Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Naqdi fi Żmien taʼ Żieda Meraviljuża

Naqdi fi Żmien taʼ Żieda Meraviljuża

Naqdi fi Żmien taʼ Żieda Meraviljuża

Kif rakkontata minn Harley Harris

Kien it-​2 taʼ Settembru tal-​1950, f’Kennett, Missouri, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Konna f’assemblea tas-​“circuit” meta ġejna mdawrin b’marmalja. Is-​sindku ġab il-​Gwardja Nazzjonali biex tipproteġina mill-​folla bla kontroll. Tul it-​triq kollha kien hemm is-​suldati bl-​azzarini kargati u bil-​bajjunetti. Fost ħafna insulti, imxejna lejn il-​karozzi tagħna u soqna sa Cape Girardeau, Missouri, biex nattendu għall-​bqija tas-​sessjonijiet tal-​assemblea. Kien proprju hawnhekk li tgħammidt fl-​età taʼ 14-​il sena. Imma ħa ngħidilkom kif bdejt naqdi lil Ġeħova matul dan iż-​żmien taʼ taqlib.

KMIENI fis-​snin 30, in-​nanniet tiegħi u t-​tmien uliedhom semgħu xi taħditiet rekordjati taʼ Ħuna Rutherford u kienu konvinti li sabu l-​verità. Il-​ġenituri tiegħi, Bay u Mildred Harris, tgħammdu fl-​1935 fil-​konvenzjoni taʼ Washington, D.C. Kemm kienu ferħanin li jkunu parti mill-​“kotra kbira,” jew “folla kbira,” identifikata proprju f’din il-​konvenzjoni!—Riv. 7:9, 14; Għaqda Biblika Maltija.

Sena wara twilidt jien. Il-​ġenituri tiegħi marru joqogħdu f’territorju iżolat f’Mississippi s-​sena taʼ wara. Sakemm konna ngħixu f’dan it-​territorju ma kienx ikollna żjajjar minn indokratur li jivvjaġġa. Il-​familja tiegħi kienet tikkomunika bl-​ittri maʼ Betel u konna nattendu l-​assembleat. Għal xi żmien din kienet l-​unika sħubija li kien ikollna mal-​aħwa.

Nissaportu Matul il-​Persekuzzjoni

Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għaddew minn ħafna persekuzzjoni minħabba n-​newtralità tagħhom. Aħna konna morna noqogħdu Mountain Home, Arkansas. Darba minnhom, jien u missieri konna qed nagħtu xhieda fit-​toroq. Fid-​daqqa u l-​ħin, wieħed raġel ħataf ir-​rivisti li kellu missieri, tahom in-​nar, u ħaraqhom dak il-​ħin stess. Hu għajjarna beżżiegħa għax ma mmorrux għall-​gwerra. Peress li kelli biss ħames snin infqajt nibki. Bil-​kalma kollha, missieri ħares lejn ir-​raġel mingħajr ma lissen kelma waħda sakemm ir-​raġel telaq ’l hemm.

Kien hemm ukoll nies tajbin li ma kinux kontrina. Darba minnhom, waqt li konna qegħdin fil-​karozza, ġejna mdawrin b’marmalja. Fil-​pront ġie l-​prosekutur lokali. “Hawn x’inhu jiġri?” staqsa hu. Wieħed raġel wieġeb, “Dawn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jridux jiġġieldu għal pajjiżhom!” Malli qal dan, il-​prosekutur qabeż għal fuq l-​istaffetta tal-​karozza tagħna u għajjat: “Jien iġġilidt fl-​Ewwel Gwerra Dinjija u se niġġieled f’din ukoll! Ħalluhom lil dawn in-​nies. Mhuma jagħmlu ħsara lil ħadd!” In-​nies li kienu nġabru telqu ’l hemm bil-​kwiet. Kemm konna grati lejn dawn in-​nies tajbin li wrew qalb tajba magħna!—Atti 27:3.

Il-​Konvenzjonijiet Isaħħuna

Il-​konvenzjoni tal-​1941 li saret f’St. Louis, Missouri, kienet proprju dak li kellna bżonn. Skont kalkolu li sar, attendew iktar minn 115,000 ruħ. Numru sabiħ taʼ 3,903 persuni tgħammdu! Niftakar sew it-​taħdita taʼ Ħuna Rutherford bl-​isem taʼ “Children of the King” (Tfal tas-​Sultan). Hu indirizza lilna ż-​żgħażagħ direttament, u aħna lkoll irċivejna kopja tal-​ktieb Children, ktieb mill-​isbaħ bil-​qoxra blu. Din il-​konvenzjoni saħħitni biex niffaċċja dak li ġara s-​sena taʼ wara, is-​sena li fiha kelli nibda nattendi l-​iskola primarja. Jien u l-​kuġini tiegħi ġejna mkeċċijin mill-​iskola għax ma konniex insellmu l-​bandiera. Kuljum konna mmorru l-​iskola biex naraw jekk il-​kapijiet tal-​iskola kinux biddlu fehmithom. Min jaf kemm-​il darba mxejna minn nofs il-​bosk biex immorru l-​iskola filgħodu—biex imbagħad konna nintbagħtu lura d-​dar. Madankollu, kont inħoss li dan kien il-​mod kif nuru l-​lealtà tagħna lejn is-​Saltna t’Alla.

Iżda l-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti ma damitx wisq ma qatgħetha li t-​tislim lejn il-​bandiera mhuwiex obbligatorju. Sa fl-​aħħar stajna nattendu l-​iskola. L-​għalliem kien qalbu tajba ferm magħna u kien ħalliena nagħmlu l-​lezzjonijiet li konna tlifna biex illaħħqu mal-​istudenti l-​oħrajn. Anki sħabna tal-​iskola kienu jirrispettawna.

Niftakar ukoll il-​konvenzjoni tal-​1942 fi Cleveland, Ohio, fejn Ħuna Nathan H. Knorr ta t-​taħdita bl-​isem taʼ “Peace—Can it Last?” (Il-​Paċi—Tistaʼ Tibqaʼ?) Din it-​taħdita analizzat il-​kapitlu 17 tal-​ktieb tar-​Rivelazzjoni u indikat li wara t-​Tieni Gwerra Dinjija kellu jkun hemm żmien taʼ paċi relattiva. Għalhekk, kienet mistennija iktar żieda. Bi tħejjija għal dan l-​iżvilupp, infetħet l-​iskola taʼ Gilegħad fl-​1943. Ftit kont nobsor kif dan kien se jħalli impatt fuq ħajti fil-​futur. Veru li kien hemm il-​paċi wara l-​gwerra. U veru li l-​persekuzzjoni battiet. Madankollu, meta faqqgħet il-​gwerra tal-​Korea fl-​1950, l-​oppożizzjoni għall-​ippritkar tagħna reġgħet bdiet ħabta u sabta, kif deskritt fl-​introduzzjoni.

Sehem Iktar bis-​Sħiħ fiż-​Żieda

Fl-​1954 spiċċajt l-​iskola sekondarja u xahar wara bdejt naqdi bħala pijunier. Wara li qdejt f’Kennett, Missouri, fejn fl-​1950 konna ġejna mdawrin minn marmalja, ġejt mistieden biex immur naqdi fʼBetel f’Marzu tal-​1955. Parti mit-​territorju tal-​kongregazzjoni li kont ġejt assenjat fiha kienet Times Square, li tinsab fil-​qalba tal-​belt taʼ New York. X’differenza mill-​ħajja fil-​kampanja! Kien jirnexxili niġbed l-​attenzjoni tan-​nies taʼ New York, nies li dejjem għandhom x’jagħmlu, billi niftaħ ir-​rivista fuq artiklu li jqanqlilhom il-​kurżità u ngħidilhom, “Qatt staqsejt lilek innifsek din il-​mistoqsija?” Ħafna kienu jaċċettaw ir-​rivisti.

Waħda mill-​affarijiet li kont ngħożż l-​iktar f’Betel kienet il-​qima taʼ filgħodu li kien jikkonduċi Ħuna Knorr. Kemm kien jagħmilhom ħajjin il-​versi tal-​Bibbja! Hu kien japplikahom għalina b’mod prattiku. Kien ikellem lilna l-​ġuvintur żgħażagħ daqslikieku konna wliedu, u spiss kien jagħtina xi parir siewi dwar kif għandna nittrattaw lil dawk tas-​sess oppost. Sal-​1960 kont iddeċidejt li niżżewweġ.

Informajt lill-​kumitat li fi żmien 30 ġurnata kont se nitlaq minn Betel, iżda ma ħadt l-​ebda risposta. F’għeluq it-​30 ġurnata, avolja kont bniedem mistħi, rabbejt il-​kuraġġ biex nistaqsi jekk kinitx waslet in-​notifika tiegħi li se nitlaq. Ħuna Robert Wallen wieġeb it-​telefon u ġie fejn kont qed naħdem. Hu staqsieni x’kien jidhirli mis-​servizz taʼ pijunier speċjali jew mix-​xogħol tas-​circuit. Jien wiġibtu, “Imma Bob, jien għad għandi 24 sena, u m’għandix esperjenza.”

Fix-​Xogħol tas-​Circuit

Dakinhar stess fl-​għaxija sibt envelop kbir jistennieni fil-​kamra tiegħi. Fih kien hemm applikazzjoni għas-​servizz taʼ pijunier speċjali u applikazzjoni oħra għax-​xogħol tas-​circuit. Illaħwa! Lanqas ridt nemmen ’l għajnejja! Jien kelli l-​privileġġ mhux mistħoqq li naqdi lil ħuti fix-​xogħol tas-​circuit fil-​Lbiċ taʼ Missouri u fil-​Lvant tal-​Kansas. Madankollu, qabel tlaqt minn Betel attendejt laqgħa għall-​indokraturi li jivvjaġġaw. Fil-​kummenti tiegħu tal-​għeluq, Ħuna Knorr qal: “Il-​fatt li intom indokraturi tas-​circuit u tad-​distrett ma jfissirx li intom tafu iktar mill-​aħwa tal-​lokal. Xi wħud minnhom għandhom ħafna iktar esperjenza minnkom. Iżda ċ-​ċirkustanzi tagħhom ma jippermettulhomx li jkollhom il-​privileġġi li għandkom intom. Tistgħu titgħallmu ħafna minnhom.”

Kemm kien minnu dan! Ħuna Fred Molohan u martu, flimkien maʼ ħuh Charley minn Parsons, Kansas, kienu eżempji li jispikkaw. Huma kienu saru jafu l-​verità kmieni fis-​seklu għoxrin. Kemm kont nitpaxxa nismaʼ l-​esperjenzi li kellhom saħansitra qabel ma twilidt jien! Ħu ieħor kien John Wristen, ħu twajjeb u mdaħħal fiż-​żmien minn Joplin, Missouri, li kien qeda bħala pijunier għal bosta għaxriet taʼ snin. Dawn l-​għeżież aħwa kellhom rispett profond għall-​ordni teokratiku. Huma ġegħluni nħossni apprezzat bħala l-​indokratur tas-​circuit tagħhom, avolja kont għadni żagħżugħ.

Fl-​1962, iżżewwiġt lil Cloris Knoche, pijuniera fuq tagħha b’xagħarha aħmar. Komplejt naqdi fix-​xogħol tas-​circuit flimkien maʼ Cloris. Peress li konna noqogħdu għand l-​aħwa, sirna nafuhom aħjar. Stajna nħeġġu liż-​żgħażagħ biex jibdew jaqdu fis-​servizz full-​time. Żewġ adoloxxenti fis-​circuit, Jay Kosinski u JoAnn Kresyman, proprju dan l-​inkuraġġiment kienu qed jistennew. Konna naħdmu magħhom fil-​ministeru u naqsmu magħhom il-​ferħ li ġġib magħha ħajja taʼ sagrifiċċju persunali. Kien dan li qanqalhom biex jagħmlu miri. JoAnn saret pijuniera speċjali u Jay beda jaqdi f’Betel. Iktar tard, dawn it-​tnejn iżżewġu u issa ilhom fix-​xogħol tas-​circuit għal madwar 30 sena.

Is-​Servizz Missjunarju

Fl-​1966, Ħuna Knorr staqsiena jekk konniex interessati fis-​servizz f’pajjiż ieħor. “Aħna kuntenti fejn qegħdin,” wiġibnieh, “imma jekk hemm il-​bżonn xi mkien ieħor, aħna lesti li mmorru.” Ġimgħa wara, ġejna mistidnin nattendu l-​Iskola taʼ Gilegħad. Kemm kont eċċitat li mmur lura Betel u li nattendi l-​iskola u nkun fost dawk il-​ħafna wħud li kont sirt inħobbhom u nirrispettahom! Ukoll, bnejna ħbiberiji maʼ studenti oħrajn li għadhom jaqdu fedelment sal-​ġurnata tal-​lum.

Jien u Cloris intbgħatna l-​Ekwador fl-​Amerika t’Isfel, flimkien maʼ Dennis u Edwina Crist, Ana Rodríguez, u Delia Sánchez. Il-​koppja Crist marru fil-​belt kapitali, Quito. Bħalna, Ana u Delia ntbagħtu Cuenca, it-​tielet l-​akbar belt tal-​Ekwador. It-​territorju kien jinkludi żewġ provinċji. L-​ewwel kongregazzjoni taʼ Cuenca bdiet mis-​salott tagħna. Konna aħna l-​erbgħa u tnejn min-​nies oħrajn. Ma kellna l-​ebda ħjiel kif konna se llestu x-​xogħol tal-​ippritkar.

Cuenca kienet miżgħuda bil-​knejjes, u fl-​hekk imsejħin ġranet imqaddsa kienu jsiru bosta purċissjonijiet reliġjużi fil-​belt. Iżda n-​nies taʼ Cuenca kellhom ħafna mistoqsijiet. Pereżempju, l-​ewwel darba li ltqajt maʼ Mario Polo, ċampjin taċ-​ċikliżmu fi Cuenca, ħasadni meta staqsieni, “Min hi l-​prostituta li tissemma fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni?”

Ġurnata minnhom, Mario ġie d-​dar tagħna bil-​lejl, inkwetat mhux ħażin. Qassis evanġeliku kien tah xi letteratura li kien fiha akkużi serji kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova. Jien irraġunajt li l-​akkużat kellu jitħalla jiddefendi lilu nnifsu. Għalhekk, l-​għada Mario stieden lili u lill-​qassis f’daru biex inwieġbu għall-​akkużi. Meta ltqajna, jien issuġġerejt li niffokaw fuq it-​Trinità. Il-​qassis qara Ġwanni 1:1, u Mario nnifsu spjega d-​differenza bejn iż-​żewġ kelmiet bil-​Grieg “l-​Alla” u “alla.” U għamilna hekk għal kull vers tal-​Bibbja li kien ċitat. M’għandniex xi ngħidu, il-​qassis telaq ’l hemm mingħajr ma ta prova tat-​Trinità. Dan ikkonvinċa lil Mario u lil martu li aħna kellna l-​verità, u huma saru difensuri mill-​aqwa taʼ dak li tgħallem il-​Bibbja. In-​numru taʼ kongregazzjonijiet fil-​belt taʼ Cuenca telaʼ għal 33, u fit-​territorju vast, li kien l-​ewwel inkarigu tagħna, telaʼ għal total taʼ 63 kongregazzjoni. Kemm ħadna pjaċir naraw din iż-​żieda—żieda tassew meraviljuża!

Naraw iż-​Żieda fil-​Fergħa

Fl-​1970, ġejt mitlub immur fil-​fergħa taʼ Guayaquil flimkien maʼ Al Schullo. It-​tnejn li aħna konna nieħdu ħsieb ix-​xogħol fil-​fergħa. Joe Sekerak kien jaħdem part-​time jippakkja l-​letteratura għas-​46 kongregazzjoni madwar il-​pajjiż kollu. Għal xi żmien, Cloris qdiet bħala missjunarja waqt li jien kont naqdi f’Betel. Hi rnexxielha tgħin lil 55 ruħ jaslu għall-​magħmudija, u spiss kien ikollha minn tlieta sa ħames studenti jitgħammdu f’assemblea waħda.

Pereżempju, Cloris kienet tistudja maʼ mara jisimha Lucresia, li żewġha kien jopponi. Xorta waħda, Lucresia maż-​żmien tgħammdet u bdiet taqdi bħala pijuniera regulari. Hi għallmet lil uliedha l-​mogħdijiet taʼ Ġeħova. Iż-​żewġ uliedha subien issa huma anzjani u wieħed minnhom pijunier speċjali; bintha taqdi bħala pijuniera. In-​neputija tagħha żżewġet ħu mill-​aħjar u anki huma qed jaqdu bħala pijunieri speċjali. Din il-​familja għenet lil bosta wħud jitgħallmu l-​verità.

Sal-​1980, kien hemm madwar 5,000 pubblikatur fl-​Ekwador. L-​uffiċċju kien sar żgħir wisq għalina. Wieħed ħu offrielna proprjetà ’l barra minn Guayaquil li kien fiha 0.32 kilometru kwadru. Fl-​1984, ngħata bidu għall-​bini fuq din il-​proprjetà u tellajna uffiċċju tal-​fergħa ġdid u Sala tal-​Assemblea, li ġew dedikati fl-​1987.

Iktar Nies Lesti Jgħinu Biex Ikun Hemm Iktar Żieda

Matul is-​snin, kien inkuraġġanti li nara ħafna pubblikaturi u pijunieri minn pajjiżi oħrajn jiġu l-​Ekwador biex jgħinu fejn il-​bżonn għall-​predikaturi tas-​Saltna kien kbir. Eżempju wieħed li jibqaʼ dejjem f’moħħi huwa dak taʼ Andy Kidd, mill-​Kanada, għalliem tal-​iskola rtirat. Hu ġie joqgħod l-​Ekwador fl-​1985 fl-​età taʼ 70 sena u baqaʼ jaqdi fedelment sakemm miet fl-​2008 fl-​età taʼ 93 sena. Meta rajtu l-​ewwel darba fl-​inkarigu tiegħu, hu kien l-​uniku indokratur f’kongregazzjoni żgħira. Għalkemm ma tantx kien fluwenti fil-​lingwa Spanjola, hu xorta kien jagħti t-​taħdita pubblika u jikkonduċi l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Hu kien jikkonduċi wkoll l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, u ħafna mit-​taħditiet tal-​Laqgħa tas-​Servizz kienu jkunu f’idejh ukoll! F’dawn l-​inħawi issa hemm żewġ kongregazzjonijiet li qed jiffjorixxu, bi kważi 200 pubblikatur u b’ħafna anzjani lokali.

Ħu ieħor, Ernesto Diaz, mill-​Istati Uniti, ġie joqgħod l-​Ekwador flimkien mal-​familja tiegħu, u wara tmien xhur jaqdi hawn qal: “It-​tlett itfal tagħna qabduha sew il-​lingwa u saru għalliema eċċellenti. Bħala missier, ilħaqt il-​mira li kienet tidher impossibbli f’din is-​sistema—dik li nkun pijunier regulari, u b’hekk nieħu sehem fil-​ministeru full-​time flimkien mal-​familja tiegħi. Bejnietna qed nikkonduċu 25 studju tal-​Bibbja. Dan kollu wassal biex il-​familja tkun iktar magħquda u, fuq kollox, inħossni qrib lejn Ġeħova iktar minn qatt qabel.” Kemm napprezzawhom lil dawn l-​għeżież aħwa rġiel u nisa!

Fl-​1994, seħħ iktar tkabbir tal-​fergħa, u b’hekk il-​faċilitajiet irdoppjaw. Fl-​2005, qbiżna n-​numru taʼ 50,000 pubblikatur u kien hemm bżonn taʼ iktar tkabbir tal-​fergħa. Dan kien jinkludi Sala tal-​Assemblea akbar u residenza ġdida, kif ukoll uffiċċji tat-​traduzzjoni. Dawn il-​faċilitajiet ġodda ġew dedikati fil-​31 taʼ Ottubru, 2009.

Meta tkeċċejt mill-​iskola fl-​1942, kien hemm madwar 60,000 Xhud fl-​Istati Uniti. Issa qabżu sew il-​miljun. Meta ġejna l-​Ekwador fl-​1966, kien hawn madwar 1,400 proklamatur tas-​Saltna. Issa hawn iktar minn 68,000. U żgur li din il-​figura se tiżdied saħansitra iktar peress li qed isiru 120,000 studju tal-​Bibbja, u peress li kien hemm ukoll ’il fuq minn 232,000 ruħ preżenti għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu fl-​2009. Tabilħaqq, Ġeħova bierek lill-​poplu tiegħu b’mod li qatt ma konna nimmaġinaw. Kemm hu eċċitanti li tgħix fi żmien u f’post taʼ żieda meraviljuża! a

[Nota taʼ taħt]

a Waqt li dan l-​artiklu kien qed jitħejja biex jiġi pubblikat, Harley Harris miet leali lejn Ġeħova.

[Stampa f’paġna 5]

Assemblea fil-​beraħ (1981) u s-​Sala tal-​Assemblea taʼ Guayaquil (2009) fl-​istess proprjetà