Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Jistaʼ Jeħles Lil Dawk Li Qed Jgħajtu għall-Għajnuna?

Min Jistaʼ Jeħles Lil Dawk Li Qed Jgħajtu għall-Għajnuna?

Min Jistaʼ Jeħles Lil Dawk Li Qed Jgħajtu għall-​Għajnuna?

“O Alla, għallem lis-​sultan id-​deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek . . . Għax hu se jeħles lill-​fqir li jgħajjatlu għall-​għajnuna.”—SALM 72:1, 12.

1. Fil-​każ taʼ David, x’nitgħallmu dwar il-​ħniena t’Alla?

 KEMM hu inkuraġġanti dan il-​kliem, li milli jidher inkiteb mis-​Sultan David t’Israel tal-​qedem! Snin qabel ma kitbu, hu ħass rimors wara li kkommetta l-​adulterju maʼ Bat-​seba. Dak iż-​żmien, David talab bil-​ħrara lil Alla: “Skond l-​abbundanza tal-​ħniniet tiegħek ħassar għalkollox in-​nuqqasijiet tiegħi. . . . Dnubi quddiemi l-​ħin kollu. . . . Ara! Fl-​iżball jien twilidt bl-​uġigħ tal-​ħlas, u ommi nisslitni bid-​dnub.” (Salm 51:1-​5) Bi ħniena, Ġeħova jikkunsidra l-​kundizzjoni midinba tagħna li writna.

2. Salm 72 kif jistaʼ jgħinna?

2 Ġeħova jifhem is-​sitwazzjoni tal-​biki tagħna. Madankollu, bħalma kien imbassar, is-​Sultan midluk t’Alla “se jeħles lill-​fqir li jgħajjatlu għall-​għajnuna, u lill-​magħkus u lil kulmin m’għandux min jgħinu. Se jiddispjaċih għall-​batut u għall-​fqir, u jsalva ħajjet il-​foqra.” (Salm 72:12, 13) Kif se jiġi provdut is-​serħan? Salm 72 jgħidilna. Din l-​għanja, miktuba rigward il-​ħakma taʼ Salamun bin David, tipprovdi dehra bil-​quddiem taʼ kif il-​ħakma taʼ Bin Alla, Ġesù Kristu, se teħles lill-​umanità mill-​hemm.

Stampa bil-​Quddiem tal-​Ħakma taʼ Kristu

3. Salamun għal xiex talab, u Alla x’tah?

3 Wara li qal li Salamun għandu jsir sultan, David li kien imdaħħal fiż-​żmien tah istruzzjonijiet speċifiċi li Salamun wettaqhom bil-​lealtà. (1 Slat. 1:32-​35; 2:1-​3) Ġeħova iktar tard deher lil Salamun f’ħolma u qal: “Itlobni xi tridni nagħtik.” Salamun talab għal ħaġa waħda biss: “Agħti lill-​qaddej tiegħek qalb ubbidjenti biex jiġġudika lill-​poplu tiegħek, biex jagħraf bejn it-​tajjeb u l-​ħażin.” Minħabba t-​talba umli taʼ Salamun, Alla tah dak li talab u iktar minn dan.—1 Slat. 3:5, 9-​13.

4. Il-​ħakma taʼ Salamun kif ġiet deskritta minn waħda ħakkiema fi żmienu?

4 Bil-​barka taʼ Ġeħova, il-​ħakma taʼ Salamun irriżultat fl-​iktar perijodu rimarkevoli taʼ paċi u prosperità li qatt kien hawn taħt kwalunkwe gvern fuq l-​art. (1 Slat. 4:25) Fost dawk li marru jaraw kif kienet il-​ħakma taʼ Salamun kien hemm is-​Sultana taʼ Xeba, flimkien maʼ grupp kbir li kien magħha. Hi qalet lil Salamun: “Il-​kliem li smajt f’pajjiżi dwarek . . . huwa minnu. . . . Lanqas in-​nofs ma kienu qaluli. L-​għerf u l-​ġid tiegħek jisbqu l-​affarijiet li smajt.” (1 Slat. 10:1, 6, 7) Però, Ġesù wera ħafna iktar għerf, u b’mod xieraq setaʼ jgħid dwaru nnifsu: “Ara, xi ħadd akbar minn Salamun qiegħed hawn.”—Mt. 12:42.

Serħan Taħt il-​Ħakma taʼ Salamun Akbar

5. Salm 72 x’jirrivela, u liema stampa bil-​quddiem jipprovdi?

5 Issa ejja neżaminaw xi aspetti taʼ Salm 72 bil-​mira li nitgħallmu dwar il-​barkiet taħt il-​ħakma taʼ Ġesù Kristu, Salamun Akbar. (Aqra Salm 72:1-​4.) Dan is-​salm jirrivela kif iħossu Ġeħova dwar “il-​ħakma taʼ prinċep” taʼ Ibnu, il-​“Prinċep tal-​Paċi,” Ġesù Kristu. (Is. 9:6, 7) Taħt id-​direzzjoni t’Alla, Salamun Akbar se ‘jiddefendi l-​kawża tal-​magħkusin u jsalva lil ulied il-​fqir.’ Il-​ħakma tiegħu se tkun waħda taʼ paċi u sewwa. Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù ta stampa bil-​quddiem taʼ dak li se jwettaq ir-​Renju taʼ Elf Sena tiegħu li riesaq.—Riv. 20:4.

6. Ġesù liema lemħa ta tal-​barkiet taħt il-​ħakma tas-​Saltna?

6 Ikkunsidra ftit mill-​attivitajiet taʼ Ġesù Kristu li jagħtuna lemħa taʼ dak li se jagħmel għall-​umanità biex iwettaq Salm 72. Għandna għal xiex inkunu impressjonati bil-​mogħdrija kbira tiegħu għal dawk li kienu qed ibatu. (Mt. 9:35, 36; 15:29-​31) Pereżempju, raġel mifni bil-​ġdiem resaq lejn Ġesù u bil-​ħniena talab: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” Ġesù wieġbu: “Irrid. Indaf.” U r-​raġel fieq! (Mk. 1:40-​42) Iktar tard, Ġesù ltaqaʼ maʼ armla li l-​uniku tifel tagħha kien miet. Ġesù “ħassu mqanqal u tħassarha,” u qal, “Qum!” u binha hekk għamel. Reġaʼ ħa l-​ħajja!—Lq. 7:11-​15.

7, 8. Liema kienu xi turijiet tal-​qawwa li tfejjaq taʼ Ġesù?

7 Ġeħova ta l-​qawwa lil Ġesù biex jagħmel il-​mirakli. Dan intwera fil-​każ taʼ “mara li kienet ilha tnax-​il sena tbati bi tnixxija taʼ demm.” Għalkemm “kienet batiet ferm taħt ħafna tobba u nefqet kulma kellha,” pjuttost marret għall-​agħar. Il-​mara daħlet f’nofs folla u messet lil Ġesù—dan kien ksur tal-​liġi għal waħda li jkollha ‘tisfija kontinwa taʼ demm.’ (Lev. 15:19, 25) Ġesù ntebaħ li kienet ħarġet qawwa minnu, u għalhekk staqsa min kien messu. “Tirtogħod bil-​biżaʼ,” il-​mara “nxteħtet quddiemu u qaltlu l-​verità kollha.” Billi rrealizza li Ġeħova kien fejjaq lill-​mara, Ġesù ttrattaha b’qalb tajba u qal: “Binti, il-​fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-​paċi, u kun imfejqa mill-​marda kiefra tiegħek.”—Mk. 5:25-​27, 30, 33, 34.

8 Il-​qawwiet taʼ fejqan li Ġesù ngħata minn Alla fejqu lill-​morda imma żgur wkoll li kellhom effett qawwi fuq dawk li osservawh. Pereżempju, ħafna bla dubju baqgħu impressjonati meta raw lil Ġesù jfejjaq lin-​nies qabel il-​Prietka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja. (Lq. 6:17-​19) Meta Ġwanni l-​Battista bagħat żewġ messaġġiera biex jikkonfermaw li Ġesù kien il-​Messija, sabu lil Ġesù ‘jfejjaq lil ħafna li kienu morda jew magħdurin jew maħkumin minn spirti mill-​agħar, u lil ħafna għomja wriehom ħniena u ġabhom jaraw.’ Ġesù mbagħad qal liż-​żewġt irġiel: “Morru u għidu lil Ġwanni dak li rajtu u smajtu: l-​għomja qed jingħataw id-​dawl, iz-​zopop qed jimxu, l-​imġiddmin qed jiġu mnaddfin u t-​torox qed jisimgħu, il-​mejtin qed jitqajmu, il-​foqra qed tintqalilhom l-​aħbar tajba.” (Lq. 7:19-​22) Min jaf kemm dan il-​messaġġ inkuraġġixxa lil Ġwanni!

9. Il-​mirakli taʼ Ġesù taʼ xiex kienu dehra bil-​quddiem?

9 Huwa minnu li s-​serħan mit-​tbatija li pprovda Ġesù matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art kien biss temporanju. Dawk in-​nies li fejjaq jew irxoxta maż-​żmien mietu. Però, il-​mirakli li Ġesù għamel waqt li kien fuq l-​art kienu dehra bil-​quddiem tas-​serħan dejjiemi li l-​umanità se tgawdi taħt il-​ħakma Messjanika tiegħu.

Dalwaqt Ikun Hawn Ġenna tal-​Art mad-​Dinja Kollha!

10, 11. (a) Il-​barkiet tas-​Saltna kemm se jdumu, u l-​ħakma taʼ Ġesù kif se tkun? (b) Min se jkun maʼ Kristu fil-​Ġenna, u kif se jkun jistaʼ jgħix għal dejjem?

10 Ipprova immaġina kif se tkun il-​ħajja f’Ġenna fuq l-​art. (Aqra Salm 72:5-​9.) L-​aduraturi tal-​uniku Alla veru se jkunu jistgħu jgawdu l-​ħajja f’Ġenna tal-​art daqskemm idumu jeżistu x-​xemx u l-​qamar—iva, għal dejjem! Il-​ħakma tas-​Sultan Ġesù Kristu żgur se tkun rifreskanti, ‘bħax-​xita fuq il-​ħaxix maħsud u ħalbiet spissi li jxarrbu l-​art.’

11 Hekk kif iġġib quddiem għajnejk it-​twettiq taʼ dan is-​salm, ma titqanqalx qalbek bit-​tama li tgħix għal dejjem f’Ġenna tal-​art? Ċertament li r-​raġel ħażin li ġie msammar maʼ zokk tgħaxxaq meta Ġesù qallu: “Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” (Lq. 23:43) Matul ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù, dan ir-​raġel se jerġaʼ jingħata l-​ħajja. Jekk jissottometti ruħu għall-​ħakma taʼ Kristu se jkun jistaʼ jgħix fuq l-​art għal dejjem f’saħħa perfetta u ferħan.

12. Matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu, liema opportunità se tkun miftuħa għal dawk li mhumiex sewwa li jiġu rxoxtati?

12 Taħt il-​ħakma taʼ Salamun Akbar, Ġesù Kristu, “il-​ġust jinbet,” jiġifieri, se jiffjorixxi jew joktor. (Salm 72:7) L-​imħabba u l-​ħarsien teneru taʼ Kristu mbagħad se jkunu abbundanti, sewwasew bħalma kienu meta kien fuq l-​art. Fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda t’Alla, anki “dawk li m’humiex sewwa” li jiġu rxoxtati se jingħataw opportunità kollha mħabba biex iġibu ħajjithom fi qbil mal-​livelli taʼ Ġeħova u jgħixu. (Atti 24:15) M’għandniex xi ngħidu, dawk li jirrifjutaw li jaġixxu fi qbil mal-​ħtiġijiet t’Alla mhux se jitħallew jibqgħu jgħixu u jħassru l-​paċi u t-​trankwillità tad-​dinja l-​ġdida.

13. Il-​ħakma tas-​Saltna kemm se tkun estensiva, u l-​paċi tagħha għala qatt ma se tiġi mfixkla?

13 Il-​fatt li l-​ħakma taʼ Salamun Akbar se tkopri l-​art kollha hu indikat b’dan il-​kliem: “Ikollu sudditi minn baħar sa baħar u mix-​Xmara [Ewfrat] sa truf l-​art. Quddiemu jmilu l-​abitanti tar-​reġjuni bla ilma, u l-​għedewwa tiegħu jilagħqu t-​trab.” (Salm 72:8, 9) Iva, Ġesù Kristu se jaħkem fuq l-​art kollha kemm hi. (Żak. 9:9, 10) Dawk li japprezzaw il-​ħakma tiegħu u l-​barkiet tagħha minn jeddhom se “jmilu” b’sottomissjoni. Mill-​banda l-​oħra, midinbin mhux niedma se jitqaċċtu ’l barra, biex ngħidu hekk, taʼ “mitt sena.” (Is. 65:20) Huma se “jilagħqu t-​trab.”

Ġesù Għandu Interess Kollu Mogħdrija Fina

14, 15. Kif nafu li Ġesù jifhem is-​sentimenti tal-​bnedmin u li “se jeħles lill-​fqir li jgħajjatlu għall-​għajnuna”?

14 L-​umanità midinba tinsab f’kundizzjoni tal-​biki u għandha bżonn l-​għajnuna b’mod iddisprat. Imma hemm tama għalina. (Aqra Salm 72:12-​14.) Ġesù, Salamun Akbar, jagħdirna għax jifhem il-​kundizzjoni imperfetta tagħna. Iżjed minn hekk, Ġesù sofra minħabba s-​sewwa, u Alla ħallieh jiffaċċja l-​provi waħdu. Ġesù tant sofra niket emozzjonali li “l-​għaraq tiegħu beda nieżel fl-​art bħal qtar tad-​demm”! (Lq. 22:44) Iktar tard, fuq iz-​zokk tat-​tortura, hu għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” (Mt. 27:45, 46) Minkejja dak kollu li bata, u għalkemm Satana għamel sforz kbir biex ibiegħdu minn Ġeħova, Ġesù baqaʼ leali lejn Alla Ġeħova.

15 Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġesù jara l-​uġigħ tagħna u “se jeħles lill-​fqir li jgħajjatlu għall-​għajnuna, u lill-​magħkus u lil kulmin m’għandux min jgħinu.” B’interess kollu mħabba bħal dak taʼ Missieru, Ġesù se “jismaʼ lill-​foqra” u se ‘jfejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma u jinfaxxalhom il-​ġrieħi li juġgħuhom.’ (Salm 69:33; 147:3) Ġesù jistaʼ “jagħder id-​dgħjufijiet tagħna,” għax hu “ġie provat fl-​aspetti kollha bħalna.” (Ebr. 4:15) Kemm hu tajjeb li nkunu nafu li s-​Sultan Ġesù Kristu issa qed jaħkem fis-​sema u hu ħerqan li jġib serħan għall-​bnedmin li qed ibatu!

16. Salamun għala kien kapaċi jagħder is-​sudditi tiegħu?

16 Minħabba li kellu l-​għerf u d-​dehen, Salamun bla dubju ‘ddispjaċieh għall-​batut.’ Wara kollox, il-​ħajja tiegħu kienet mimlija ġrajjiet taʼ niket u trawmatiċi. Ħuh Amnon stupra lil oħtu Tamar, u Absalom, ħu Salamun, qatel lil Amnon għal dan l-​att kriminali. (2 Sam. 13:1, 14, 28, 29) Absalom ħataf it-​tron taʼ David, imma r-​ribelljoni tiegħu falliet, u nqatel minn Ġowab. (2 Sam. 15:10, 14; 18:9, 14) Iktar tard, Adonija, ħu Salamun, ipprova jagħmel lilu nnifsu sultan. Kieku rnexxielu, bla dubju dan kien ifisser mewt għal Salamun. (1 Slat. 1:5) Il-​fatt li Salamun fehem it-​tbatija umana jidher f’dak li qal f’talba fl-​inawgurazzjoni tat-​tempju taʼ Ġeħova. Rigward is-​sudditi tiegħu, is-​sultan talab: “Kull wieħed jaf il-​kastig tiegħu u l-​uġigħ tiegħu . . . [Ġeħova] aħfer u agħti lil kull wieħed skond triqatu kollha.”—2 Kron. 6:29, 30.

17, 18. Xi wħud mill-​qaddejja t’Alla kellhom ikampaw maʼ liema wġigħ, u x’għenhom jagħmlu dan?

17 ‘L-​uġigħ tagħna’ jistaʼ jiġi mill-​effetti taʼ ċerti esperjenzi fil-​ħajja tal-​passat. Mary, a Xhud taʼ Ġeħova li għandha fuq it-​30 sena tikteb: “Għandi kull raġun biex inkun ferħana, imma spiss il-​passat tiegħi jqanqal fija sentimenti taʼ mistħija u għajb. Dan jirriżulta f’niket profond, u spiss nibki, bħallikieku kollox seħħ il-​bieraħ. Memorji mnaqqxin f’moħħi għadhom jipproduċu sentimenti qawwijin taʼ ħtija u taʼ li ma niswa għalxejn.”

18 Ħafna mill-​qaddejja t’Alla jistgħu jifhmu dawn is-​sentimenti, imma x’jistaʼ jgħinhom jiksbu s-​saħħa li għandhom bżonn sabiex jissaportu? “Ħbieb ġenwini u familja spiritwali issa jagħmluni ferħana,” tgħid Mary. “Ukoll nipprova niffoka fuq dak li jwiegħed Ġeħova għall-​futur, u għandi fiduċja li l-​għajta tiegħi għall-​għajnuna se tinbidel f’għajta taʼ ferħ.” (Salm 126:5) Irridu npoġġu t-​tama tagħna fil-​provvediment t’Alla, dak taʼ Ibnu, il-​Ħakkiem maħtur tiegħu. Dwaru ġie mbassar: “Se jiddispjaċih għall-​batut u għall-​fqir, u jsalva ħajjet il-​foqra. Mill-​moħqrija u mill-​vjolenza se jifdilhom ruħhom, u demmhom ikun prezzjuż f’għajnejh.” (Salm 72:13, 14) Kemm hu rassiguranti dan!

Dinja Ġdida t’Abbundanza Qed Tistenniena

19, 20. (a) Bħalma hu indikat f’Salm 72, liema problema se tiġi solvuta mill-​ħakma tas-​Saltna? (b) Il-​krettu għall-​ħakma taʼ Kristu lil min għandu jingħata primarjament, u kif tħossok dwar dak li se twettaq?

19 Erġaʼ pprova immaġina l-​futur taʼ bnedmin retti fid-​dinja l-​ġdida t’Alla taħt il-​ħakma taʼ Salamun Akbar. “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-​art,” niġu mwegħdin. “Fuq il-​qċaċet tal-​muntanji jkun hemm iżżejjed.” (Salm 72:16) Ladarba l-​qmuħ ġeneralment ma jikbrux fuq il-​qċaċet tal-​muntanji, dan il-​kliem jenfasizza kemm l-​art se ssir produttiva. Se tipproduċi ‘daqs il-​Libanu,’ reġjun li pproduċa bl-​abbundanza fi żmien il-​ħakma taʼ Salamun. Aħseb ftit! Ma jkunx hemm iktar nuqqas taʼ ikel, ħadd ma se jkun mingħajr ikel sustanzjuż, ħadd ma se jkun mejjet bil-​ġuħ! Imbagħad kulħadd se jgawdi “ikla kbira bi platti mħawrin sew biż-​żejt.”—Is. 25:6-​8; 35:1, 2.

20 Lil min se jingħata l-​krettu għal dawn il-​barkiet kollha? Primarjament lis-​Sultan Etern u l-​Ħakkiem Universali, Alla Ġeħova. Fil-​fatt, ilkoll kemm aħna mbagħad se ningħaqdu b’leħen wieħed fl-​aħħar parti taʼ din l-​għanja sabiħa u li tqawwi l-​qalb: “Ħa jibqaʼ ismu [dak tas-​Sultan Ġesù Kristu] għal dejjem; ħa jdum ismu sakemm iddum ix-​xemx, u permezz tas-​sultan ħa jbierku lilhom infushom; ħa jiddikjarawh hieni l-​ġnus kollha. Ikun imbierek Alla Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, li hu waħdu qed jagħmel għemejjel taʼ l-​għaġeb. Ikun imbierek l-​isem glorjuż tiegħu għal dejjem, u ħa timtela l-​art kollha bil-​glorja tiegħu. Amen u Amen.”—Salm 72:17-​19.

[Nota taʼ taħt]

a L-​isem ġie mibdul.

Int Kif Twieġeb?

Salm 72 b’mod profetiku taʼ xiex ta stampa bil-​quddiem?

• Min hu Salamun Akbar, u l-​ħakma tiegħu kemm se tkun estensiva?

• Int personalment x’jogħġbok dwar il-​barkiet imbassrin f’Salm 72?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 29]

Il-​prosperità li kien hemm matul il-​ħakma taʼ Salamun xi ffigurat bil-​quddiem?

[Stampa f’paġna 32]

Hu mistħoqq kull sforz li nagħmlu biex niksbu l-​ħajja f’Ġenna tal-​art taħt il-​ħakma taʼ Salamun Akbar