Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nibqgħu Approvati Minn Alla Minkejja ċ-Ċirkustanzi

Nibqgħu Approvati Minn Alla Minkejja ċ-Ċirkustanzi

Nibqgħu Approvati Minn Alla Minkejja ċ-​Ċirkustanzi

QIEGĦED int tiffaċċja bidliet f’ħajtek? Qed issibha diffiċli biex taċċetta dawn il-​bidliet? Ħafna minna konna jew għad inkunu f’din is-​sitwazzjoni. Xi eżempji reali mill-​passat jistgħu jgħinuna nagħrfu kwalitajiet li jkunu utli.

Pereżempju, ikkunsidra lil David u l-​ħafna bidliet li kellu jiffaċċja. Meta ġie midluk minn Samwel bħala Sultan futur, hu kien sempliċi ragħaj ċkejken. Meta kien għadu żgħir, hu offra lilu nnifsu biex jiġġieled lill-​ġgant Filisti Gulija. (1 Sam. 17:26-​32, 42) Iż-​żagħżugħ David ġie mistieden biex jgħix fil-​palazz irjali tas-​Sultan Sawl u ġie maħtur bħala l-​kap tal-​armata. David lanqas biss setaʼ jimmaġina dawn il-​bidliet kollha f’ħajtu; u lanqas setaʼ jobsor x’kien se jiġri.

Ir-​relazzjoni bejn David u Sawl saret estremament diffiċli. (1 Sam. 18:8, 9; 19:9, 10) Biex isalva ħajtu stess, David kellu jgħix bħala maħrub għal bosta snin. Anki meta kien qed jaħkem bħala Sultan taʼ Israel, iċ-​ċirkustanzi tiegħu nbidlu drastikament speċjalment wara li għamel adulterju, u biex jaħbi dnubu, ikkommetta qtil. Minħabba dnubietu stess kellu problemi kbar fil-​familja tiegħu. Fost affarijiet oħra, David kellu jħabbat wiċċu mar-​ribelljoni taʼ ibnu Absalom. (2 Sam. 12:10-​12; 15:1-​14) Xorta waħda, wara li David nidem mid-​dnubiet tal-​adulterju u l-​qtil, Ġeħova ħafirlu u David reġaʼ kiseb l-​approvazzjoni t’Alla.

Iċ-​ċirkustanzi tiegħek jistgħu jinbidlu wkoll. Problemi taʼ saħħa, problemi finanzjarji, jew diffikultajiet fil-​familja—saħansitra l-​azzjonijiet tagħna stess—iġibu bidliet f’ħajjitna. Liema kwalitajiet jistgħu jgħinuna nkunu iktar imħejjijin biex inkampaw ma’ sfidi bħal dawn?

L-​Umiltà Tgħinna

L-​umiltà tinvolvi attitudni taʼ sottomissjoni min-​naħa tagħna. L-​umiltà vera tgħinna naraw lilna nfusna kif aħna verament. Tgħinna wkoll naraw lil oħrajn kif tassew huma. Meta nirrikonoxxu l-​kwalitajiet u l-​preġji taʼ oħrajn, aħna napprezzaw iktar min huma u x’jagħmlu. Bl-​istess mod, l-​umiltà tistaʼ tgħinna nifhmu r-​raġuni għala xi ħaġa tkun ġratilna u kif nirreaġixxu f’sitwazzjoni bħal din.

Ġonatan, bin Sawl, hu eżempju tajjeb. Iċ-​ċirkustanzi tiegħu nbidlu minħabba ġrajjiet li ma kellux kontroll fuqhom. Meta Samwel qal lil Sawl li Ġeħova kien se jiħodlu s-​saltna, hu ma qallux li Ġonatan kien se jilħaq sultan floku. (1 Sam. 15:28; 16:1, 12, 13) L-​għażla t’Alla, li David ikun is-​sultan taʼ Israel, eskludiet lil Ġonatan. Sa ċertu punt, id-​diżubbidjenza taʼ Sawl kellha effett negattiv fuq Ġonatan. Avolja ma kienx responsabbli għal dak li għamel Sawl, Ġonatan xorta ma kellux ikun is-​suċċessur taʼ missieru. (1 Sam. 20:30, 31) Ġonatan kif irreaġixxa għal din is-​sitwazzjoni? Żamm fil-​komma minħabba l-​opportunità li tilef? Għer għal David? Le. Minkejja li kien ħafna akbar fl-​età u kellu iktar esperjenza, Ġonatan appoġġa lealment lil David. (1 Sam. 23:16-​18) L-​umiltà għenitu jifhem min kellu l-​barka t’Alla u ‘ma ħasibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.’ (Rum. 12:3) Ġonatan fehem dak li Ġeħova stenna minnu u aċċetta d-​deċiżjoni Tiegħu fil-​kwistjoni.

M’għandniex xi ngħidu, ħafna bidliet iġibu magħhom xi diffikultajiet. Kien hemm żmien meta Ġonatan kellu jittratta ma’ żewġt irġiel li kienu qrib tiegħu. Wieħed kien David, is-​sultan futur, il-​ħabib tiegħu li kien magħżul minn Ġeħova. L-​ieħor kien missieru Sawl, li kien ġie miċħud minn Ġeħova imma li xorta waħda kien għadu jaħkem bħala sultan. Żgur li din is-​sitwazzjoni kkaġunat stress emozzjonali lil Ġonatan filwaqt li pprova jżomm ruħu approvat minn Ġeħova. Il-​bidliet li jkollna niffaċċjaw jistgħu jġegħluna nħossuna inkwetati u beżgħanin. Imma jekk nipprovaw nifhmu x’inhi l-​ħarsa taʼ Ġeħova, inkunu nistgħu nibqgħu naqduh lealment hekk kif inkampaw mal-​bidliet.

L-​Importanza tal-​Modestja

Il-​modestja tinvolvi li tkun konxju tal-​limitazzjonijiet tiegħek. M’għandniex inħalltu l-​modestja mal-​umiltà. Individwu umli jistaʼ ma jkunx konxju bis-​sħiħ tal-​limitazzjonijiet tiegħu.

David kien modest. Għalkemm Ġeħova għażlu biex ikun sultan, għal snin sħaħ David ma setax jieħu t-​tron. Imkien ma naqraw li David irċieva xi spjegazzjoni mingħand Ġeħova taʼ dak li kien jidher bħala dewmien. Iżda għalkemm din is-​sitwazzjoni kienet tidher frustranti, ma dejqitux. Hu kien konxju tal-​limitazzjonijiet tiegħu u fehem li Ġeħova, li kien qed jippermetti din is-​sitwazzjoni, kellu kollox taħt il-​kontroll tiegħu. Għalhekk, David ma kienx se joqtol lil Sawl, lanqas biex isalva ħajtu stess, u waqqaf lil sieħbu Abisaj milli jagħmel hekk.—1 Sam. 26:6-​9.

Kultant, fil-​kongregazzjoni tagħna tistaʼ tiżviluppa xi sitwazzjoni li ma nkunux nistgħu nifhmuha jew tistaʼ tidher, fl-​opinjoni tagħna, li mhix qed tiġi trattata bl-​aħjar mod jew bl-​iktar mod organizzat. Se nirrikonoxxu aħna bil-​modestja li Ġesù hu l-​Kap tal-​kongregazzjoni u li juża lill-​ġemgħa tal-​anzjani maħturin biex imexxu? Se nuru l-​modestja meta nafu li sabiex ikollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova rridu nistrieħu fuqu biex imexxina permezz taʼ Ġesù Kristu? Se nistennew bil-​modestja anki jekk ma jkunx faċli nagħmlu dan?—Prov. 11:2.

Ġwejdin u B’hekk Pożittivi

Il-​ħlewwa hi temperament ġwejjed. Din tgħinna nissaportu l-​ħsara bil-​paċenzja u mingħajr ma nħossuna irritati, offiżi, jew li rridu nivvendikaw ruħna. Mhuwiex faċli tkun ġwejjed. Taʼ interess, vers fil-​Bibbja jgħid, ‘il-​ġwejdin taʼ l-​art’ huma mistidnin biex ‘ifittxu li jkunu ġwejdin.’ (Sof. 2:3) Hemm rabta bejn li tkun ġwejjed u li tkun umli u modest. Li tkun ġwejjed jinkludi wkoll kwalitajiet oħrajn bħat-​tjubija u l-​ħlewwa. Bniedem ġwejjed jaċċetta t-​taħriġ u t-​tagħlim u b’hekk ikun jistaʼ jagħmel progress spiritwali.

Il-​ħlewwa kif tistaʼ tgħinna nkampaw mal-​bidliet f’ħajjitna? X’aktarx innotajt li ħafna għandhom tendenza li jħarsu lejn il-​bidliet b’mod negattiv. Fir-​realtà, dawn jistgħu jkunu opportunitajiet sabiex inkomplu niġu mħarrġin minn Ġeħova. Il-​ħajja taʼ Mosè turi dan.

Fl-​età taʼ 40 sena, Mosè diġà kellu kwalitajiet eċċellenti. Hu wera li kien sensittiv għall-​bżonnijiet tal-​poplu t’Alla u wera spirtu taʼ sagrifiċċju persunali. (Ebr. 11:24-​26) Madankollu, qabel ma ġie inkarigat minn Ġeħova biex joħroġ lil Israel mill-​Eġittu, Mosè kellu jiffaċċja xi bidliet li għamluh iktar ġwejjed. Hu kellu jaħrab mill-​Eġittu, jgħix fl-​art taʼ Midjan għal 40 sena, u jaħdem bħala ragħaj ’il bogħod mill-​prominenza. X’kien ir-​riżultat? Din il-​bidla għamlitu persuna aħjar. (Num. 12:3) Hu tgħallem iġib l-​interessi spiritwali qabel l-​interessi tiegħu stess.

Biex nuru kemm Mosè kien ġwejjed, ejja nikkunsidraw x’ġara meta Ġeħova qal li ried jiċħad lill-​ġens diżubbidjenti u lid-​dixxendenti taʼ Mosè milli jsiru ġens setgħan. (Num. 14:11-​20) Mosè tkellem għan-​nom tal-​ġens. Kliemu wera li kien konċernat dwar ir-​reputazzjoni t’Alla u l-​benesseri taʼ ħutu, u mhux dwar l-​interessi tiegħu stess. L-​irwol taʼ Mosè bħala mexxej tal-​ġens u medjatur kien jirrikjedi persuna ġwejda. Mirjam u Aron gergru kontrih, iżda r-​rakkont tal-​Bibbja jgħid li Mosè kien “bil-​wisq l-​iktar ġwejjed mill-​bnedmin kollha.” (Num. 12:1-​3, 9-​15) Jidher li Mosè kien ġwejjed u ttollera l-​insulti tagħhom. X’kien jiġri kieku Mosè ma kienx ġwejjed?

F’okkażjoni oħra, l-​ispirtu taʼ Ġeħova niżel fuq xi rġiel u ġegħelhom jipprofetizzaw. Ġożwè, il-​qaddej taʼ Mosè, ħass li dawn l-​Israelin m’aġixxewx b’mod xieraq. Mill-​banda l-​oħra, Mosè kien ġwejjed u ħares lejn l-​affarijiet kif iħares lejhom Ġeħova u ma qagħadx jinkwieta li jitlef l-​awtorità tiegħu. (Num. 11:26-​29) Kieku Mosè ma kienx ġwejjed, kien hu se jaċċetta din il-​bidla fl-​arranġament taʼ Ġeħova?

Sabiex setaʼ juża sew l-​awtorità kbira li ngħatatlu u jwettaq l-​irwol li tah Alla, Mosè kellu jkun ġwejjed. Ġeħova stiednu biex imur fuq il-​Muntanja Ħoreb u joqgħod quddiem il-​poplu. Alla tkellem ma’ Mosè permezz taʼ anġlu u ħatru bħala l-​medjatur tal-​patt. Peress li Mosè kien ġwejjed, setaʼ jaċċetta din il-​bidla kbira ferm fl-​awtorità u madankollu jibqaʼ jkollu l-​approvazzjoni t’Alla.

Xi ngħidu għalina? Hu indispensabbli li nkunu ġwejdin biex nikbru individwalment. Dawk kollha li ġew fdati bi privileġġi u b’awtorità fost il-​poplu t’Alla jeħtieġ li jkunu ġwejdin. Jekk inkunu ġwejdin inżommu lura milli nkunu kburin meta niffaċċjaw bidliet, u niġu megħjunin nittrattaw ma’ sitwazzjonijiet b’attitudni tajba. Ir-​reazzjoni tagħna hi importanti. Se naċċettawha l-​bidla? Se nqisuha bħala opportunità biex nitjiebu? Din tistaʼ tkun opportunità unika biex insiru ġwejdin!

Aħna kontinwament niffaċċjaw bidliet f’ħajjitna. Xi kultant ma jkunx faċli nifhmu għala jiġru ċerti affarijiet. Il-​limitazzjonijiet persunali u l-​istress emozzjonali jistgħu jagħmluha diffiċli għalina li nkomplu nħarsu lejn l-​affarijiet bil-​mod kif iħares lejhom Ġeħova. Xorta waħda, kwalitajiet bħal li nkunu umli, modesti, u ġwejdin se jgħinuna naċċettaw il-​bidliet u jibqaʼ jkollna l-​approvazzjoni t’Alla.

[Kumment f’paġna 4]

L-​umiltà vera tgħinna naraw lilna nfusna kif aħna verament

[Kumment f’paġna 5]

Hu indispensabbli li nkunu ġwejdin biex nikbru individwalment

[Stampa f’paġna 5]

Mosè kellu jagħmel xi bidliet biex ikun iktar ġwejjed