Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mgħammdin fl-Isem taʼ Min u taʼ Xiex?

Mgħammdin fl-Isem taʼ Min u taʼ Xiex?

Mgħammdin fl-​Isem taʼ Min u taʼ Xiex?

“Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli . . . , għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis.”—MT. 28:19.

1, 2. (a) X’seħħ f’Ġerusalemm f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K.? (b) Ħafna nies fil-​folla għala ħassewhom imqanqlin biex jitgħammdu?

 ĠERUSALEMM kienet miżgħuda bil-​folol taʼ nies li ġew minn ħafna pajjiżi oħrajn. F’jum Pentekoste tas-​sena 33 E.K. kienet qed tiġi ċelebrata festa importanti u fiha kienu qed jieħdu sehem ħafna viżitaturi. Wara li ġrat xi ħaġa mhux tas-​soltu, l-​appostlu Pietru ta taħdita motivanti li ħalliet effett tal-​għaġeb. Kliemu mess il-​qalb taʼ madwar 3,000 Lhudi u proselita, u dawn nidmu u tgħammdu fl-​ilma. B’hekk, dawn żdiedu mal-​kongregazzjoni Kristjana, li kienet għadha kif ġiet ifformata. (Atti 2:41) Minħabba l-​magħmudija taʼ daqstant nies fl-​għadajjar jew fil-​ġibjuni taʼ madwar Ġerusalemm qamet għagħa kbira!

2 X’wassal biex jitgħammdu daqstant nies? Iktar kmieni dakinhar “ġie mis-​sema ħoss bħal kurrent taʼ riħ qawwi.” Fil-​kamra taʼ fuq taʼ waħda mid-​djar, madwar 120 mid-​dixxipli taʼ Ġesù mtlew bl-​ispirtu qaddis. Minn dakinhar ’il quddiem inġabru xi rġiel u nisa devoti li kellhom kurżità kbira biex jisimgħu lil dawn id-​dixxipli taʼ Ġesù “jitkellmu b’ilsna differenti.” Kliem Pietru, inkluż il-​kummenti diretti li għamel dwar il-​mewt taʼ Ġesù, “nifdilhom qalbhom” lil ħafna nies li kienu qed jisimgħuh. X’kellhom jagħmlu? Pietru wieġeb: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom f’isem Ġesù Kristu . . . , u tirċievu l-​ispirtu qaddis bħala għotja b’xejn.”—Atti 2:1-​4, 36-​38.

3. F’jum Pentekoste x’kellhom bżonn jagħmlu l-​Lhud u l-​proseliti li nidmu?

3 Aħseb ftit dwar is-​sitwazzjoni reliġjuża taʼ dawk il-​Lhud u l-​proseliti li semgħu lil Pietru. Dawn diġà kienu aċċettaw lil Ġeħova bħala Alla tagħhom. U mill-​Iskrittura Ebrajka kienu jafu dwar l-​ispirtu qaddis, il-​forza attiva t’Alla li ntużat mill-​ħolqien ’il quddiem. (Ġen. 1:2; Mħ. 14:5, 6; 1 Sam. 10:6; Salm 33:6) Imma kellhom bżonn xi ħaġa iktar minn hekk. Kien vitali għalihom li jifhmu u jaċċettaw il-​mezz t’Alla taʼ salvazzjoni—il-​Messija, Ġesù. Għaldaqstant, Pietru enfasizza l-​bżonn li kull wieħed minnhom “jitgħammed . . . f’isem Ġesù Kristu.” Xi jiem qabel, Ġesù rxoxtat ordna lil Pietru u lil oħrajn biex jgħammdu lin-​nies “fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis.” (Mt. 28:19, 20) Dan kellu tifsir profond fl-​ewwel seklu, u l-​istess għad għandu llum. X’tifsir hu?

Fl-​Isem tal-​Missier

4. X’bidla seħħet rigward ir-​relazzjoni tan-​nies maʼ Ġeħova?

4 Bħalma ssemma qabel, dawk li aġixxew fi qbil mat-​taħdita taʼ Pietru kienu jqimu lil Ġeħova u diġà kienu daħlu f’relazzjoni miegħu. Huma kienu qed jipprovaw jimxu mal-​Liġi tiegħu, u din kienet ir-​raġuni għala ġew nies minn pajjiżi oħrajn lejn Ġerusalemm. (Atti 2:5-​11) Madankollu, Alla kien għadu kif għamel bidla sinifikanti fil-​mod kif jittratta mal-​bnedmin. Hu ċaħad lil-​Lhud bħala l-​ġens speċjali tiegħu. L-​ubbidjenza lejn il-​Liġi ma kinitx għadha l-​mezz li biha setgħu jiksbu l-​approvazzjoni tiegħu. (Mt. 21:43; Kol. 2:14) Jekk dawk is-​semmiegħa riedu li jkomplu jgawdu relazzjoni maʼ Ġeħova, kellhom bżonn xi ħaġa oħra.

5, 6. Ħafna Lhud u proseliti tal-​ewwel seklu x’għamlu sabiex igawdu relazzjoni m’Alla?

5 Din il-​ħaġa żgur ma kinitx li jagħtu daharhom lil Ġeħova, il-​Wieħed li tahom il-​ħajja. (Atti 4:24) Dawk li aġixxew fi qbil mal-​ispjegazzjoni taʼ Pietru issa setgħu jaraw, iktar minn qatt qabel, li Ġeħova kien Missier li jixtiqilhom il-​ġid. Hu bagħat lill-​Messija biex jeħlishom u kien lest li jaħfer saħansitra lil dawk li Pietru setaʼ jgħidilhom: “Ħa tkun taf fiċ-​ċert id-​dar kollha taʼ Israel li lil dan Ġesù, li intom sammartuh ma’ zokk, Alla għamlu kemm Mulej u kemm Kristu.” Fil-​fatt, dawk li applikaw il-​kliem taʼ Pietru, issa kien se jkollhom iktar għalfejn japprezzaw dak li għamel il-​Missier għal dawk kollha li riedu jgawdu relazzjoni m’Alla!—Aqra Atti 2:30-​36.

6 Tabilħaqq, dawk il-​Lhud u l-​proseliti issa setgħu jaraw li relazzjoni maʼ Ġeħova kienet tinvolvi li jirrikonoxxuh bħala Dak li jipprovdi s-​salvazzjoni permezz taʼ Ġesù. Mela, int tistaʼ tifhem għala nidmu minn dnubiethom, inkluż il-​fatt li sew jekk kienu jafu u sew jekk le, kienu xi ftit jew wisq ħatjin tal-​qtil taʼ Ġesù. U wieħed jistaʼ jifhem ukoll li matul il-​jiem taʼ wara “baqgħu jingħataw għat-​tagħlim taʼ l-​appostli.” (Atti 2:42) Huma setgħu u riedu ‘jersqu bil-​libertà tal-​kelma lejn it-​tron tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa.’—Ebr. 4:16.

7. Illum, ħafna nies kif bidlu l-​ħarsa tagħhom dwar Alla u tgħammdu fl-​isem tal-​Missier?

7 Illum, miljuni taʼ nies minn kulturi differenti saru jafu l-​verità dwar Ġeħova mill-​Bibbja. (Is. 2:2, 3) Xi wħud kienu atei jew deisti, a imma saru konvinti mill-​eżistenza taʼ Ħallieq li miegħu setgħu jgawdu relazzjoni sinifikanti. Oħrajn kienu jqimu tliet allat f’alla wieħed jew diversi idoli. Imbagħad saru jafu li Ġeħova waħdu hu l-​Alla li jistaʼ kollox, u issa jindirizzawh bl-​isem persunali tiegħu. Dan hu fi qbil maʼ dak li qal Ġesù, jiġifieri, li d-​dixxipli tiegħu għandhom jitgħammdu fl-​isem tal-​Missier.

8. Dawk li ma kinux jafu dwar id-​dnub taʼ Adam x’kellhom bżonn jirrealizzaw dwar il-​Missier?

8 Huma saru jafu wkoll li wirtu d-​dnub mingħand Adam. (Rum. 5:12) Din kienet xi ħaġa ġdida li kellhom jaċċettawha bħala li kienet vera. Uħud bħal dawn jistgħu jiġu mxebbhin maʼ bniedem marid li ma kienx jaf li għandu ċerta marda. Forsi hu kellu xi sintomi, bħal xi uġigħ kultant. Madankollu, peress li ma kellu ebda dijanjosi taʼ xi marda speċifika, hu forsi setaʼ immaġina li kien bażikament f’saħħtu. Madankollu, il-​fatti wrew mod ieħor. (Qabbel l-​1 Korintin 4:4.) Xi ngħidu kieku saritlu dijanjosi eżatta tal-​marda tiegħu? Ma kienx ikun għaqli li jfittex u jaċċetta kura magħrufa, li tkun ġiet provata, u li hi effettiva? Bl-​istess mod, wara li saru jafu l-​verità dwar id-​dnub li writna, ħafna wħud aċċettaw id-​“dijanjosi” tal-​Bibbja u bdew jifhmu li Alla qed joffri l-​“kura.” Dawk kollha li huma mbegħdin mill-​Missier jeħtieġ iduru lejn il-​Wieħed li jistaʼ jagħtihom il-​“kura.”—Efes. 4:17-​19.

9. Ġeħova x’għamel biex ikun possibbli għalina li ngawdu relazzjoni miegħu?

9 Jekk diġà ddedikajt ħajtek lil Alla Ġeħova u sirt Kristjan mgħammed, int taf kemm hi ħaġa tal-​għaġeb li tgawdi relazzjoni miegħu. Issa, int tistaʼ tapprezza kemm Ġeħova hu Missier kollu mħabba. (Aqra Rumani 5:8.) Għalkemm Adam u Eva dinbu kontrih, Alla ħa l-​inizjattiva sabiex id-​dixxendenti tagħhom—inkluż aħna—jistgħu jgawdu relazzjoni tajba miegħu. Meta Alla għamel dan, Hu esperjenza l-​uġigħ għax kellu jara lil Ibnu l-​għażiż isofri u jmut. Minħabba li nafu dan, aħna niġu megħjunin nirrikonoxxu l-​awtorità t’Alla u nobdu l-​kmandi tiegħu għax inħobbuh. Jekk għadek m’għamiltx dan, għandek raġunijiet biżżejjed biex tiddedika ruħek lil Alla u titgħammed.

Fl-​Isem tal-​Iben

10, 11. (a) Kemm int midjun lejn Ġesù? (b) Kif tħossok dwar il-​mewt taʼ Ġesù bħala fidwa?

10 Imma erġaʼ aħseb ftit dwar dak li Pietru qal lill-​folla. Hu enfasizza l-​fatt li rridu naċċettaw lil Ġesù. Dan hu konness direttament maʼ li nitgħammdu “fl-​isem . . . taʼ l-​Iben.” Dan għala kien vitali dakinhar u għala huwa vitali issa? Li naċċettaw lil Ġesù u nitgħammdu f’ismu jfisser li naċċettaw l-​irwol tiegħu fir-​relazzjoni tagħna mal-​Ħallieq. Ġesù kellu jiġi mdendel maʼ zokk tat-​tortura sabiex ineħħi s-​saħta tal-​Liġi minn fuq il-​Lhud; iżda l-​mewt tiegħu kellha benefiċċju akbar. (Gal. 3:13) Hu pprovda s-​sagrifiċċju tal-​fidwa li kellha bżonn l-​umanità kollha. (Efes. 2:15, 16; Kol. 1:20; 1 Ġw. 2:1, 2) Sabiex iwettaq dan, Ġesù ssaporta l-​inġustizzji, it-​tgħajjir, it-​torturi, u fl-​aħħar nett il-​mewt. Kemm tapprezzah int is-​sagrifiċċju tiegħu? Immaġina li int tifel taʼ tnax-​il sena li qed jivvjaġġa fuq it-​Titanic, il-​vapur li fl-​1912 ħabat maʼ massa taʼ silġ u għereq. Int tipprova taqbeż fid-​dgħajsa tas-​salvataġġ, imma tkun mimlija. Imbagħad raġel li jkun fuq id-​dgħajsa tas-​salvataġġ ibus lil martu, jerġaʼ jitlaʼ fuq il-​vapur, u jrikkeb lilek fid-​dgħajsa tas-​salvataġġ. Kif tħossok? Żgur li tkun grat lejh! Int tistaʼ tifhem kif ħassu wieħed tifel li fil-​fatt għadda minn din l-​esperjenza. b Madankollu, Ġesù għamel bil-​wisq iktar minn hekk għalik. Hu miet sabiex int tistaʼ tikseb ħajja għal dejjem.

11 Kif ħassejtek meta sirt taf x’għamel l-​Iben t’Alla għalik? (Aqra t-2 Korintin 5:14, 15.) X’aktarx li ħassejtek grat ħafna. Dan għen biex jimmotivak ħalli tiddedika ħajtek lil Alla u biex ‘ma tgħixx iktar għalik innifsek, imma għal dak li miet għalik.’ Il-​magħmudija fl-​isem tal-​Iben tfisser li tirrikonoxxi dak li għamel Ġesù għalik u taċċetta l-​awtorità tiegħu bħala l-​“Aġent Ewlieni tal-​ħajja.” (Atti 3:15; 5:31) Qabel, ma kontx tgawdi relazzjoni mal-​Ħallieq, u b’hekk ma kellek l-​ebda tama vera. Imma billi eżerċitajt il-​fidi fid-​demm imxerred taʼ Ġesù Kristu u tgħammidt, int issa qed tgawdi relazzjoni mal-​Missier. (Efes. 2:12, 13) Intom “li darba kontu mbegħdin u għedewwa għax moħħkom kien fuq għemejjel mill-​agħar,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “[Alla] issa jerġaʼ jħabbibkom bil-​ġisem fiżiku taʼ [Ġesù] permezz taʼ mewtu. B’hekk, jistaʼ jippreżentakom imqaddsin u bla difett.”—Kol. 1:21, 22.

12, 13. (a) Il-​magħmudija fl-​isem tal-​Iben kif teffettwa r-​reazzjoni tiegħek jekk xi ħadd joffendik? (b) Liema obbligu għandek bħala Kristjan mgħammed fl-​isem taʼ Ġesù?

12 Għalkemm tgħammidt fl-​isem tal-​Iben, int konxju ħafna tal-​inklinazzjonijiet midinbin tiegħek stess, u dan hu taʼ għajnuna kuljum. Pereżempju, jekk xi ħadd joffendik iżżomm f’moħħok li, kemm int u kemm hu, it-​tnejn li intom midinbin? It-​tnejn għandkom bżonn il-​maħfra t’Alla, u t-​tnejn għandkom taħfru. (Mk. 11:25) Biex jenfasizza din il-​ħtieġa, Ġesù ta tixbiha: Sid ħafer id-​dejn taʼ għaxart elef talent (60 miljun dinar) lill-​ilsir tiegħu. Imbagħad, dan l-​ilsir ma ħafirx id-​dejn taʼ 100 dinar li kellu jieħu mingħand ilsir ieħor. Ġesù mbagħad ħareġ dan il-​punt: Ġeħova ma jaħfirx lil min ma jaħfirx lil ħuh. (Mt. 18:23-​35) Il-​magħmudija fl-​isem tal-​Iben tfisser li wieħed jirrikonoxxi l-​awtorità taʼ Ġesù u jistinka biex isegwi l-​eżempju u t-​tagħlim tiegħu, inkluż li jkun lest li jaħfer lil oħrajn.—1 Pt. 2:21; 1 Ġw. 2:6.

13 Peress li int imperfett, ma tistax timita lil Ġesù kompletament. Xorta waħda, fi qbil mad-​dedikazzjoni b’qalbek kollha lil Alla, int trid timita lil Ġesù bl-​aħjar mod li tistaʼ. Dan jinvolvi li tkompli taħdem biex tinżaʼ l-​personalità l-​qadima u tilbes il-​ġdida. (Aqra Efesin 4:20-​24.) Meta tirrispetta ħabib, x’aktarx li tipprova titgħallem mill-​eżempju u l-​kwalitajiet tajbin tiegħu. Bl-​istess mod, int trid titgħallem minn Kristu u timitah.

14. Kif tistaʼ turi li tirrikonoxxi l-​awtorità taʼ Ġesù bħala Sultan tas-​sema?

14 Hemm mod ieħor kif tistaʼ turi li tifhem x’inhu involut f’li titgħammed fl-​isem tal-​Iben. Alla “ssuġġetta wkoll kollox taħt [saqajn Ġesù], u għamlu kap fuq kollox għall-​kongregazzjoni.” (Efes. 1:22) B’hekk, jeħtieġ li tirrispetta l-​mod kif Ġesù jidderieġi lil dawk dedikati lil Ġeħova. Kristu qed juża bnedmin imperfetti fil-​kongregazzjoni, partikolarment l-​irġiel ixjeħ spiritwalment, jiġifieri, l-​anzjani maħturin. Il-​provvediment li jinħatru rġiel bħal dawn hu “bil-​ħsieb li jerġgħu jiġu aġġustati l-​qaddisin, . . . biex jinbena l-​ġisem tal-​Kristu.” (Efes. 4:11, 12) Anki jekk bniedem imperfett jagħmel xi żball, Ġesù, bħala s-​Sultan tas-​Saltna tas-​sema, jistaʼ jittratta l-​kwistjoni fil-​waqt tiegħu u bil-​mod li jrid hu. Int temmnu dan?

15. Jekk għadek ma tgħammidx, għal liema barkiet tistaʼ tħares ’il quddiem wara l-​magħmudija?

15 Barra minn hekk, hemm oħrajn li għadhom ma ddedikawx ruħhom lil Ġeħova u tgħammdu. Jekk anki int għadek m’għamiltx dan, minn dak li diġà ssemma tistaʼ tara li meta tirrikonoxxi lill-​Iben tkun qed turi li int raġunevoli u grat. Il-​magħmudija fl-​isem tal-​Iben tippermettilek li tirċievi barkiet kbar.—Aqra Ġwanni 10:9-​11.

Fl-​Isem tal-​Ispirtu Qaddis

16, 17. Xi jfisser għalik li tkun mgħammed fl-​isem tal-​ispirtu qaddis?

16 Xi jfisser li tkun mgħammed fl-​isem tal-​ispirtu qaddis? Bħalma rajna qabel, dawk li semgħu lil Pietru f’jum Pentekoste kienu konxji tal-​ispirtu qaddis. Fil-​fatt, huma setgħu jaraw b’għajnejhom stess li Alla kompla juża l-​ispirtu qaddis. Pietru kien wieħed minn dawk li kienu “mtlew bl-​ispirtu qaddis u bdew jitkellmu b’ilsna differenti.” (Atti 2:4, 8) L-​espressjoni “fl-​isem taʼ” mhux neċessarjament tirreferi għal xi isem taʼ persuna. Illum, ħafna affarijiet isiru “f’isem il-​liġi,” u din mhijiex persuna. Dawn isiru bl-​awtorità tal-​liġi. B’mod simili, individwu li jitgħammed fl-​isem tal-​ispirtu qaddis jaċċetta li l-​ispirtu qaddis mhuwiex persuna imma l-​forza attiva taʼ Ġeħova. U magħmudija bħal din tfisser li individwu jirrikonoxxi l-​irwol li għandu l-​ispirtu qaddis fl-​iskop t’Alla.

17 Int sirt taf dwar l-​ispirtu qaddis permezz taʼ studju tal-​Bibbja. Pereżempju, bdejt tifhem li l-​Iskrittura ġiet miktuba b’ispirazzjoni tal-​ispirtu qaddis. (2 Tim. 3:16) Hekk kif għamilt progress spiritwali, probabbilment ksibt apprezzament iktar profond għall-​fatt li “l-​Missier li hu fis-​sema jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh,” inkluż lilek. (Lq. 11:13) Int x’aktarx li rajt l-​ispirtu qaddis jaħdem f’ħajtek. Mill-​banda l-​oħra, jekk għadek se titgħammed fl-​isem tal-​ispirtu qaddis, l-​assiguranza taʼ Ġesù li l-​Missier jagħti l-​ispirtu qaddis tfisser li hemm barkiet veri jistennewk hekk kif tirċievi dan l-​ispirtu.

18. Liema barkiet se jkollhom dawk li jitgħammdu fl-​isem tal-​ispirtu qaddis?

18 Huwa evidenti li anki llum Ġeħova qed jiggwida u jmexxi l-​kongregazzjoni Kristjana permezz tal-​ispirtu tiegħu. Dan l-​ispirtu jgħinna wkoll individwalment fl-​attivitajiet tagħna taʼ kuljum. Il-​magħmudija tagħna fl-​isem tal-​ispirtu qaddis tinvolvi li nirrikonoxxu l-​irwol li għandu f’ħajjitna u nikkooperaw b’apprezzament ma’ dan l-​ispirtu. Iżda, xi wħud għandhom mnejn jitħassbu dwar kif nistgħu ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova u dwar kif inhu involut l-​ispirtu qaddis. Dan se nikkunsidrawh fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Dawk li huma deisti jemmnu fl-​eżistenza t’Alla imma jaħsbu li mhuwiex interessat fil-​ħolqien tiegħu.

b Ara Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​22 taʼ Ottubru, 1981, paġni 3-​8.

Tiftakar int?

• X’jinvolvi li tkun mgħammed fl-​isem tal-​Missier?

• Xi jfisser li tkun mgħammed fl-​isem tal-​Iben?

• Kif tistaʼ turi li tapprezza s-​sinifikat tal-​magħmudija fl-​isem tal-​Missier u tal-​Iben?

• Xi jfisser li tkun mgħammed fl-​isem tal-​ispirtu qaddis?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 10]

Wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K., id-​dixxipli l-​ġodda daħlu f’liema relazzjoni mal-​Missier?

[Sors]

Bil-​permess tal-​Israel Museum f’Ġerusalemm