Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Marku ‘Utli Biex Jaqdi’

Marku ‘Utli Biex Jaqdi’

Marku ‘Utli Biex Jaqdi’

IL-​KONGREGAZZJONI taʼ Antjokja għaddiet minn problemi, iżda n-​nuqqas taʼ qbil bejn l-​appostlu Pawlu u l-​appostlu Barnaba kien xi ħaġa differenti. Dawn l-​irġiel kienu qed jippjanaw vjaġġ missjunarju; iżda meta ġew biex jiddeċiedu min kien se jmur magħhom fuq il-​vjaġġ, “kellhom xi jgħidu sew” bejniethom. (Atti 15:39) It-​tnejn li huma nfirdu u kull wieħed telaq għal rasu. It-​tilwima tagħhom involviet missjunarju ieħor—lil Marku.

Min kien Marku? X’ġiegħel lil żewġ appostli jargumentaw minħabba fih? Għala żammew mal-​opinjonijiet tagħhom b’mod tant riġidu? Dawn l-​opinjonijiet qatt inbidlu? U x’tistaʼ titgħallem mir-​rakkont dwar Marku?

F’Daru f’Ġerusalemm

Marku, li mid-​dehra kien ġej minn familja Lhudija li kienet tat-​tajjeb, trabba Ġerusalemm. L-​ewwel ma nsiru nafu dwaru speċifikament hu f’konnessjoni mal-​istorja tal-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu. Madwar is-​sena 44 E.K., meta l-​anġlu taʼ Ġeħova ħeles b’mod mirakoluż lill-​appostlu Pietru mill-​ħabs taʼ Erodi Agrippa I, Pietru rħielha lejn “id-​dar taʼ Marija omm Ġwanni, li kien jismu wkoll Marku, fejn kien hemm għadd ġmielu miġburin flimkien jitolbu.”—Atti 12:1-​12. a

Mela, milli jidher id-​dar taʼ omm Marku kienet tintuża għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm. Il-​fatt li hemm kien jiltaqaʼ “għadd ġmielu” taʼ nies jindika li d-​dar kienet kbira. Marija kellha qaddejja jisimha Roda li marret tara min ġie meta Pietru ħabbat “fuq il-​bieb taʼ barra.” Dawn id-​dettalji jagħtu ħjiel li Marija kienet tat-​tajjeb. Peress li d-​dar tissemma bħala li hi tagħha minflok taʼ żewġha, jistaʼ jkun li kienet armla u li Marku kien għadu pjuttost żgħir.—Atti 12:13.

X’aktarx li Marku kien fost dawk li kienu miġburin biex jitolbu. Żgur li kien midħla sew tad-​dixxipli taʼ Ġesù u taʼ wħud oħrajn li kienu raw b’għajnejhom stess il-​ġrajjiet li seħħew fil-​ministeru taʼ Ġesù. Fil-​fatt, jistaʼ jkun li Marku kien dak iż-​żagħżugħ liebes ftit ħwejjeġ li pprova jsegwi l-​Ġesù meta Hu ġie arrestat għall-​ewwel darba iżda li ħarab meta pprovaw jaqbduh.—Mk. 14:51, 52.

Privileġġi fil-​Kongregazzjoni

Bla dubju, is-​sħubija maʼ Kristjani maturi kellha influwenza pożittiva fuq Marku. Hu għamel progress spiritwali u xi aħwa responsabbli nnotawh dan. Madwar is-​sena 46 E.K., meta Pawlu u Barnaba ntbagħtu minn Antjokja għal Ġerusalemm biex jieħdu “l-​għajnuna” biex jittaffa l-​ġuħ, huma ħadu interess f’Marku. Meta Pawlu u Barnaba marru lura Antjokja, ħadu lil Marku magħhom.—Atti 11:27-​30; 12:25.

Xi ħadd li jkun qed jaqra ħafif ħafif jistaʼ jassumi li ma kien hemm ebda rabta partikulari, għajr dik spiritwali, bejn dawn it-​tlett irġiel, u li Pawlu u Barnaba inkarigaw lil Marku sempliċement minħabba l-​abbiltajiet li kellu. Iżda, waħda mill-​ittri taʼ Pawlu turi li Marku kien il-​kuġin taʼ Barnaba. (Kol. 4:10) Dan jistaʼ jgħin biex jiġu spjegati l-​ġrajjiet li seħħew u li jinvolvu lil Marku.

Madwar sena wara, l-​ispirtu qaddis idderieġa lil Pawlu u lil Barnaba biex imorru fuq vjaġġ missjunarju. Huma telqu minn Antjokja u rħewlha lejn Ċipru. Ġwanni Marku mar magħhom “biex jgħinhom.” (Atti 13:2-​5) Għandu mnejn li Marku kellu jieħu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ matul il-​vjaġġ sabiex l-​appostli setgħu jiffokaw fuq affarijiet spiritwali.

Pawlu, Barnaba, u Marku qasmu Ċipru u huma u sejrin bdew jippritkaw. Imbagħad, irħewlha lejn l-​Asja Minuri. Hemmhekk, Ġwanni Marku ħa deċiżjoni li biha ddiżappunta lil Pawlu. Ir-​rakkont jgħid li meta lkoll kemm huma waslu Perga, “Ġwanni telaqhom u mar lura Ġerusalemm.” (Atti 13:13) Il-​Bibbja ma tgħidx għala għamel dan.

Xi snin wara, Pawlu, Barnaba, u Marku marru lura Antjokja. Iż-​żewġ appostli kienu qed jiddiskutu dwar vjaġġ missjunarju ieħor, it-​tieni wieħed, biex ikomplu jibnu fuq dak li kienu wettqu fl-​ewwel vjaġġ. Barnaba ried jieħu lil kuġinuh magħhom, iżda Pawlu ma riedx jaf, għax ftit qabel Marku kien ħalliehom bħall-​erbgħa fost il-​ġimgħa. Kien proprju minħabba dan li qamet is-​sitwazzjoni li tissemma fl-​introduzzjoni. Barnaba ħa lil Marku u mar jaħdem Ċipru, art twelidu, filwaqt li Pawlu rħielha lejn is-​Sirja. (Atti 15:36-​41) B’mod ċar, Pawlu u Barnaba kellhom ħarsa differenti lejn id-​deċiżjoni li kien ħa Marku ftit qabel.

Rikonċiljazzjoni

Bla dubju, Marku kien dispjaċut minħabba din l-​esperjenza. Iżda hu baqaʼ ministru leali. Madwar 11 jew 12-​il sena wara din il-​kwistjoni maʼ Pawlu, Marku reġaʼ feġġ fl-​istorja tal-​Kristjanità tal-​bidu. Fejn? Fejn l-​inqas li forsi tobsor li ssibu—maʼ Pawlu!

Madwar is-​snin 60 u 61 E.K., waqt li kien il-​ħabs f’Ruma, Pawlu bagħat diversi ittri li issa jagħmlu parti mill-​Iskrittura Mqaddsa. Fl-​ittra lill-​Kolossin hu kiteb: “Aristarku, sieħbi fil-​ħabs, jibgħat iselli għalikom, kif ukoll Marku, il-​kuġin taʼ Barnaba, (li dwaru ħadtu ordnijiet biex tilqgħuh jekk xi darba jiġi għandkom) . . . Huma biss jaħdmu miegħi għas-​saltna t’Alla, u għalija saru għajnuna li ssaħħaħni.”—Kol. 4:10, 11.

X’differenza! Marku filli kien xi ħadd li Pawlu verament ma ħax gost bih, u filli reġaʼ sar wieħed mill-​ħaddiema sħabu li kien apprezzat ħafna. Milli jidher, Pawlu kien informa lill-​Kolossin dwar il-​possibiltà li jżurhom Marku. F’każ li jżurhom, Marku kien se jaqdi bħala r-​rappreżentant taʼ Pawlu.

Snin qabel, kien Pawlu kkritikah iżżejjed lil Marku? Ibbenefika Marku mid-​dixxiplina meħtieġa? Jew xi ftit mit-​tnejn? Kien x’kien il-​każ, ir-​rikonċiljazzjoni hija xhieda tal-​maturità kemm taʼ Pawlu u kemm taʼ Marku. Għalihom, dak li ġara kien għadda u mar u reġgħu bdew jaħdmu flimkien. X’eżempju mill-​aqwa għal min kellu xi nuqqas taʼ qbil maʼ Kristjan ieħor!

Marku l-​Vjaġġatur

Int u taqra dwar id-​diversi vjaġġi li għamel Marku, tinduna li vvjaġġa mhux ħażin. Hu kien minn Ġerusalemm, mar jgħix Antjokja, u minn hemm baħħar lejn Ċipru u Perga. Imbagħad mar Ruma. Minn hemm, Pawlu ried jibagħtu Kolossi. U dan mhux kollox!

L-​appostlu Pietru kiteb l-​ewwel ittra tiegħu f’xi żmien bejn is-​sena 62 E.K. u s-​sena 64 E.K. Hu kiteb: “Dik li qiegħda f’Babilonja . . . tibgħat isselli għalikom, u jselli għalikom ukoll ibni Marku.” (1 Pt. 5:13) Għalhekk, Marku vvjaġġa lejn Babilonja biex jaqdi spalla maʼ spalla mal-​appostlu li snin qabel kien jattendi l-​laqgħat Kristjani f’dar ommu.

Meta Pawlu ġie mitfugħ il-​ħabs għat-​tieni darba f’Ruma madwar is-​sena 65 E.K., bagħat għal Timotju li kien Efesu billi kitiblu u żied jgħidlu: “Ħu lil Marku u ġibu miegħek.” (2 Tim. 4:11) B’hekk, Marku mbagħad mar Efesu. Bla dubju hu qabel li jmur lura Ruma maʼ Timotju. Dak iż-​żmien l-​ivvjaġġar ma kienx faċli, iżda Marku kien lest li jagħmel dawn il-​vjaġġi.

Privileġġ Kbir Ieħor

Privileġġ kbir li gawda Marku kien li hu ġie mnebbaħ minn Ġeħova biex jikteb wieħed mill-​Evanġelji. Għalkemm fit-​tieni Evanġelju mkien ma jissemma min kien l-​awtur tiegħu, l-​iktar tradizzjonijiet bikrin jgħidu li kien Marku li kitbu, u jsostnu li hu kiseb l-​informazzjoni mingħand Pietru. Fil-​fatt, Pietru, xi ftit jew wisq, ra b’għajnejh stess l-​affarijiet kollha li kiteb dwarhom Marku.

Dawk li analizzaw l-​Evanġelju taʼ Marku jemmnu li hu kiteb għall-​qarrejja Ġentili. Hu pprovda spjegazzjonijiet siewja tal-​prattiki tal-​Lhud. (Mk. 7:3; 14:12; 15:42) Kieku Marku ma ttraduċiex ċertu kliem mill-​Aramajk, kieku ma kienx jinftiehem minn udjenza li ma kinitx Lhudija. (Mk. 3:17; 5:41; 7:11, 34; 15:22, 34) Hu uża bosta kliem bil-​Latin u saħansitra spjega kliem bil-​Grieg komuni billi uża kliem bil-​Latin. Dan kollu donnu hu fi qbil mat-​tradizzjoni antika li tgħid li Marku kiteb l-​Evanġelju tiegħu waqt li kien Ruma.

“Utli Għalija Biex Jaqdini”

Marku kiteb l-​Evanġelju tiegħu f’Ruma. Iżda, din ma kinitx l-​unika ħaġa li hu għamel waqt li kien hemmhekk. Ftakar x’qal Pawlu lil Timotju: “Ħu lil Marku u ġibu miegħek.” X’kienet ir-​raġuni taʼ Pawlu? “Għax hu utli għalija biex jaqdini.”—2 Tim. 4:11.

Din ir-​referenza għal Marku, li kronoloġikament hi l-​aħħar waħda fl-​Iskrittura, tgħid ħafna dwaru. Marku, fl-​ebda żmien fil-​karriera teokratika tiegħu ma jidher bħala appostlu, mexxej, jew profeta. Hu kien ministru, jiġifieri, wieħed li kien idur bl-​oħrajn u jaqdihom. U matul dan iż-​żmien, jiġifieri ftit qabel il-​mewt taʼ Pawlu, l-​appostlu żgur setaʼ jibbenefika mill-​għajnuna taʼ Marku.

Meta niġbru flimkien dawn il-​biċċiet kollha taʼ informazzjoni li għandna dwar Marku naraw stampa taʼ raġel żeluż biex jippromwovi l-​aħbar tajba f’diversi nħawi fit-​territorju dinji, raġel li jieħu gost jaqdi lil oħrajn. Tabilħaqq, xi privileġġi premjanti gawda Marku għax ma qatax qalbu!

Bħal Marku, aħna l-​qaddejja t’Alla llum nuru l-​istess determinazzjoni biex nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Bħal fil-​każ taʼ Marku, xi wħud minna jistgħu jmorru xi mkien ieħor, saħansitra f’pajjiżi oħrajn, biex jippromwovu l-​aħbar tajba hemmhekk. Filwaqt li pass bħal dan jistaʼ ma jkunx possibbli għall-​biċċa l-​kbira minna, ilkoll kemm aħna nistgħu nimitaw lil Marku b’mod importanti ieħor. Bħalma hu ħareġ barra minn triqtu biex jgħin lil ħutu Kristjani, hekk ukoll aħna lesti li nagħmlu sforz biex ngħinu lil sħabna fit-​twemmin b’modi prattiċi sabiex iwettqu s-​servizz tagħhom lejn Alla. Aħna u nagħmlu dan, nistgħu nibqgħu ċerti li se nkomplu nirċievu l-​barka taʼ Ġeħova.—Prov. 3:27; 10:22; Gal. 6:2.

[Nota taʼ taħt]

a Kien komuni għan-​nies taʼ żmien Marku li jadottaw jew jaċċettaw it-​tieni isem taʼ oriġini Ebrajka jew taʼ xi oriġini barranija oħra. L-​isem taʼ Marku bil-​Lhudi kien Joħanan—Ġwanni bil-​Malti. Ismu bil-​Latin kien Markus, jew Marku.—Atti 12:25.

[Mappa/Stampa f’paġna 8, 9]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Xi Wħud mill-​Bliet li Żar Marku

Ruma

Efesu

Kolossi

Perga

Antjokja (tas-​Sirja)

Ċipru

IL-​BAĦAR MEDITERRAN

Ġerusalemm

Babilonja