Dak li l-Jum taʼ Ġeħova Se Jirrivela
Dak li l-Jum taʼ Ġeħova Se Jirrivela
“Il-jum taʼ Ġeħova se jiġi bħal ħalliel, . . . u l-art u x-xogħlijiet li fiha jinkixfu.”—2 PT. 3:10.
1, 2. (a) Is-sistema preżenti mill-agħar kif se tintemm? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
IS-SISTEMA preżenti mill-agħar hi bbażata fuq il-gidba fundamentali li l-bniedem jistaʼ jaħkem l-art b’suċċess indipendenti minn Ġeħova. (Salm 2:2, 3) Tistaʼ xi ħaġa bbażata fuq gidba tibqaʼ għal dejjem? Dażgur li le! Xorta waħda, m’għandniex għalfejn nistennew lid-dinja taʼ Satana teqred lilha nfisha. Minflok, se tinqered minn Alla fiż-żmien stabbilit tiegħu u kif irid hu. L-azzjoni t’Alla kontra din id-dinja mill-agħar se tirrifletti b’mod perfett kemm il-ġustizzja tiegħu kif ukoll l-imħabba tiegħu.—Salm 92:7; Prov. 2:21, 22.
2 “Il-jum taʼ Ġeħova,” kiteb l-appostlu Pietru, “se jiġi bħal ħalliel, u f’dan il-jum is-smewwiet jgħibu b’ħoss kbir, u l-elementi tant ikunu jikwu li jdubu, u l-art u x-xogħlijiet li fiha jinkixfu.” (2 Pt. 3:10) X’inhuma “s-smewwiet” u “l-art” imsemmijin hawnhekk? X’inhuma “l-elementi” li se jdubu? U Pietru x’ried ifisser meta qal li “l-art u x-xogħlijiet li fiha” se “jinkixfu”? Li nkunu nafu t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jgħinna nħejju ruħna għall-ġrajjiet li jqanqlu l-biżaʼ u li se jseħħu fil-futur qarib.
Is-Smewwiet u l-Art li Se Jgħibu
3. X’inhuma “s-smewwiet” imsemmijin fit-2 Pietru 3:10, u kif se jgħibu?
3 Meta tintuża b’mod simboliku fil-Bibbja, il-kelma “smewwiet” spiss tirreferi għal qawwiet li jaħkmu u li jitgħollew ’il fuq mis-sudditi tagħhom. (Is. 14:13, 14; Riv. 21:1, 2) “Is-smewwiet [li se] jgħibu” jirrappreżentaw il-ħakma umana fuq soċjetà mbiegħda minn Alla. Il-fatt li jgħibu “b’ħoss kbir” jistaʼ jindika l-qerda b’ħeffa taʼ dawn is-smewwiet.
4. X’inhi “l-art,” u kif se tinqered?
4 “L-art” tirrappreżenta d-dinja tal-umanità mbiegħda minn Alla. Dinja bħal din kienet teżisti fi żmien Noè u, bil-kmand t’Alla, inqerdet bid-Dilluvju. “Bl-istess kelma, is-smewwiet u l-art t’issa huma merfugħin għan-nar u qed jinżammu għal jum il-ġudizzju u l-qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” (2 Pt. 3:7) Filwaqt li d-Dilluvju qered lin-nies mill-agħar kollha f’daqqa, il-qerda li ġejja se sseħħ pass pass matul “it-tribulazzjoni l-kbira.” (Riv. 7:14) Fl-ewwel fażi taʼ din it-tribulazzjoni, Alla se jqanqal lill-ħakkiema politiċi taʼ din id-dinja biex jeqirdu lil “Babilonja l-Kbira,” u b’hekk juri l-istmerrija tiegħu għal din il-prostituta reliġjuża. (Riv. 17:5, 16; 18:8) Imbagħad, fil-gwerra taʼ Armageddon, l-aħħar fażi tat-tribulazzjoni l-kbira, Ġeħova nnifsu se jelimina l-kumplament tad-dinja taʼ Satana.—Riv. 16:14, 16; 19:19-21.
“L-Elementi . . . Jdubu”
5. L-elementi figurattivi x’jinkludu?
5 X’inhuma “l-elementi” li se “jdubu”? Dizzjunarju Bibliku jagħti definizzjoni tal-kelma “elementi” bħala “prinċipji ewlenin,” jew “rudimenti.” Din il-kelma, jgħid id-dizzjunarju, “intużat għall-ittri tal-alfabett, bħala elementi tad-diskors.” B’hekk, “l-elementi” msemmijin minn Pietru jirreferu għall-affarijiet fundamentali li jagħtu lid-dinja l-karatteristiki, l-attitudnijiet, il-modi, u l-miri tagħha li huma mbegħdin minn Alla. “L-elementi” jinkludu “l-ispirtu tad-dinja,” li “jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza.” (1 Kor. 2:12; aqra Efesin 2:1-3.) Dan l-ispirtu, jew “arja,” hu mxerred mad-dinja taʼ Satana. Iġiegħel lin-nies jaħsbu, jippjanaw, jitkellmu, u jaġixxu b’modi li jirriflettu l-moħħ taʼ Satana, “il-ħakkiem taʼ l-awtorità taʼ l-arja,” li hu kburi u ribelluż.
6. L-ispirtu tad-dinja kif jintwera?
6 Għalhekk, kemm jekk jafu u kemm jekk le, dawk infettati bl-ispirtu tad-dinja jħallu lil moħħhom u lil qalbhom jiġu influwenzati minn Satana, sabiex b’hekk jirriflettu l-mod taʼ ħsib tiegħu u l-attitudni tiegħu. Minħabba f’hekk, jagħmlu dak li jridu, mingħajr ma jqisu r-rieda t’Alla. Huma jirreaġixxu għal sitwazzjonijiet fuq il-bażi tal-kburija jew l-egoiżmu, juru attitudni ribelluża lejn l-awtorità, u bla rażan iċedu għax-“xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn.”—Aqra l-1 Ġwanni 2:15-17. a
7. Għala għandna ‘nħarsu lil qalbna’?
7 Għalhekk, kemm hu importanti li aħna ‘nħarsu lil qalbna’ billi neżerċitaw l-għerf divin meta nagħżlu maʼ min nissieħbu, x’naqraw, id-divertiment, u l-Web sites li forsi niftħu fuq l-Internet! (Prov. 4:23) L-appostlu Pawlu kiteb: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin, skond l-affarijiet elementari tad-dinja u mhux skond Kristu.” (Kol. 2:8) Dan il-kmand isir saħansitra iktar urġenti hekk kif joqrob il-jum taʼ Ġeħova, għax tant se jkun ‘jikwi’ li se jdewweb “l-elementi” tas-sistema taʼ Satana, u b’hekk juri li dawn ma jistgħux jirreżistu r-rabja taħraq t’Alla. Dan ifakkarna fil-kliem taʼ Malakija 4:1: “Ġej il-jum jaqbad bħall-forn, u l-prużuntużi kollha u dawk kollha li qed jagħmlu l-ħażen iridu jsiru bħat-tiben. U l-jum li ġej se jiblagħhom żgur.”
“L-Art u x-Xogħlijiet li Fiha Jinkixfu”
8. L-art u x-xogħlijiet li fiha kif “jinkixfu”?
8 Pietru x’ried ifisser meta kiteb li “l-art u x-xogħlijiet li fiha jinkixfu”? Pietru kien qed jgħid li matul it-tribulazzjoni l-kbira, Ġeħova se jikxef id-dinja taʼ Satana, billi jesponiha bħala li hi kontra Tiegħu u kontra s-Saltna Tiegħu, u b’hekk jixirqilha li tinqered. Fi kliem profetiku dwar dak iż-żmien, Isaija 26:21 jgħid: “Ġeħova ġej minn postu biex jitlob kont mill-abitanti taʼ l-art għall-iżball tagħhom, u l-art se tikxef it-tixrid taʼ demm tagħha u ma tkomplix tgħatti l-maqtulin tagħha.”
9. (a) X’għandna niċħdu, u għala? (b) X’għandna nikkultivaw, u għala?
9 Matul il-jum taʼ Ġeħova, dawk li ġew imsawrin mid-dinja u l-ispirtu mill-agħar tagħha se juru x’inhuma verament, billi saħansitra joqtlu lil xulxin. Fil-fatt, jistaʼ jkun li d-diversi forom taʼ divertiment vjolenti li huma popolari llum qed iħarrġu l-imħuħ taʼ ħafna għaż-żmien meta l-id taʼ kull bniedem “se tintrefaʼ kontra id sieħbu.” (Żak. 14:13) Għalhekk, kemm hu importanti li niċħdu dak kollu—films, kotba, logħob tal-kompjuter, eċċetra—li jistaʼ jipproduċi fina karatteristiki li Alla jistmerr, bħall-kburija u l-imħabba għall-vjolenza! (2 Sam. 22:28; Salm 11:5) Minflok, ejja nikkultivaw il-frott tal-ispirtu qaddis t’Alla, għax kwalitajiet bħal dawn se jkunu kapaċi jirreżistu s-sħana figurattiva tal-jum taʼ Ġeħova.—Gal. 5:22, 23.
“Smewwiet Ġodda u Art Ġdida”
10, 11. X’inhuma s-“smewwiet ġodda” u l-“art ġdida”?
10 Aqra t-2 Pietru 3:13. Is-“smewwiet ġodda” huma s-Saltna t’Alla fis-sema, li ġiet stabbilita fis-sena 1914 meta ntemmu “ż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus.” (Lq. 21:24) Dan il-gvern irjali hu magħmul minn Kristu Ġesù u l-144,000 li se jaħkmu miegħu u li l-biċċa l-kbira minnhom diġà rċivew il-premju tagħhom tas-sema. Fil-ktieb tar-Rivelazzjoni, dawn l-uħud magħżulin huma deskritti bħala “l-belt qaddisa, Ġerusalemm il-Ġdida, nieżla mis-sema mingħand Alla u mħejjija bħal għarusa mżejna għal żewġha.” (Riv. 21:1, 2, 22-24) Sewwasew bħalma Ġerusalemm tal-art kienet il-bażi tal-gvern f’Israel tal-qedem, Ġerusalemm il-Ġdida u l-Għarusa tagħha jifformaw il-gvern tas-sistema l-ġdida. Din il-belt ċelestjali se ‘tinżel mis-semaʼ billi tidderieġi l-attenzjoni tagħha lejn l-art.
11 L-“art ġdida” tirreferi għas-soċjetà ġdida taʼ bnedmin fuq l-art li minn jeddhom se jkunu wrew sottomissjoni għas-Saltna t’Alla. Il-ġenna spiritwali li jgawdu n-nies t’Alla saħansitra issa sa fl-aħħar se tkun f’ambjent xieraq għaliha f’dik “l-art abitata [sabiħa] li ġejja.” (Ebr. 2:5) Kif nistgħu nkunu parti minn din is-sistema l-ġdida?
Ħejji Ruħek għall-Jum il-Kbir taʼ Ġeħova
12. Il-jum taʼ Ġeħova għala se jkun xokkanti għad-dinja?
12 Kemm Pawlu kif ukoll Pietru bassru li l-jum taʼ Ġeħova kellu jiġi “bħal ħalliel”—bil-moħbi u bla mistenni. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:1, 2.) Anki l-Kristjani veri, li qed jibqgħu jistennew dak il-jum, se jkunu sorpriżi b’kemm jiġi f’daqqa. (Mt. 24:44) Madankollu, id-dinja se tesperjenza ħafna iktar minn sorpriża. Pawlu kiteb: “Meta [dawk li huma mbegħdin minn Ġeħova] jkunu qed jgħidu: ‘Paċi u sigurtà!’ imbagħad tiġi fuqhom minnufih qerda f’daqqa bħall-weġgħa tal-ħlas fuq mara tqila; u żgur ma jeħilsuhiex.”—1 Tess. 5:3.
13. Kif nistgħu nevitaw li nħallu l-għajta “Paċi u sigurtà!” tqarraq bina?
13 L-għajta “Paċi u sigurtà!” se tkun sempliċement gidba oħra mnebbħa mid-demonji; però, mhix se tqarraq bil-qaddejja taʼ Ġeħova. “M’intomx fid-dlam,” kiteb Pawlu, “biex dak il-jum jiġi fuqkom bħalma jagħmel lill-ħallelin, għax intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum.” (1 Tess. 5:4, 5) Għalhekk, ejja nibqgħu fid-dawl, ’il bogħod mid-dlam tad-dinja taʼ Satana. Pietru kiteb: “Maħbubin, billi għandkom dan l-għarfien bil-quddiem, oqogħdu għassa li ma tmorrux tinġarru magħhom [mal-għalliema foloz fil-kongregazzjoni Kristjana] bl-iżball taʼ nies li jisfidaw il-liġi, u titilfu s-sodizza tagħkom.”—2 Pt. 3:17.
14, 15. (a) Ġeħova kif jurina d-dinjità? (b) Liema kliem imnebbaħ għandna nniżżlu f’qalbna?
14 Innota li Ġeħova ma jgħidilniex sempliċement biex ‘noqogħdu għassa’ u mbagħad iħallina lampa stampa. Minflok, hu jurina d-dinjità billi b’qalb tajba jagħtina “għarfien bil-quddiem,” spjegazzjoni bażika taʼ x’se jiġri fil-futur.
15 Però, b’sogħba, xi wħud saru indifferenti jew saħansitra xettiċi dwar it-tfakkiriet rigward il-bżonn li nibqgħu mqajmin. ‘Ilna snin sħaħ nisimgħu din l-istess tfakkira,’ għandhom mnejn jgħidu. Madankollu, dawn l-individwi għandhom iżommu f’moħħhom li meta jagħmlu rimarki bħal dawn ikunu fil-fatt qed jiddubitaw minn Ġeħova u minn Ibnu, mhux biss mill-klassi tal-ilsir leali. “Ibqaʼ stennieha,” qal Ġeħova. (Ħab. 2:3) Bl-istess mod, Ġesù qal: “Ibqgħu għassa, għax ma tafux f’liema jum ġej il-Mulej tagħkom.” (Mt. 24:42) Flimkien maʼ dan, Pietru kiteb: “Oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu dejjem f’moħħkom il-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova!” (2 Pt. 3:11, 12) Il-klassi tal-ilsir leali u l-Ġemgħa li Tiggverna tagħha qatt ma se jqisu dan il-kliem serju b’mod indifferenti!
16. Liema attitudni għandna nevitaw, u għala?
16 Tabilħaqq, hu “l-ilsir mill-agħar” li jikkonkludi li s-Sid qed jiddawwar. (Mt. 24:48) Dan l-ilsir mill-agħar hu parti minn grupp deskritt fit-2 Pietru 3:3, 4. “Fl-aħħar jiem,” kiteb Pietru, “jiġu nies li jwaqqgħu kollox għaċ-ċajt” li, “skond ix-xewqat tagħhom stess,” jiżżuffjettaw b’dawk li b’ubbidjenza jżommu l-jum taʼ Ġeħova qrib f’moħħhom. Iva, minflok ma jiffokaw fuq l-interessi tas-Saltna, dawn li jwaqqgħu għaċ-ċajt jiffokaw fuqhom infushom u fuq ix-xewqat egoistiċi tagħhom stess. Jalla qatt ma niżviluppaw attitudni diżubbidjenti u perikoluża bħal din! Minflok, jalla ‘l-paċenzja tal-Mulej tagħna nqisuha bħala salvazzjoni’ billi nibqgħu beżlin fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli u billi ma nkunux ansjużi żżejjed dwar meta se jiġru l-ġrajjiet li jappartjenu lil Alla Ġeħova.—2 Pt. 3:15; aqra Atti 1:6, 7.
Afda fl-Alla tas-Salvazzjoni
17. Il-Kristjani leali kif wieġbu għat-twissija taʼ Ġesù biex jaħarbu minn Ġerusalemm, u għala?
17 Wara li l-armati Rumani invadew lil-Lhudija fis-sena 66 E.K., il-Kristjani leali aġixxew fi qbil mat-twissija taʼ Ġesù biex jaħarbu mill-belt taʼ Ġerusalemm mal-ewwel opportunità. (Lq. 21:20-23) Għala aġixxew mill-ewwel u b’mod deċiżiv? Bla dubju kienu żammew it-twissija taʼ Ġesù qrib f’moħħhom. Ċertament, huma stennew li d-deċiżjoni tagħhom kienet se tinvolvi xi tbatija, bħalma Kristu kien wissiehom minn qabel. Imma fl-istess ħin, kienu jafu li Ġeħova qatt ma kien se jabbanduna lil-leali tiegħu.—Salm 55:22.
18. Il-kliem taʼ Ġesù f’Luqa 21:25-28 kif jinfluwenza l-ħarsa tiegħek lejn it-tribulazzjoni l-kbira li ġejja?
18 Aħna wkoll irridu nafdaw kompletament f’Ġeħova, għax hu biss jistaʼ jsalvana meta s-sistema preżenti tgħaddi mill-akbar tribulazzjoni li qatt kien hawn fl-istorja kollha tal-bniedem. F’xi żmien wara l-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira, imma qabel ma Ġeħova jesegwixxi l-ġudizzju tiegħu fuq il-kumplament tad-dinja, in-nies se “jħosshom ħażin bil-biżaʼ u bl-istennija taʼ dak li jkun ġej fuq l-art abitata.” Madankollu, waqt li l-għedewwa t’Alla se jirtogħdu bil-biżaʼ, il-qaddejja leali taʼ Ġeħova mhux se jħossuhom imwerwrin. Għall-kuntrarju, se jithennew għax ikunu jafu li l-ħelsien tagħhom fil-qrib.—Aqra Luqa 21:25-28.
19. X’se jiġi kunsidrat fl-artiklu li jmiss?
19 Iva, x’futur eċċitanti jistenna lil dawk li jibqgħu separati mid-dinja u “l-elementi” tagħha! Madankollu, bħalma jispjega l-artiklu li jmiss, jekk irridu niksbu l-ħajja, irridu nagħmlu iktar milli sempliċement nevitaw dak li hu ħażin. Hemm bżonn li niżviluppaw kwalitajiet li jogħġbu lil Ġeħova u nagħmlu għemejjel li huma aċċettabbli għalih.—2 Pt. 3:11.
[Nota taʼ taħt]
a Għal deskrizzjoni iktar bis-sħiħ tal-karatteristiki li jiġu mqanqlin mill-ispirtu tad-dinja, ara l-ktieb Reasoning From the Scriptures, paġni 389-393.
Tistaʼ Tispjega?
• X’jirrappreżentaw . . .
‘is-smewwiet u l-art’ preżenti?
“l-elementi”?
‘is-smewwiet ġodda u l-art ġdida’?
• Għala npoġġu l-fiduċja sħiħa tagħna f’Alla?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 5]
Kif tistaʼ ‘tħares lil qalbek’ u tibqaʼ separat mid-dinja?
[Stampa f’paġna 6]
Kif nuru li ‘l-paċenzja tal-Mulej tagħna nqisuha bħala salvazzjoni’?