Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġesù Kristu—Kif il-Messaġġ Tiegħu Jeffettwak

Ġesù Kristu—Kif il-Messaġġ Tiegħu Jeffettwak

Ġesù Kristu​—Kif il-​Messaġġ Tiegħu Jeffettwak

“Jien ġejt biex ikollhom il-​ħajja, ħajja bl-​abbundanza.” —ĠWANNI 10:10.

ĠESU KRISTU ġie primarjament fuq l-​art biex jagħti u mhux biex jirċievi. Permezz tal-​ministeru tiegħu, hu ta rigal imprezzabbli lill-​umanità—messaġġ li jirrivela l-​verità dwar Alla u r-​rieda Tiegħu. Dawk li jwieġbu għal dan il-​messaġġ jistgħu jgawdu ħajja aħjar issa, bħalma jistgħu jixhdu miljuni taʼ Kristjani veri. a Imma fil-​qalba tal-​messaġġ li pprietka Ġesù hemm l-​iktar rigal prezzjuż—il-​ħajja perfetta li hu ta għan-​nom tagħna. Il-​benesseri etern tagħna jiddependi minn kif inwieġbu għal dan l-​aspett fundamentali tal-​messaġġ tiegħu.

Dak li taw Alla u Kristu Ġesù kien jaf li hu kien se jmut mewta taʼ wġigħ f’idejn l-​għedewwa tiegħu. (Mattew 20:17-​19) Madankollu, fil-​kliem tiegħu li hu magħruf sew u li nsibu fi Ġwanni 3:16, hu qal: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” Ġesù qal ukoll li hu ġie biex “jagħti ruħu [jew, ħajtu] b’fidwa għal ħafna.” (Mattew 20:28) Għala qal li ħajtu kienet se tingħata minflok ma tittieħed?

Imqanqal minn imħabba li ma titqabbel ma xejn, Alla għamel provvediment biex il-​bnedmin jinħelsu mid-​dnub li wirtu u mill-​konsegwenzi tiegħu—l-​imperfezzjoni u l-​mewt. Alla għamel dan billi bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fuq l-​art biex imut mewta taʼ sagrifiċċju. Ġesù obda minn jeddu, billi ta l-​ħajja umana perfetta tiegħu għan-​nom tagħna. Dan il-​provvediment, imsejjaħ il-​fidwa, hu l-​aqwa rigal mingħand Alla lill-​bnedmin. b Huwa rigal li jistaʼ jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem.

X’hemm bżonn li tagħmel Hija l-​fidwa rigal għalik personalment? Dan jiddependi minnek. Biex nagħtu eżempju: Immaġina li xi ħadd għandu f’idejh rigal għalik. Fil-​fatt, dan ma jsirx ir-​rigal tiegħek qabel ma tiftaħ idejk u taċċettah. B’mod simili, Ġeħova jestendi l-​fidwa lilek, imma dan ir-​rigal mhuwiex tiegħek personalment jekk ma tiftaħx idejk u taċċettah. Kif?

Ġesù qal li huma dawk li ‘jeżerċitaw il-​fidi’ fih li se jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. Il-​fidi tinvolvi l-​mod kif int tgħix ħajtek. (Ġakbu 2:26) Li teżerċita l-​fidi f’Ġesù jfisser li ġġib ħajtek fi qbil mal-​affarijiet li hu qal u għamel. Biex tagħmel dan, trid tkun taf lil Ġesù u lil Missieru tajjeb. “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan,” qal Ġesù, “li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.

Xi 2,000 sena ilu, Ġesù Kristu xandar messaġġ li biddel il-​ħajjiet taʼ miljuni taʼ nies madwar id-​dinja. Tixtieq tkun taf iktar dwar dan il-​messaġġ u dwar kif int u l-​maħbubin tiegħek tistgħu tibbenefikaw minnu, mhux biss issa, imma wkoll għal dejjem? Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma lesti li jgħinuk.

L-​artikli taʼ wara dan se jagħmluk iktar midħla taʼ Ġesù Kristu, ir-​raġel li pprietka messaġġ li jistaʼ jbiddillek ħajtek għal dejjem.

[Noti taʼ taħt]

a Mhux kull min isostni li hu Kristjan hu segwaċi ġenwin taʼ Kristu. Is-​segwaċi veri taʼ Ġesù huma dawk li jgħixu fi qbil mal-​veritajiet li hu għallem dwar Alla u r-​rieda Tiegħu.—Mattew 7:21-​23.

b Għal iktar informazzjoni dwar it-​tagħlim Skritturali tal-​fidwa, ara kapitlu 5, “Il-​Fidwa—L-​Aqwa Rigal Mingħand Alla,” tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.