżugħ vjolenti li kien jiġbor il-​flus għal traffikanti tad-​droga biex ibiddel ħajtu? Ikkunsidra x’għandhom xi jgħidu dawn l-​individwi.

“Saħansitra Għelibt il-​Preġudizzju Tiegħi.”—HAFENI NGHAMA

ETÀ: 34

POST TAT-​TWELID: ZAMBJA

STORJA: RASTAFARU

IL-​PASSAT TIEGĦI: Jien twilidt f’kamp tar-​refuġjati fiz-​Zambja. Ommi kienet ħarbet min-​Namibja matul żmien taʼ gwerra u kienet ngħaqdet mal-​Organizzazzjoni tan-​Nies mil-​Lbiċ tal-​Afrika (SWAPO). Din l-​organizzazzjoni kienet qed tiġġieled kontra r-​reġim tal-​Afrika taʼ Isfel li kien jaħkem in-​Namibja dak iż-​żmien.

Matul l-​ewwel 15-​il sena taʼ ħajti għext f’diversi kampijiet tar-​refuġjati. Iż-​żgħażagħ fil-​kampijiet tas-​SWAPO kienu jiġu mgħallmin li għandhom imexxu ’l quddiem il-​moviment tal-​liberazzjoni. Konna niġu mġegħlin nemmnu l-​ideat politiċi tagħhom u niġu mgħallmin nobogħdu l-​bojod.

Meta kelli 11-​il sena ridt nagħmel il-​griżma bħala Kristjan fi knisja tal-​kamp li kienet taħlita taʼ Kattoliċi Rumani, Luterani, Anglikani, u oħrajn. Il-​kappillan li kellimt skuraġġieni milli nieħu dan il-​pass. Minn dakinhar ’il quddiem, sirt ateu fit-​twemmin tiegħi. Però, fl-​età taʼ 15-​il sena, l-​imħabba tiegħi għall-​mużika reggae u x-​xewqa tiegħi li nneħħi ftit mill-​inġustizzji li sofrew l-​Afrikani suwed wassluni biex ningħaqad mal-​moviment Rastafaru. Tawwalt xagħri, pejjipt il-​marijuana, ma bqajtx niekol il-​laħam, u ġġilidt għal-​libertà tas-​suwed. Madankollu, ma biddiltx il-​ħajja immorali tiegħi, bqajt nara films vjolenti, u komplejt nuża kliem baxx.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Fl-​1995, meta kelli madwar 20 sena, bdejt naħseb bis-​serjetà dwar x’ridt nagħmel b’ħajti. Kont qed nistudja l-​pubblikazzjonijiet Rastafari kollha li stajt insib. Xi ftit minn dawn irreferew għall-​Bibbja, imma l-​ispjegazzjonijiet m’għamlux sens għalija. Għalhekk, iddeċidejt li naqra l-​Bibbja personalment.

Iktar tard, ħabib Rastafaru tani ktejjeb għall-​istudju tal-​Bibbja pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Waħdi studjajt din il-​pubblikazzjoni flimkien mal-​Bibbja. Iktar tard, iltqajt max-​Xhieda taʼ Ġeħova u komplejt l-​istudju tal-​Bibbja tiegħi magħhom.

Bi sforz kbir, waqaft inpejjep u nixrob iżżejjed. (2 Korintin 7:1) Irranġajt id-​dehra tiegħi, qtajt xagħri, ma bqajtx nara l-​pornografija u l-​films vjolenti, u żammejt lura milli nuża kliem baxx. (Efesin 5:3, 4) Maż-​żmien, saħansitra għelibt il-​preġudizzju tiegħi kontra l-​bojod. (Atti 10:34, 35) Biex nagħmel dawn il-​bidliet kelli neħles mill-​mużika li kienet tinkuraġġixxi r-​razziżmu u nieqaf nissieħeb maʼ dawk li qabel kienu sħabi, li kienu jipprovaw jinfluwenzawni biex nerġaʼ naqaʼ fl-​istil taʼ ħajja li kelli qabel.

Wara li għamilt dawn il-​bidliet, fittixt Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova u staqsejt jekk stajtx ningħaqad mar-​reliġjon tagħhom. Inbeda studju tal-​Bibbja miegħi. Meta ddeċidejt li nitgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, il-​familja tiegħi ma ħaditx pjaċir. Ommi qaltli biex nagħżel kwalunkwe reliġjon “Kristjana” oħra imma mhux ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Wieħed mill-​qraba tiegħi, li kien membru prominenti tal-​gvern, ikkritikani kontinwament minħabba d-​deċiżjoni tiegħi li nassoċja max-​Xhieda.

Madankollu, il-​fatt li tgħallimt dwar kif Ġesù ttratta man-​nies u mbagħad applikajt il-​pariri tiegħu ġejt megħjun biex inkampa mal-​oppożizzjoni u t-​twaqqigħ għaċ-​ċajt. Meta qabbilt dak li jgħallmu x-​Xhieda maʼ dak li tgħid il-​Bibbja, kont konvint li sibt ir-​reliġjon vera. Pereżempju, dawn isegwu l-​kmand Bibliku biex jippritkaw lil oħrajn. (Mattew 28:19, 20; Atti 15:14) U ma jinvolvux ruħhom fil-​politika.—Salm 146:3, 4; Ġwanni 15:17, 18.

KIF IBBENEFIKAJT: Peress li tgħallimt ngħix fi qbil mal-​livelli Bibliċi ġejt megħjun b’modi prattiċi. Pereżempju, minħabba li ma bqajtx inpejjep il-​marijuana rnexxieli ma nberbaqx mijiet taʼ dollari kull xahar. M’għadux ikolli alluċinazzjonijiet, u s-​saħħa mentali u s-​saħħa fiżika tiegħi tjiebu.

Ħajti issa għandha d-​direzzjoni u l-​iskop li kont ixxennaqt għalihom minn mindu kont għadni żagħżugħ. U fuq kollox, issa nħoss li rnexxieli nersaq qrib lejn Alla.—Ġakbu 4:8.

“Tgħallimt Nikkontrolla r-​Rabja Tiegħi.”—MARTINO PEDRETTI

ETÀ: 43

POST TAT-​TWELID: AWSTRALJA

STORJA: TRAFFIKANT TAD-​DROGA

IL-​PASSAT TIEGĦI: Meta kont qed nikber, il-​familja tiegħi spiss kienet tiċċaqlaq minn post għall-​ieħor. Għext fi bliet żgħar, f’belt kbira, u għal xi żmien f’missjoni tal-​aboriġini fi nħawi iżolati. Għandi memorji sbieħ taʼ dak iż-​żmien mal-​kuġini u z-​zijiet tiegħi—nistad, nikkaċċja, nagħmel il-​bumerangs, u nnaqqax affarijiet oħrajn.

Missieri kien bokser u beda jgħallimni niġġieled minn meta kont żgħir ħafna. Kont niġġieled taʼ spiss. Fis-​snin tal-​adoloxxenza tiegħi, qattajt ħafna ħin nixrob fi ħwienet tax-​xorb. Jien u sħabi konna nfittxuh il-​ġlied. Konna nużaw skieken u pali tal-​baseball biex nattakkaw grupp taʼ 20 persuna jew iktar.

Kont naqlaʼ l-​flus billi nbigħ id-​droga u affarijiet misruqin minn nies li kienu jaħdmu fuq il-​moll. Kont ukoll niġbor il-​flus għal xi traffikanti tad-​droga u kont nintimida n-​nies għalihom, billi nuża snieter u pistoli. Il-​mira tiegħi kienet li nsir assassin. Il-​motto tiegħi kien, Oqtol jew joqtluk.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Kont smajt dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova meta kont qed nikber. Meta kelli ftit iktar minn 20 sena, niftakar li staqsejt lil ommi jekk kinitx taf fejn kien hemm xi ħadd minnhom. Jumejn wara, Xhud jismu Dixon ħabbatli l-​bieb. Wara li konna tkellimna ftit, hu stidinni għal laqgħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Mort għal dik il-​laqgħa u issa ili nattendi dawn il-​laqgħat għal iktar minn 20 sena. Kull mistoqsija li kelli, ix-​Xhieda setgħu jwiġbuhieli mill-​Bibbja.

Ħadt pjaċir nitgħallem li Ġeħova hu interessat f’individwi, saħansitra f’dawk li huma mbegħdin minnu. (2 Pietru 3:9) Sirt naf li hu Missier kollu mħabba li kien se jieħu ħsiebi, anki meta ħadd ma kien se jagħmel dan. Serraħt moħħi wkoll meta sirt naf li kien se jaħfer id-​dnubiet tiegħi jekk inbiddel il-​modi tiegħi. Il-​versi Bibliċi f’​Efesin 4:22-​24 kellhom impatt kbir fuqi. Din is-​silta inkuraġġietni biex ‘ninżaʼ l-​personalità l-​qadima’ u biex ‘nilbes il-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla.’

Ma biddiltx ħajti mil-​lejl għan-​nhar. Kont ngħaddi l-​ġimgħa mingħajr ma mmiss id-​droga, imma fi tmiem il-​ġimgħa, meta kont inkun maʼ sħabi, kont inċedi. Irrealizzajt li kien se jkolli nitlaq minn ħdejn dawk li kont nissieħeb magħhom jekk ridt innaddaf ħajti, u għalhekk iddeċidejt li mmur noqgħod fi stat ieħor. Xi ħbieb offrew biex jiġu miegħi fuq il-​vjaġġ, u jien aċċettajt. Matul il-​vjaġġ, bdew ipejpu l-​marijuana u offrewli ftit. Għedtilhom li kont qed inħalli dawk il-​vizzji warajja, u nfridna minn maʼ xulxin fil-​fruntiera bejn stat u ieħor. Iktar tard sirt naf li ftit wara sħabi serqu bank, billi użaw senter isserrat.

KIF IBBENEFIKAJT: Ladarba waqaft nissieħeb maʼ dawk il-​ħbieb, sibtha ħafna iktar faċli biex nagħmel il-​bidliet meħtiġin f’ħajti. Fl-​1989, sirt Xhud mgħammed. Wara li tgħammidt, missieri, ommi, u oħti kollha ngħaqdu miegħi f’li naqdu lil Ġeħova.

Issa ili miżżewweġ 17-​il sena u għandi tlett itfal mill-​isbaħ. Tgħallimt nikkontrolla r-​rabja tiegħi, anki meta niġi provokat. U tgħallimt inħobb lin-​nies minn kull ‘tribù, razza, u lsien.’ (Rivelazzjoni 7:9) Inħoss li kliem Ġesù twettaq fil-​każ tiegħi. Hu qal: “Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.”—Ġwanni 8:31, 32.

[Kumment f’paġna 27]

Biex nagħmel dawn il-​bidliet kelli neħles mill-​mużika li kienet tinkuraġġixxi r-​razziżmu

[Kumment f’paġna 28]

Jien u sħabi konna nfittxuh il-​ġlied. Konna nużaw skieken u pali tal-​baseball biex nattakkaw grupp taʼ 20 persuna jew iktar