Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġesù Kristu—Il-Messaġġ Tiegħu sa Liema Punt Effettwa lin-Nies?

Ġesù Kristu—Il-Messaġġ Tiegħu sa Liema Punt Effettwa lin-Nies?

Ġesù Kristu​—Il-​Messaġġ Tiegħu sa Liema Punt Effettwa lin-​Nies?

“Ċertament li l-​iktar prova soda li eżista r-​raġel għaref [Ġesù] minn Kafarnahum hi li hu għad għandu l-​qlub u l-​imħuħ tan-​nies fl-​idejn teneri tiegħu.” a—L-​AWTUR GREGG EASTERBROOK.

IL-​KLIEM għandu l-​qawwa. Kliem taʼ għerf meqjus jistaʼ jqanqal il-​qlub, inissel it-​tama, u jbiddel il-​ħajjiet. Ebda bniedem ma kien daqstant qawwi fi kliemu daqskemm kien Ġesù Kristu. Wieħed li semaʼ lil Ġesù jagħmel dik li issa hi magħrufa sew bħala l-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, iktar tard kiteb: “Meta Ġesù temm dan id-​diskors, ġara li l-​folol baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom.”—Mattew 7:28.

Sal-​ġurnata tal-​lum, ħafna minn dak li qal Ġesù huwa familjari man-​nies tad-​dinja kollha. Ikkunsidra ftit eżempji taʼ espressjonijiet li għandhom tifsir profond.

“Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.”—Mattew 6:24.

“Kulma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.”—Mattew 7:12.

“Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”—Mattew 22:21.

“Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

Imma Ġesù għamel iktar milli sempliċement qal espressjonijiet memorabbli. Il-​messaġġ li pprietka kellu l-​qawwa minħabba li wassal il-​verità dwar Alla, għallem lin-​nies kif isibu skop veru fil-​ħajja, u b’mod ċar ipponta lejn is-​soluzzjoni għat-​tbatija kollha tan-​nies—is-​Saltna t’Alla. Hekk kif neżaminaw dan il-​messaġġ fil-​paġni li ġejjin, se naraw għala Ġesù għad għandu miljuni taʼ ‘qlub u mħuħ fl-​idejn teneri tiegħu.’

[Nota taʼ taħt]

a Kafarnahum, belt fid-​distrett tal-​Galilija, kienet kunsidrata bħala l-​post fejn trabba Ġesù.—Marku 2:1.