Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dak li Ġesù Għallem Dwar Alla

Dak li Ġesù Għallem Dwar Alla

Dak li Ġesù Għallem Dwar Alla

“L-​uniku wieħed li verament jaf lill-​Missier hu l-​Iben. Imma l-​Iben irid jgħid lil oħrajn dwar il-​Missier, sabiex huma jsiru jafuh ukoll.”—LUQA 10:22, CONTEMPORARY ENGLISH VERSION.

QABEL ma sar bniedem, l-​ewwel Iben imwieled t’Alla qattaʼ snin bla għadd fi sħubija mill-​qrib maʼ Missieru. (Kolossin 1:15) B’hekk, l-​Iben sar jaf il-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u l-​modi taʼ Missieru. Meta dan l-​Iben iktar tard ġie fuq l-​art bħala r-​raġel Ġesù, hu kien ħerqan biex jgħallem il-​verità dwar Missieru. Nistgħu nitgħallmu ħafna dwar Alla billi nagħtu widen għal dak li dan l-​Iben kellu xi jgħid.

L-​isem t’Alla L-​isem divin, Ġeħova, kien tal-​akbar importanza għal Ġesù. Dan l-​Iben maħbub ried li oħrajn ikunu jafu u jużaw isem Missieru. L-​istess isem Ġesù jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.” Fil-​lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù setaʼ jgħid f’talba lil Ġeħova: “Għarrafthom ismek.” (Ġwanni 17:26) Ma nistagħġbux li Ġesù uża l-​isem t’Alla u għamlu magħruf lil oħrajn. Fuq kollox, is-​semmiegħa taʼ Ġesù kif setgħu jifhmu l-​verità dwar Ġeħova mingħajr ma saħansitra jkunu jafu Ismu u x’jirrappreżenta? a

L-​imħabba kbira t’Alla Ġesù darba minnhom f’talba qal lil Alla: “Missier, . . . ħabbejtni qabel it-​tisjis tad-​dinja.” (Ġwanni 17:24) Peress li kien esperjenza l-​imħabba t’Alla fis-​sema, Ġesù, meta kien fuq l-​art, fittex li jirrivela dik l-​imħabba bil-​ħafna aspetti sbieħ tagħha.

Ġesù wera li l-​imħabba taʼ Ġeħova hi bla limitu. Ġesù qal: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Il-​kelma Griega tradotta “dinja” ma tfissirx “l-​art.” Kif inhi użata hawnhekk, tirreferi għall-​bnedmin—fil-​fatt, għall-​umanità kollha. Tant hi kbira l-​imħabba t’Alla għall-​familja umana li hu ta l-​iktar Iben prezzjuż tiegħu sabiex bnedmin leali jkunu jistgħu jinħelsu mill-​qabda tad-​dnub u l-​mewt u jkollhom il-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem. Lanqas biss nistgħu nibdew nifhmu l-​kobor taʼ mħabba kbira bħal din.—Rumani 8:38, 39.

Ġesù afferma verità li tqawwi l-​qalb: Ġeħova jħobb profondament lill-​aduraturi tiegħu bħala individwi. Ġesù għallem li Ġeħova hu bħal ragħaj li għalih kull waħda min-​nagħaġ tiegħu hi differenti u prezzjuża. (Mattew 18:12-​14) Ġesù qal li lanqas għasfur tal-​bejt wieħed ma jaqaʼ fl-​art mingħajr ma jkun jaf Ġeħova. Ġesù żied: “Saħansitra x-​xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud.” (Mattew 10:29-​31) Jekk Ġeħova għandu l-​abbiltà li jinduna li għasfur tal-​bejt wieħed hu nieqes minn bejta partikulari, kemm iktar mela hu josserva u jieħu ħsieb kull aduratur uman tiegħu? Jekk kull xagħra taʼ rasna tistaʼ tingħadd u tiġi notata minn Ġeħova, allura hemm xi dettall dwar ħajjitna—il-​bżonnijiet, it-​taqbid, u l-​ansjetajiet tagħna—li ma jistax ikun jaf dwaru?

Missier tas-​sema Bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel, Ġesù hu l-​Iben uniġenitu t’Alla. Mhux taʼ b’xejn li dan l-​Iben maħbub spiss indirizza lil Ġeħova u tkellem Dwaru bħala ‘Missieru.’ Fil-​fatt, fl-​ewwel kliem dokumentat taʼ Ġesù, li qal fit-​tempju meta kellu biss 12-​il sena, hu rrefera għal Ġeħova bħala “Missieri.” (Luqa 2:49) It-​terminu “Missier” jidher kważi 190 darba fl-​Evanġelji. Ġesù kemm-​il darba tkellem dwar Ġeħova bħala “Missierkom,” “Missierna,” u “Missieri.” (Mattew 5:16; 6:9; 7:21) Billi uża dan it-​terminu daqstant spiss, Ġesù wera li relazzjoni taʼ mħabba u taʼ fiduċja maʼ Ġeħova tistaʼ tintlaħaq minn bnedmin midinbin u imperfetti.

Ħanin u lest li jaħfer Ġesù kien jaf li l-​bnedmin imperfetti għandhom bżonn il-​ħniena abbundanti taʼ Ġeħova. Fil-​parabbola tiegħu tal-​iben il-​ħali, Ġesù xebbah lil Ġeħova maʼ missier li juri mogħdrija u li jaħfer u li jiftaħ idejh biex jilqaʼ lura iben niedem. (Luqa 15:11-​32) B’hekk, il-​kliem taʼ Ġesù jassigurana li Ġeħova jfittex kwalunkwe tibdil fil-​qalb min-​naħa taʼ bniedem midneb biex Hu jkollu bażi ħalli juri ħniena. Ġeħova hu ħerqan biex jaħfer lil midneb li jindem. “Ngħidilkom,” spjega Ġesù, “bl-​istess mod, ikun hemm iktar ferħ fis-​sema minħabba midneb wieħed li jindem milli minħabba disgħa u disgħin bniedem sewwa li m’għandhomx bżonn jindmu.” (Luqa 15:7) Min ma jħossux jinġibed lejn Alla taʼ ħniena bħal dan?

Semmiegħ it-​talb Fis-​smewwiet qabel ma ġie fuq l-​art, Ġesù osserva b’għajnejh stess li Ġeħova hu “Semmiegħ it-​talb” u li Hu jitgħaxxaq bit-​talb tal-​aduraturi leali tiegħu. (Salm 65:2) Għalhekk, matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù għallem lis-​semmiegħa tiegħu kif jitolbu u għal xiex għandhom jitolbu. ‘Toqogħdux tirripetu l-​istess ħaġa,’ hu wissa. Hu ħeġġeġ lis-​semmiegħa tiegħu biex jitolbu ħalli r-​rieda t’Alla tkun “kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” Nistgħu nitolbu wkoll għall-​ikel taʼ kuljum, biex jinħafrulna dnubietna, u biex nirreżistu t-​tentazzjoni. (Mattew 6:5-​13) Ġesù għallem li Ġeħova jwieġeb it-​talb tal-​qaddejja Tiegħu bħalma jagħmel missier, billi jwieġeb it-​talb sinċier tagħhom li jkunu għamlu bil-​fidi.—Mattew 7:7-​11.

Bla dubju, Ġesù fittex li jgħallem il-​verità dwar Ġeħova u dwar x’tip t’Alla hu. Imma kien hemm xi ħaġa oħra dwar Ġeħova li Ġesù kien ħerqan li jgħallem—il-​mezz li bih Ġeħova se jagħmel bidliet mad-​dinja kollha sabiex iwettaq l-​iskop Tiegħu għal din l-​art u għall-​bnedmin li jgħixu fuqha. Fil-​fatt, dan l-​aspett tal-​messaġġ taʼ Ġesù kien it-​tema tal-​ippritkar tiegħu.

[Nota taʼ taħt]

a L-​isem Ġeħova jidher xi 7,000 darba fit-​test oriġinali tal-​Bibbja. It-​tifsir assoċjat maʼ dan l-​isem hu “Jien se nsir dak li rrid insir.” (Eżodu 3:14) Alla jistaʼ jsir dak kollu li jikkunsidra li hu neċessarju sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu. B’hekk, dan l-​isem jagħti garanzija li Alla hu dejjem leali lejn l-​iskop tiegħu u li dak kollu li jwiegħed se jseħħ.