Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ir-Raġel li Biddel id-Dinja

Ir-Raġel li Biddel id-Dinja

Ir-​Raġel li Biddel id-​Dinja

Biljuni taʼ nies għexu u mietu fuq din l-​art. Ħafna ma ħallew ebda marka biex niftakruhom. Madankollu, ftit influwenzaw l-​istorja—u x’aktarx il-​ħajja tiegħek taʼ kuljum.

TQUM filgħodu u tipprepara biex titlaq għax-​xogħol. Sakemm tlesti, tixgħel id-​dawl. Taqbad ktieb jew rivista biex taqraha fuq tal-​linja. Tiftakar tieħu l-​antibijotika preskritta li qed tgħinek tiġġieled kontra xi infezzjoni. Il-​ġurnata tiegħek bilkemm bdiet, u diġà bbenefikajt mill-​influwenza taʼ ftit irġiel famużi.

Michael Faraday Imwieled fl-​1791, dan l-​espert Ingliż tal-​fiżika vvinta l-​mutur elettriku u d-​dinamo, magna li tbiddel l-​enerġija mekkanika f’enerġija elettrika. L-​iskoperti u l-​invenzjonijiet tiegħu għenu biex jagħmlu l-​elettriċità iktar disponibbli għan-​nies.

Ts’ai Lun Dan kien uffiċjal fil-​qorti imperjali taċ-​Ċina u ngħata l-​kredtu bħala dak li żviluppa proċess li jagħmel il-​karti madwar is-​sena 105 E.K. li wassal għall-​produzzjoni tal-​karti fuq skala kbira.

Johannes Gutenberg Madwar is-​sena 1450, dan l-​inventur Ġermaniż żviluppa l-​ewwel stamperija li tuża tipi li jiċċaqalqu. L-​istamperija għamlitha possibbli biex isir stampar li ma jqumx ħafna flus, u b’hekk kien hemm aċċess għal informazzjoni dwar varjetà kbira taʼ suġġetti madwar id-​dinja.

Alexander Fleming Fis-​sena 1928, ir-​riċerkatur Skoċċiż skopra sustanza antibijotika li semmieha penisilin. Issa l-​antibijotiċi jintużaw f’ħafna postijiet biex jiġġieldu kontra infezzjonijiet tal-​batterji.

Mingħajr dubju, l-​iskoperti u l-​invenzjonijiet taʼ ftit irġiel ippermettew lil biljuni taʼ nies biex ikollhom ċerti vantaġġi jew biex igawdu saħħa aħjar.

Madankollu, hemm raġel wieħed li jispikka fuq l-​oħrajn kollha. Mhuwiex magħruf għal xi skoperta xjentifika jew għal xi żvilupp ġdid fil-​mediċina. Minflok, dan ir-​raġel li kellu trobbija sempliċi u li miet kważi 2,000 sena ilu ħalla messaġġ warajh—messaġġ qawwi taʼ tama u faraġ. Meta jitkejjel b’kemm il-​messaġġ tiegħu effettwa l-​ħajjiet tan-​nies madwar id-​dinja, ħafna jaqblu li verament hu r-​raġel li biddel id-​dinja.

Dan ir-​raġel kien Ġesù Kristu. Liema messaġġ ipprietka? U dan il-​messaġġ liema effett jistaʼ jkollu fuq ħajtek?