Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jistaʼ Jiddispjaċih Alla?

Jistaʼ Jiddispjaċih Alla?

Ersaq Qrib Lejn Alla

Jistaʼ Jiddispjaċih Alla?

IMĦALLFIN 2:11-​18

BĦALA bnedmin imperfetti kultant jiddispjaċina. Pereżempju, jistaʼ jiddispjaċina wara li nindunaw li għamilna xi żball. Taʼ interess, il-​Bibbja tgħid li Ġeħova jistaʼ jiddispjaċih. ‘Imma Alla hu perfett,’ tgħid int. ‘Hu ma jiżbaljax!’ Mela, f’liema sens jiddispjaċih Alla? It-​tweġiba tistaʼ tgħinna nifhmu xi ħaġa tal-​għaġeb: Ġeħova għandu sentimenti, u l-​azzjonijiet tagħna jistgħu jeffettwaw is-​sentimenti tiegħu. Ikkunsidra l-​kliem li hemm imniżżel fi Mħallfin 2:11-​18.

Il-​ktieb Bibliku tal-​Imħallfin jirrakkonta perijodu mqalleb fl-​istorja taʼ Israel. Il-​ġens issa kien qed joqgħod f’Kangħan, l-​art li Alla kien wiegħed lil Abraham. Għad-​diversi sekli taʼ wara, l-​aġir taʼ Israel jistaʼ jinġabar fil-​qosor bħala mudell taʼ mġiba li jinkludi erbaʼ fażijiet: ribelljoni, moħqrija, supplikazzjoni, u ħelsien. *

Ribelljoni. Influwenzati mill-​Kangħanin, l-​Israelin “abbandunaw lil Ġeħova” u bdew imorru wara allat oħrajn; b’mod speċifiku “bdew jaqdu lil Bagħal u lix-​xbihat t’Għastoret.” * Ribelljoni bħal din kienet apostasija. Mhux taʼ b’xejn li l-​Israelin “offendew lil Ġeħova,” l-​Alla li kien ħeles lil Israel mill-​Eġittu!—Versi 11-​13; Imħallfin 2:1.

Moħqrija. Provokat minn rabja ġusta, Ġeħova kien se jneħħi l-​protezzjoni tiegħu minn fuq in-​nies li tawh daharhom. L-​Israelin imbagħad kienu jaqgħu f’idejn l-​“għedewwa tagħhom,” li kienu jidħlu u jaħtfulhom l-​art.—Vers 14.

Supplikazzjoni. Issa li kienu qed jesperjenzaw niket kbir, l-​Israelin kien jiddispjaċihom għall-​aġir ħażin tagħhom u kienu jsejħu lil Alla għall-​għajnuna. Is-​supplikazzjoni tagħhom tistaʼ tiġi indikata mill-​espressjoni ‘t-​tnehid minħabba dawk li kienu qed jaħqruhom.’ (Vers 18) Li jissupplikaw lil Alla kien parti mill-​aġir normali tagħhom. (Imħallfin 3:9, 15; 4:3; 6:6, 7; 10:10) Alla kif wieġeb?

Ħelsien. Ġeħova kien jismaʼ t-​tnehid taʼ Israel u “kien jiddispjaċih.” Il-​kelma Ebrajka tradotta “kien jiddispjaċih” tistaʼ tfisser li “wieħed ibiddel il-​ħsieb jew l-​intenzjoni.” Xogħol taʼ referenza jgħid: “Ġeħova, imqanqal mit-​tnehid tagħhom, biddel l-​iskop taʼ kastig tiegħu għal wieħed taʼ ħelsien.” Fil-​ħniena tiegħu, Ġeħova kien “iqajmilhom l-​imħallfin,” li kienu jeħilsu lin-​nies tiegħu mill-​għedewwa tagħhom.—Vers 18.

Innotajt x’qanqal lil Alla biex iħossu dispjaċut, jew ibiddel ħsiebu? Kienet il-​bidla fl-​attitudni min-​naħa tal-​poplu tiegħu. Aħseb dwar din il-​bidla b’dan il-​mod: Missier li jħobb għandu mnejn jiddixxiplina lit-​tifel li jkun żbalja, forsi billi jneħħilu xi privileġġ. Imma meta jara li t-​tifel iddispjaċieh verament, il-​missier jiddeċiedi li jtemm il-​kastig.

X’nitgħallmu minn Ġeħova minn dan ir-​rakkont? Filwaqt li dnub apposta jirrabjah, qlub nedmin iqanqluh biex jurihom ħniena. Huwa tajjeb li naħsbu bis-​serjetà dwar kif dak li nagħmlu jistaʼ jeffettwa s-​sentimenti t’Alla. Għala ma titgħallimx kif tistaʼ ‘tferraħ qalb’ Ġeħova? (Proverbji 27:11) Qatt ma se jiddispjaċik.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 5 Imħallfin 2:11-​18 hu parti minn sommarju taʼ introduzzjoni li jagħti ħarsa fuq fuq tal-​mudell taʼ mġiba tal-​Israelin li hu rakkontat bid-​dettall fil-​kapitli taʼ wara.

^ par. 6 Bagħal kien l-​iktar alla prominenti tal-​Kangħanin, u Għastoret kienet alla mara li kienet kunsidrata bħala mart Bagħal.