Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irġiel, Intom Tissottomettu Ruħkom Lejn Kristu Bħala l-Kap?

Irġiel, Intom Tissottomettu Ruħkom Lejn Kristu Bħala l-Kap?

Irġiel, Intom Tissottomettu Ruħkom Lejn Kristu Bħala l-​Kap?

“Il-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu.”—1 KOR. 11:3.

1. Xʼjuri li Ġeħova hu Alla taʼ ordni?

 “INT jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu,” jgħid Rivelazzjoni 4:11. Minħabba li ħalaq kollox, Alla Ġeħova hu s-​Sovran Suprem tal-​univers u għandu awtorità fuq il-​ħolqien kollu tiegħu. Li Ġeħova “m’huwiex Alla tad-​diżordni, imma tal-​paċi,” jistaʼ jidher ċar mill-​mod kif il-​familja anġelika tiegħu hi organizzata.—1 Kor. 14:33; Is. 6:1-​3; Ebr. 12:22, 23.

2, 3. (a) Min kien l-​ewwel fost il-​ħolqien taʼ Ġeħova? (b) X’pożizzjoni relattiva għandu l-​ewwel Iben imwieled mal-​Missier?

2 Qabel ma beda joħloq kollox, Alla kien jeżisti waħdu għal żmien indefinit. L-​ewwel ħolqien tiegħu kien il-​ħliqa spirtu magħruf bħala “l-​Kelma” minħabba li kien il-​Kelliemi taʼ Ġeħova. Il-​Kelma hu l-​wieħed li permezz tiegħu bdiet teżisti kull ħaġa oħra. Iktar tard, hu ġie fuq l-​art bħala bniedem perfett u sar magħruf bħala Ġesù Kristu.—Aqra Ġwanni 1:1-​3, 14.

3 L-​Iskrittura xi tgħid dwar il-​pożizzjonijiet relattivi li għandhom Alla u l-​ewwel Iben imwieled tiegħu? L-​appostlu Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb: “Irridkom tkunu tafu li l-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu; u l-​kap tal-​mara hu r-​raġel; u l-​kap tal-​Kristu hu Alla.” (1 Kor. 11:3) Il-​Kristu għandu lil Missieru bħala l-​kap tiegħu. Sabiex ikun hemm il-​paċi u l-​ordni fost il-​ħlejjaq intelliġenti, huwa essenzjali li jkun hemm stat taʼ kap u sottomissjoni. Anki l-​wieħed li ‘permezz tiegħu nħolqu l-​affarijiet l-​oħrajn kollha’ hu mistenni li jissottometti ruħu lejn Alla bħala l-​kap tiegħu.—Kol. 1:16.

4, 5. Ġesù kif ħassu dwar il-​pożizzjoni relattiva tiegħu ma’ Ġeħova?

4 Ġesù kif ħassu dwar li jissottometti ruħu lejn Ġeħova bħala l-​kap tiegħu u dwar li kellu jiġi fuq l-​art? L-​Iskrittura tgħid: “Kristu Ġesù, li, għalkemm kien jeżisti fis-​sura t’Alla, ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla. Le, iżda xejjen lilu nnifsu u ħa s-​sura taʼ lsir u sar jixbah lill-​bnedmin. Iktar minn hekk, meta sab ruħu f’għamla taʼ bniedem, umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-​mewt, iva, sal-​mewt fuq zokk tat-​tortura.”—Flp. 2:5-​8.

5 Ġesù dejjem kien sottomess b’umiltà lejn ir-​rieda taʼ Missieru. Hu qal: “Ma nistaʼ nagħmel xejn minn rajja; . . . il-​ġudizzju li nagħti hu ġust, għax ma nfittixx ir-​rieda tiegħi imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.” (Ġw. 5:30) Hu ddikjara: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob [lil Missieri].” (Ġw. 8:29) Lejn l-​aħħar taʼ ħajtu fuq l-​art, f’talba lil Missieru, Ġesù qal: “Jien igglorifikajtek fuq l-​art, billi temmejt ix-​xogħol li tajtni nagħmel.” (Ġw. 17:4) B’mod ċar, ma kinitx problema għal Ġesù li jirrikonoxxi u jaċċetta lil Alla bħala l-​kap tiegħu.

Is-​Sottomissjoni Lejn il-​Missier Iġġib Benefiċċji lill-​Iben

6. Liema kwalitajiet tal-​għaġeb wera Ġesù?

6 Meta kien fuq l-​art, Ġesù wera ħafna kwalitajiet tal-​għaġeb. Fosthom kien hemm l-​imħabba kbira li wera lejn Missieru. Hu qal: “Jien inħobb lill-​Missier.” (Ġw. 14:31) Hu wera wkoll imħabba kbira lejn in-​nies. (Aqra Mattew 22:35-​40.) Ġesù kien juri qalb tajba u konsiderazzjoni, u ma kienx aħrax jew imkabbar. Hu qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mt. 11:28-​30) Nies taʼ kull età li kellhom kwalitajiet bħal taʼ nagħaġ, speċjalment dawk li kienu mtaqqlin u mgħakksin, tassew sabu faraġ fil-​personalità pjaċevoli u l-​messaġġ edifikanti taʼ Ġesù.

7, 8. Skont il-​Liġi, il-​mara bit-​tnixxija taʼdemm kif kienet limitata, iżda Ġesù kif ittrattaha?

7 Ikkunsidra l-​mod kif Ġesù kien jittratta lin-​nisa. Matul l-​istorja, bosta rġiel ittrattawhom ħażin ħafna lin-​nisa. Dan kien minnu fil-​każ tal-​mexxejja reliġjużi taʼ Israel tal-​qedem. Imma Ġesù ttratta lin-​nisa bir-​rispett. Dan jidher ċar mill-​mod kif ittratta lil waħda mara li kienet ilha 12-​il sena tbati minn tnixxija taʼ demm. Hi “kienet batiet ferm” taħt it-​tobba u nefqet kulma kellha sabiex tipprova tfiq. Minkejja dak kollu li għamlet, hi “marret għall-​agħar.” Skont il-​Liġi, hi kienet meqjusa bħala mhix nadifa u anki kull min kien imissha kien isir mhux nadif.—Lev. 15:19, 25.

8 Meta din il-​mara semgħet li Ġesù kien qed ifejjaq lill-​morda, hi ngħaqdet mal-​folla li kienet imdawra miegħu, u qalet: “Jekk imqar immisslu ħwejġu nfiq.” Hi messet lil Ġesù u mill-​ewwel fieqet. Ġesù kien jaf li ma kellhiex tmisslu ħwejġu. Iżda ma ċanfarhiex. Anzi, hu wera qalb tajba magħha. Fehem kif setgħet tħossha wara dawk is-​snin kollha marida u ntebaħ li kienet iddisprata għall-​għajnuna. B’mogħdrija, Ġesù qalilha: “Binti, il-​fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-​paċi, u kun imfejqa.”—Mk. 5:25-​34.

9. Meta d-​dixxipli taʼ Ġesù pprovaw iwaqqfu lit-​tfal milli jmorru għandu, Ġesù kif irreaġixxa?

9 Anki t-​tfal setgħu jħossuhom komdi fil-​preżenza taʼ Ġesù. Darba minnhom, meta n-​nies ġabulu t-​tfal, id-​dixxipli tiegħu ċanfru lin-​nies għax mid-​dehra ħassew li ma kienx se joqgħod jinħela mat tfal. Imma Ġesù ma ħassux hekk. Ir-​rakkont fl-​Iskrittura jgħid: “Malli ra dan, Ġesù ma ħax pjaċir u qalilhom [lid-​dixxipli]: ‘Ħallu t-​tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom, għax is-​saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom.’” Iktar minn hekk, hu “ħaddan it-​tfal miegħu u beda jberikhom waqt li jpoġġi idejh fuqhom.” Ġesù mhux biss ittollera lit-​tfal; hu laqagħhom b’idejh miftuħin.—Mk. 10:13-​16.

10. Ġesù kif kiseb il-​kwalitajiet li wera?

10 Ġesù kif kiseb il-​kwalitajiet li wera meta kien fuq l-​art? Fil-​ħajja tiegħu qabel ma sar bniedem, hu osserva lil Missieru tas-​sema għal żmien twil ħafna u tgħallem il-​mogħdijiet Tiegħu. (Aqra Proverbji 8:22, 23, 30.) Fis-​sema hu kien ra l-​mod kollu mħabba li bih Ġeħova kien jeżerċita l-​istat taʼ kap fuq il-​ħolqien kollu Tiegħu, u Ġesù adotta dan il-​mod hu stess. Kieku Ġesù ma kienx sottomess, kien ikun kapaċi jagħmel dan? Kienet l-​għaxqa tiegħu li jkun sottomess lejn Missieru, u kienet l-​għaxqa taʼ Ġeħova li jkollu Iben sottomess bħal dan. Meta kien fuq l-​art, Ġesù rrifletta b’mod perfett il-​kwalitajiet meraviljużi taʼ Missieru tas-​sema. Xi privileġġ għandna li nkunu sottomessi lejn Kristu, il-​Ħakkiem tas-​Saltna tas-​sema maħtur minn Alla!

Imitaw il-​Kwalitajiet taʼ Kristu

11. (a) Lil min għandna naħdmu iebes biex nimitaw? (b) Speċjalment l-​irġiel fil-​kongregazzjoni, għala għandhom jistinkaw biex jimitaw lil Ġesù?

11 Kulħadd fil-​kongregazzjoni Kristjana, speċjalment l-​irġiel, għandu jaħdem iebes kontinwament sabiex jimita l-​kwalitajiet taʼ Kristu. Kif diġà rajna, il-​Bibbja tistqarr: “Il-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu.” Bħalma Kristu imita lill-​Kap tiegħu, l-​Alla l-​veru, l-​irġiel Kristjani għandhom jistinkaw biex jimitaw lill-​kap tagħhom—il-​Kristu. Malli sar Kristjan, l-​appostlu Pawlu għamel proprju hekk. Hu ħeġġeġ lill-​Kristjani sħabu: “Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.” (1 Kor. 11:1) U l-​appostlu Pietru qal: “Għal dan il-​mod taʼ ħajja kontu msejħin, għax saħansitra Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.” (1 Pt. 2:21) Jerġaʼ hemm raġuni oħra għala t-​twissija biex nimitaw lill-​Kristu hija taʼ interess partikulari għall-​irġiel. Dawn huma l-​uħud li jsiru anzjani u qaddejja ministerjali. Sewwasew bħalma Ġesù sab il-​ferħ f’li jimita lil Ġeħova, hekk ukoll l-​irġiel Kristjani għandhom isibu l-​ferħ f’li jimitaw lil Kristu u l-​kwalitajiet tiegħu.

12, 13. L-​anzjani kif għandhom jittrattaw lin-​nagħaġ fdati fil-​ħarsien tagħhom?

12 L-​anzjani fil-​kongregazzjoni Kristjana għandhom l-​obbligu li jitgħallmu jkunu bħal Kristu. Lill-​irġiel ixjeħ, jew l-​anzjani, Pietru tahom din it-​twissija: “Irgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħkom, mhux bilfors, imma minn jeddkom; mhux għall-​imħabba tal-​qligħ diżonest, imma bil-​ħerqa; u mhux billi tiddominaw fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla, imma billi ssiru eżempji għall-​merħla.” (1 Pt. 5:1-​3) L-​anzjani Kristjani m’għandhomx ikunu dittatorjali, dominanti, ħorox, jew jagħmlu regoli bla bżonn. Sabiex jimitaw l-​eżempju taʼ Kristu, l-​anzjani għandhom jistinkaw biex jittrattaw lin-​nagħaġ fdati fil-​ħarsien tagħhom bi mħabba, b’konsiderazzjoni, b’umiltà, u b’qalb tajba.

13 Dawk li qed jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni huma rġiel imperfetti, u jridu jkunu konxji taʼ din il-​limitazzjoni l-​ħin kollu. (Rum. 3:23) Għalhekk, għandhom ikunu ħerqanin biex jitgħallmu dwar Ġesù u jimitaw l-​imħabba tiegħu. Jeħtieġ li l-​anzjani jimmeditaw fuq il-​mod kif Alla u Kristu jittrattaw lin-​nies, imbagħad jistinkaw biex jimitawhom. Pietru jħeġġiġna: “Ilkoll kemm intom tħażżmu bl-​umiltà lejn xulxin, għax Alla jopponi lis-​suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa ma’ l-​umli.”—1 Pt. 5:5.

14. L-​anzjani kif għandhom jonoraw lil oħrajn?

14 L-​irġiel maħturin fil-​kongregazzjoni għandhom juru kwalitajiet mill-​aqwa fil-​mod kif jittrattaw lill-​merħla t’Alla. Rumani 12:10 jgħid: “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-​aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” L-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali jonoraw lil oħrajn. Bħall-​Kristjani inġenerali, dawn l-​irġiel m’għandhom ‘jagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà għandhom iqisu lill-​oħrajn superjuri għalihom.’ (Flp. 2:3) Bla dubju, dawk li qed jieħdu t-​tmexxija għandhom iqisu lil oħrajn bħala superjuri għalihom. Jekk jagħmlu hekk, l-​irġiel maħturin ikunu qed isegwu l-​parir taʼ Pawlu: “Iżda aħna li aħna b’saħħitna għandna nerfgħu d-​dgħjufijiet taʼ dawk li m’humiex b’saħħithom u mhux nogħġbu lilna nfusna. Ħa jogħġob kull wieħed minna lill-​proxxmu tiegħu f’dak li hu tajjeb biex jgħinu jinbena. Għax lanqas il-​Kristu ma fittex li jogħġob lilu nnifsu.”—Rum. 15:1-​3.

Onoraw lin-​Nisa Tagħkom

15. L-​irġiel miżżewġin kif għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom?

15 Issa ejja nikkunsidraw il-​parir li Pietru ta lill-​irġiel miżżewġin. Hu kiteb: “Intom l-​irġiel miżżewġin komplu għammru man-​nisa tagħkom skond l-​għarfien, billi tonoraw lill-​mara bħala reċipjent iktar dgħajjef.” (1 Pt. 3:7) Li tonora lil xi ħadd ifisser li tistmah ferm. B’hekk, tikkunsidra l-​opinjonijiet, il-​bżonnijiet, u x-​xewqat tal-​individwu, u ċċedi—sakemm ma jkunx hemm xi raġuni valida biex ma ċċedix. Raġel għandu jittratta lil martu b’dan il-​mod.

16. Il-​Kelma t’Alla liema twissija tagħti lill-​irġiel miżżewġin rigward li jonoraw lin-​nisa tagħhom?

16 Meta kien qed jgħid lill-​irġiel miżżewġin biex jonoraw lin-​nisa tagħhom, Pietru żied jgħid din it-​twissija: “Sabiex ma jkunx hemm tfixkil għat-​talb tagħkom.” (1 Pt. 3:7) Dan juri ċar kemm Ġeħova jieħu bis-​serjetà l-​mod kif raġel jittratta lil martu. Jekk jonqos li jonoraha, it-​talb tiegħu jistaʼ jiġi mfixkel. Iktar minn hekk, in-​nisa ġeneralment jirreaġixxu b’mod pożittiv meta l-​irġiel tagħhom jittrattawhom b’unur.

17. Raġel miżżewweġ kif għandu jħobb lil martu?

17 Dwar li wieħed iħobb lil martu, il-​Kelma t’Alla tagħti l-​parir: “L-​irġiel b’dan il-​mod għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. . . . Għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-​Kristu jagħmel ukoll lill-​kongregazzjoni . . . Bl-​istess mod, kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu.” (Efes. 5:28, 29, 33) L-​irġiel miżżewġin kif għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom? Pawlu kiteb: “Irġiel, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efes. 5:25) Iva, raġel miżżewweġ għandu jkun lest saħansitra li jagħti ħajtu għal martu, bħalma Kristu għamel għal oħrajn. Meta raġel Kristjan jittratta lil martu b’tenerezza, b’konsiderazzjoni, bla egoiżmu, u billi jagħtiha attenzjoni, ikun iktar faċli għaliha li tissottometti ruħha lejh bħala l-​kap tagħha.

18. Liema għajnuna għandhom l-​irġiel biex jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tagħhom fiż-​żwieġ?

18 Qiegħed Ġeħova jitlob xi ħaġa kbira meta jgħid li l-​irġiel miżżewġin għandhom jagħtu unur lin-​nisa tagħhom b’dan il-​mod? Le, Hu qatt mhu se jitlobhom jagħmlu xi ħaġa li mhumiex kapaċi jagħmluha. Barra minn hekk, l-​aduraturi taʼ Ġeħova jistgħu jiksbu l-​akbar qawwa fl-​univers—l-​ispirtu qaddis t’Alla. Ġesù qal: “Jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-​Missier li hu fis-​sema jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!” (Lq. 11:13) Fit-​talb tagħhom, l-​irġiel miżżewġin jistgħu jitolbu lil Ġeħova jgħinhom permezz tal-​ispirtu tiegħu biex jittrattaw sew lil oħrajn, inkluż lin-​nisa tagħhom.—Aqra Atti 5:32.

19. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu taʼ studju li jmiss?

19 Tabilħaqq, l-​irġiel għandhom ir-​responsabbiltà kbira li jitgħallmu jkunu sottomessi lejn Kristu u li jimitaw l-​irwol tiegħu bħala kap. Imma xi ngħidu għan-​nisa, speċjalment dawk miżżewġin? Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu kif dawn għandhom iqisu l-​irwol tagħhom fl-​arranġament taʼ Ġeħova.

Tiftakar Int?

• Liema kwalitajiet taʼ Ġesù għandna nimitaw?

• L-​anzjani kif għandhom jittrattaw lin-​nagħaġ?

• Raġel miżżewweġ kif għandu jittratta lil martu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 10]

Imita lil Ġesù billi tonora lil oħrajn