Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Afda f’Ġeħova—Hu Tassew Jgħinek

Afda f’Ġeħova—Hu Tassew Jgħinek

Kif Rakkontata Minn Edmund Schmidt

Qabel dhert quddiem il-​qorti fi New York f’Ottubru tal-​1943, ġie f’moħħi l-​parir t’hawn fuq. Sakemm għalaqt 25 sena, kont qattajt kważi erbaʼ snin il-​ħabs minħabba n-​newtralità Kristjana. Bħas-​segwaċi tal-​bidu taʼ Ġesù, jien kont determinat li ‘nobdi lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.’ (Atti 5:29) Iżda qabel ma ngħidilkom dwar dan, ħalli nispjega kif bdejt nemmen b’mod daqshekk sod f’Alla.

JIEN twilidt fit-​23 t’April, 1922, fi Cleveland, Ohio, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, fl-​appartament tagħna li kien sular ’il fuq mill-​forn taʼ missieri. Erbaʼ xhur wara, missieri, Edmund, attenda konvenzjoni tal-​Istudenti tal-​Bibbja (bħalma kienu jissejħu x-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien). Din saret f’Cedar Point, viċin Sandusky, madwar 160 kilometru ’l bogħod mid-​dar tagħna.

F’din il-​konvenzjoni, id-​delegati ġew imħeġġin biex ‘jirreklamaw, jirreklamaw, jirreklamaw, lis-​Sultan [t’Alla] u lis-​saltna tiegħu.’ Il-​Ħadd taʼ wara, missieri beda jieħu sehem f’dan ix-​xogħol. Hu kompla jagħmel dan għal 66 sena sakemm miet fl-​4 taʼ Lulju, 1988. Ommi, Mary, mietet leali lejn Alla fl-​1981.

Inqim lil Alla mal-​Ġenituri Tiegħi

Bħala familja konna nattendu l-​kongregazzjoni tal-​lingwa Pollakka fi Cleveland. Kull nhar taʼ Sibt waranofsinhar, ħafna minna t-​tfal, akkumpanjati mill-​adulti, konna nieħdu sehem fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba minn dar għal dar. Kull nhar taʼ Ħadd, il-​ġenituri tagħna kienu jieħdu gost jisimgħu taħdita bbażata fuq il-​Bibbja fis-​sala prinċipali tal-​post fejn konna niltaqgħu. Fl-​istess ħin, għalliem tal-​Bibbja tal-​esperjenza kien jikkonduċi studju tal-​Bibbja maʼ xi 30 minna ż-​żgħażagħ billi juża l-​ktieb The Harp of God  a bħala għajnuna għall-​istudju tal-​Bibbja. Ma domtx ma bdejt nikkonduċi l-​istudji tal-​Bibbji jien stess, u kelli riżultati tajbin.

F’Lulju tal-​1931, bħala familja, li issa kienet tinkludi lil ħija Frank, attendejna konvenzjoni oħra tal-​Istudenti tal-​Bibbja. Din id-​darba saret f’Columbus, madwar 160 kilometru lejn in-​Nofsinhar. Kien hawnhekk li l-​Istudenti tal-​Bibbja b’qalb sħiħa adottaw l-​isem Xhieda taʼ Ġeħova, isem ibbażat fuq il-​Bibbja. (Isaija 43:10-​12) F’din l-​okkażjoni ħadt sehem fil-​ministeru pubbliku u stidint lin-​nies biex jisimgħu t-​taħdita mogħtija minn J. F. Rutherford, li dak iż-​żmien kien qed jieħu t-​tmexxija fix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ilni minn dak iż-​żmien, jiġifieri iktar minn 79 sena, inpoġġi s-​servizz lil Alla Ġeħova flimkien mal-​poplu tiegħu, l-​ewwel f’ħajti.

Ministeru Premjanti Minkejja ż-​Żminijiet Diffiċli

Sal-​1933, id-​Dipressjoni l-​Kbira kienet qed tinħass mad-​dinja kollha. Fl-​Istati Uniti, iktar minn 15-​il miljun ruħ, jiġifieri kwart tal-​ħaddiema, kienu bla xogħol. Il-​bliet fallew, u ma kien hemm ebda provvediment taʼ sigurtà soċjali jew benefiċċji għall-​foqra. Madankollu, ħutna Kristjani rġiel u nisa kienu jgħinu lil xulxin. Bħala familja, nhar taʼ Ħadd konna mmorru fil-​post fejn konna niltaqgħu u naqsmu m’oħrajn il-​ħobż u xi ikel li konna naħmu fil-​forn tagħna. Il-​flus li missieri kien jibqagħlu f’idejh, wara li jkun ħallas l-​ispejjeż fl-​aħħar tax-​xahar, kien jibgħathom lill-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York. Hu kien jaf li dawn il-​flus kienu se jintużaw biex jgħinu fl-​ispejjeż tal-​istampar tal-​letteratura Biblika.

Matul dawk is-​snin, ix-​xandir fuq ir-​radju kien jilgħab parti importanti mill-​ministeru tagħna. Iktar minn 400 stazzjon kienu jxandru t-​taħditiet ibbażati fuq il-​Bibbja li kienu jingħataw fil-​konvenzjonijiet tagħna. Fis-​snin 30, fil-​fabbrika tagħhom fi Brooklyn, ix-​Xhieda kienu jipproduċu wkoll fonografi u diski. Dawn konna nużawhom fil-​ministeru tagħna. Fir-​rapport tas-​servizz konna nniżżlu kemm-​il darba konna nsemmgħu t-​taħditiet Bibliċi lil dawk li ma kinux Xhieda u kemm-​il persuna tkun semgħethom.

Fl-​1933, Adolf Hitler u l-​partit Nazista telgħu fil-​poter fil-​Ġermanja. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova hawnhekk kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ persekuzzjoni ħarxa minħabba n-​newtralità Kristjana tagħhom. (Ġwanni 15:19; 17:14) Minħabba li rrifjutaw li jieħdu sehem fl-​attivitajiet politiċi jew li jsellmu lil Hitler, persentaġġ għoli taʼ Xhieda fil-​Ġermanja ntbagħtu l-​ħabs jew fil-​kampijiet tal-​konċentrament. Ħafna wħud inqatlu u oħrajn tant ġew imġegħlin jaħdmu iebes li mietu. Minħabba li ġew trattati b’mod brutali, ħafna wħud mietu ftit wara li nħelsu. Bosta nies mhumiex konxji dwar kemm batew minħabba li ġew trattati ħażin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova f’pajjiżi oħrajn, inkluż fl-​Istati Uniti.

Fl-​1940, attendejna konvenzjoni f’Detroit, Michigan. Hawnhekk, fit-​28 taʼ Lulju, tgħammidt b’simbolu tad-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla Ġeħova. Xahar qabel din il-​konvenzjoni, il-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti ħarġet liġi li tgħid li jekk wieħed jirrifjuta li jsellem lill-​bandiera kien ikun qed jikkommetti offiża federali, u kien jiġi kastigat billi jitkeċċa mill-​iskola. Ix-​Xhieda kif irreaġixxew għal din id-​deċiżjoni? Ħafna minnhom kienu jmexxu l-​iskejjel tagħhom stess sabiex jipprovdu edukazzjoni għal uliedhom. Dawn kienu jissejħu Skejjel tas-​Saltna.

It-​Tieni Gwerra Dinjija kienet bdiet f’Settembru tal-​1939 fl-​Ewropa, u l-​fanatiżmu tal-​gwerra nfirex mal-​Istati Uniti. Xi Xhieda żgħażagħ batew minħabba abbużi u swat kemm minn żgħażagħ u kemm minn adulti li ma kinux jifhmu l-​pożizzjoni newtrali tagħna. Ġie rapportat li mill-​1940 sal-​1944, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Istati Uniti ġarrbu iktar minn 2,500 attakk vjolenti minn marmalji. Il-​persekuzzjoni żdiedet meta l-​Ġappuniżi attakkaw Pearl Harbor fis-​7 taʼ Diċembru, 1941. Ftit ġimgħat qabel, kont bdejt naqdi bħala pijunier, bħalma jissejħu l-​ministri full-​time tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kont ġemmajt il-​flus u xtrajt karavan twil 7 metri, u ħafna minna morna noqogħdu Louisiana biex naqdu hemmhekk.

Persekuzzjoni fit-​Territorji tan-​Nofsinhar

Irċivejna l-​permess mingħand ir-​residenti lokali biex nipparkjaw il-​karavan tagħna f’għalqa bis-​siġar tal-​ġewż viċin il-​belt taʼ Jeanerette. Darba minnhom kien is-​Sibt u ddeċidejna li noħorġu nippritkaw fit-​triq, iżda l-​ispettur tal-​pulizija ordna lill-​irġiel tiegħu biex jiħduna bħala priġunieri fis-​sala tal-​belt. Marmalja taʼ madwar 200 ruħ inġabret barra, u l-​pulizija bagħtuna u ħallewna f’idejhom bla ma pproteġewna. Ħadna r-​ruħ meta l-​marmalja nferqet u ħallewna ngħaddu. L-​għada morna Baton Rouge, belt kbira fil-​viċin, biex ngħidu lil Xhieda oħrajn dwar dak li kien ġara.

Meta morna lura Jeanerette, sibna messaġġ imwaħħal mal-​bieb tal-​karavan tagħna. Dan il-​messaġġ kien jgħid: “Jekk jogħġobkom ejjew sibuni fil-​kampijiet tal-​bjar taż-​żejt,” u kien iffirmat “E. M. Vaughn.” Sibna lis-​Sur Vaughn u stidinna biex nieklu miegħu u maʼ martu. Qalilna li s-​Sibt hu u l-​irġiel tiegħu kienu fost il-​folla u kieku kien hemm bżonn kien jiddefendina mill-​marmalja. Aħna apprezzajna l-​inkuraġġiment u l-​appoġġ tiegħu.

L-​għada, id-​deputati xeriffi armati bis-​snieter arrestawna u ħadulna l-​letteratura. Ħaduli ċ-​ċwievet tal-​karavan u tefgħuni l-​ħabs għal 17-​il ġurnata f’ċella waħdi bi ftit li xejn ikel. Is-​Sur Vaughn tħabat biex jgħinna iżda ma tantx kellu suċċess. Waqt li konna għadna maqfulin, il-​marmalja serquna u ħarqulna kulma kellna, inkluż il-​karavan tiegħi. Dak iż-​żmien ma rrealizzajtx li Ġeħova kien qed jippreparani għal dak li kont se niffaċċja fi ftit żmien.

Mitfugħ il-​Ħabs fit-​Territorji tat-​Tramuntana

Xahar wara li mort lura lejn it-​Tramuntana, inħtart bħala pijunier speċjali biex naqdi f’Olean, New York, flimkien maʼ xi Xhieda oħrajn. Waqt li kont hemm, ġejt mitlub mill-​gvern biex nirreġistra għas-​servizz militari u ġejt rikonoxxut bħala wieħed li jirrifjuta s-​servizz militari minħabba l-​kuxjenza. Wara li għaddejt mit-​test fiżiku u minn test mentali, il-​karta tiegħi ġiet timbrata “Kandidat għall-​Akkademja tat-​Taħriġ tal-​Fizzjali.”

Stajt inkompli fix-​xogħol taʼ pijunier għal madwar sena oħra. Imbagħad, fl-​1943, minħabba li rrifjutajt li nieqaf mill-​ministeru u rrifjutajt li mmur għat-​taħriġ militari, l-​FBI arrestawni u qaluli biex il-​ġimgħa taʼ wara nitlaʼ l-​qorti federali f’Syracuse, New York, ħalli ngħaddi ġuri. Ġejt mixli u l-​ġuri tiegħi ġie pjanat li jsir jumejn wara.

Jien iddefendejt lili nnifsi. Fil-​laqgħat Kristjani tagħna, aħna x-​Xhieda żgħażagħ konna nirċievu istruzzjonijiet dwar kif niddefendu d-​drittijiet kostituzzjonali tagħna u kif għandna nġibu ruħna kif jixraq fil-​qorti. Kelli ċar f’moħħi l-​parir li ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu. Xi prosekuturi saħansitra lmentaw li x-​Xhieda kienu iktar midħla tal-​liġi minnhom stess! Madankollu, il-​ġurija sabitni ħati. Meta l-​imħallef staqsieni jekk kellix iktar xi ngħid, jien sempliċement wiġibt, “Illum il-​pajjiż għaddej ġuri quddiem Alla dwar kif il-​poplu qed jittratta lil dawk li jaqdu lilu.”

Ngħatajt sentenza taʼ erbaʼ snin fil-​ħabs federali taʼ Chillicothe, Ohio. Hawnhekk ġejt assenjat biex naħdem bħala segretarju għal uffiċjal tad-​dipartiment tas-​servizz selettiv tal-​ħabs. Wara ftit ġimgħat, investigatur speċjali minn Washington, D.C., ġie fl-​uffiċċju tagħna u qal li kienu qed jinvestigaw lil Hayden Covington. Dan kien avukat difensur għax-​Xhieda taʼ Ġeħova u kien magħruf sew bħala wieħed mill-​aqwa avukati kostituzzjonali tal-​Amerika.

L-​investigatur qal li ried il-​fajls kompluti taʼ żewġ ħabsin—Danny Hurtado u Edmund Schmidt. “X’kumbinazzjoni,” wieġeb is-​supervisor tiegħi, “dan hu s-​Sur Schmidt.” L-​investigatur kien ġie fuq missjoni sigrieta, iżda f’daqqa waħda rrealizza li konna sirna nafu b’kollox. Ma domtx ma ngħatajt xogħol ieħor u ntbgħatt naħdem fil-​kċina.

Is-​Servizz taʼ Pijunier, ix-​Xogħol f’Betel, u ż-​Żwieġ

Fis-​26 taʼ Settembru, 1946, ħriġt bi pleġġ u rġajt bdejt is-​servizz taʼ pijunier, din id-​darba mal-​Kongregazzjoni taʼ Highland Park f’Kalifornja. Iktar tard, f’Settembru tal-​1948, ilħaqt il-​mira li tant kont ilni nittama li nilħaq. Ġejt mistieden naqdi bħala l-​furnar fil-​kwartieri ġenerali (Betel) fi Brooklyn, fejn tiġi prodotta letteratura Biblika għall-​użu fix-​xogħol tal-​ippritkar madwar id-​dinja kollha. Minnufih tlaqt mix-​xogħol f’restorant fi Glendale, fejn kont naħdem bħala kok li jispeċjalizza fil-​ħelu u f’ikel magħmul mill-​għaġina, u dħalt Betel.

Sebaʼ snin wara, fl-​1955, kellhom jinżammu diversi konvenzjonijiet internazzjonali fl-​Ewropa. Tal-​familja tawni l-​flus biex nattendi. Ħadt pjaċir fil-​konvenzjonijiet taʼ Londra, Pariġi, Ruma, u speċjalment dik taʼ Nuremberg, il-​Ġermanja, fejn kien hemm preżenti iktar minn 107,000 ruħ fl-​istadju enormi fejn Hitler kien darba spezzjona t-​truppi tiegħu b’tant kburija. Fost dawk l-​uħud li kienu l-​konvenzjoni kien hemm Xhieda li Hitler kien ħalef li jeqridhom minn fuq wiċċ l-​art. Kemm kienet esperjenza eċċitanti li nkun hemm magħhom!

Fil-​konvenzjoni taʼ Nuremberg iltqajt u ħadt grazzja maʼ Brigitte Gerwien, Xhud żagħżugħa mill-​Ġermanja. Inqas minn sena wara żżewwiġna u morna lura Glendale biex ngħixu viċin il-​ġenituri tiegħi. L-​ewwel tifel li kellna, Tom, twieled fl-​1957, it-​tieni wieħed, Don, twieled fl-​1958, u t-​tifla, Sabena, twieldet fl-​1960.

Ħajja Mimlija u Sodisfaċenti

Xi wħud staqsewni jekk qattx iddispjaċieni li kelli nbati l-​attakki mill-​marmalji u t-​tfigħ il-​ħabs minħabba li naqdi lil Alla. Għall-​kuntrarju, irrodd ħajr lil Ġeħova talli kelli l-​privileġġ li naqdih flimkien maʼ tant uħud leali lejh. U nittama li l-​esperjenzi tiegħi jkunu taʼ inkuraġġiment għal oħrajn biex jersqu eqreb lejn Alla u qatt ma jabbandunawh.

Ħafna qaddejja t’Alla batew ferm minħabba li qdewh. Iżda mhux dan intqalilna li kellna nistennew? Il-​Bibbja tgħid: “Kulmin jixtieq jgħix bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Timotju 3:12) Madankollu, kemm wera li hu minnu l-​kliem taʼ Salm 34:19: “Bosta huma l-​gwajijiet tal-​ġust, imma Ġeħova jeħilsu minnhom kollha”!

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova iżda issa m’għadux jiġi stampat.

[Stampa f’paġna 27]

Nippritkaw f’Louisiana kmieni fis-​snin 40

[Stampa f’paġna 29]

Naqdi bħala furnar għall-​membri tal-​kwartieri ġenerali

[Stampa f’paġna 29]

Maʼ marti, Brigitte