Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Wieħed Hu l-Mexxej Tagħkom, il-Kristu”

“Wieħed Hu l-Mexxej Tagħkom, il-Kristu”

“Wieħed Hu l-​Mexxej Tagħkom, il-​Kristu”

“Tissejħux ‘mexxejja,’ għax wieħed hu l-​Mexxej tagħkom, il-​Kristu.”—MT. 23: 10.

1. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova lil min jirrikonoxxu bħala l-​Mexxej tagħhom, u għala?

 IL-​KNEJJES tal-​Kristjaneżmu għandhom bnedmin bħala l-​mexxejja tagħhom, bħalma huma l-​papa taʼ Ruma, il-​patrijarki u l-​metropolitani tal-​knejjes Ortodossi tal-​Lvant, u l-​kapijiet taʼ reliġjonijiet oħrajn. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jirrikonoxxu lill-​ebda bniedem bħala l-​mexxej tagħhom. Huma mhumiex dixxipli jew segwaċi taʼ xi bniedem. Dan hu fi qbil mal-​istqarrija profetika taʼ Ġeħova rigward Ibnu: “Ara! Tajtu lill-​popli bħala xhud, bħala mexxej u kmandant għall-​popli.” (Is. 55:4) Il-​kongregazzjoni internazzjonali taʼ Kristjani midlukin u sħabhom in-​“nagħaġ oħrajn” ma jridu ebda mexxej ieħor ħlief dak li tahom Ġeħova. (Ġw. 10:16) Huma jżommu mal-​istqarrija taʼ Ġesù: “Wieħed hu l-​Mexxej tagħkom, il-​Kristu.”—Mt. 23:10.

Il-​Prinċep Anġeliku taʼ Iżrael

2, 3. L-​Iben t’Alla liema rwol attiv kellu f’Iżrael?

2 Sekli qabel ma ġiet stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana, Ġeħova kellu mexxej anġeliku fuq il-​poplu tiegħu, Iżrael. Wara li ħareġ lill-​Iżraelin mill-​Eġittu, Ġeħova qalilhom: “Ara! Qed nibgħat anġlu qablek biex iħarsek fit-​triq u jwasslek fil-​post li ħejjejtlek. Oqgħod attent minħabba fih u ismaʼ minn kliemu. Tirribellax kontrih, għax ma jaħfrilkomx in-​nuqqas tagħkom; għax jaġixxi f’ismi.” (Eżo. 23:20, 21) Jagħmel sens li nemmnu li dan l-​anġlu, li kellu ‘jaġixxi f’isem Ġeħova,’ kien l-​ewwel Iben imwieled t’Alla.

3 Milli jidher, qabel ma twieled bħala bniedem, l-​Iben t’Alla kien jismu Mikiel. Fil-​ktieb taʼ Danjel, Mikiel jissejjaħ “il-​prinċep tagħkom [tal-​poplu taʼ Danjel],” jiġifieri Iżrael. (Dan. 10:21) Id-​dixxiplu Ġuda jindika li Mikiel kien involut fil-​kwistjonijiet taʼ Iżrael ħafna qabel żmien Danjel. Wara li miet Mosè, Satana, milli jidher, kellu f’moħħu li juża l-​ġisem mejjet biex b’xi mod javanza l-​interessi tiegħu stess, x’aktarx billi jipprova jġiegħel lil Iżrael jikkommetti l-​idolatrija. Mikiel interviena biex dan ma jsirx. Ġuda jirrakkonta: “Meta Mikiel l-​arkanġlu kellu tilwima max-​Xitan u kien qed jargumenta miegħu dwar il-​ġisem taʼ Mosè, ma ssograx jikkundannah bit-​tgħajjir, imma qallu: ‘Ħa jċanfrek Ġeħova.’” (Ġuda 9) Ftit wara, qabel ġiet assedjata Ġeriko, bla dubju kien Mikiel, il-​“prinċep taʼ l-​armata taʼ Ġeħova,” li deher lil Ġożwè biex jiżgurah li kellu l-​appoġġ divin. (Aqra Ġożwè 5:13-​15.) Meta prinċep demoniku pprova jwaqqaf anġlu milli jwassal messaġġ importanti lill-​profeta Danjel, l-​arkanġlu Mikiel mar jgħin lil dan l-​anġlu.—Dan. 10:5-​7, 12-​14.

Jasal il-​Mexxej Imbassar

4. Liema profezija ngħatat rigward il-​miġja tal-​Messija?

4 Qabel seħħet din il-​ġrajja, Ġeħova kien bagħat lill-​anġlu tiegħu Gabrijel għand il-​profeta Danjel biex iwassallu profezija rigward il-​miġja tal-​“Messija l-​Mexxej.” (Dan. 9:21-​25) a Eżatt meta kien profetizzat, fil-​ħarifa tas-​sena 29 E.K., Ġesù ġie mgħammed minn Ġwanni. L-​ispirtu qaddis issawwab fuq Ġesù, u b’hekk sar il-​Midluk—Kristu, il-​Messija. (Mt. 3:13-​17; Ġw. 1:29-​34; Gal. 4:4) Bħala tali, hu kellu jsir Mexxej li ma jitqabbel maʼ ħadd.

5. Kristu kif aġixxa taʼ Mexxej matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art?

5 Sa mill-​bidu tal-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù ta prova li hu l-​“Messija l-​Mexxej.” Fi ftit jiem, hu beda jiġbor id-​dixxipli u wettaq l-​ewwel miraklu tiegħu. (Ġw. 1:35–2:11) Id-​dixxipli tiegħu segwewh hekk kif ivvjaġġa madwar l-​art kollha, jipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Lq. 8:1) Hu ħarriġhom fix-​xogħol tal-​ippritkar u kien minn taʼ quddiem fl-​ippritkar u t-​tagħlim, u b’hekk ħalla eżempju mill-​aqwa. (Lq. 9:1-​6) L-​anzjani Kristjani llum jagħmlu tajjeb li jimitawh f’dan ir-​rigward.

6. Kristu b’liema mod ta prova li hu Ragħaj u Mexxej?

6 Ġesù semma aspett ieħor tat-​tmexxija tiegħu billi qabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj kollu mħabba. Ir-​rgħajja tal-​Orjent kienu letteralment imexxu l-​imrieħel tagħhom. Fil-​ktieb The Land and the Book, W. M. Thomson kiteb: “Ir-​ragħaj jimxi fuq quddiem, mhux sempliċement biex juri t-​triq, iżda biex jara li setgħu jgħaddu minnha u li kienet bla periklu. . . . Bl-​għasluġ [tiegħu] hu jikkontrolla u jiggwida l-​merħla lejn il-​mergħat tagħhom kollhom ħdura, u jiddefendihom mill-​għedewwa tagħhom.” Biex juri li hu Ragħaj u Mexxej veru, Ġesù ddikjara: “Jien ir-​ragħaj mill-​aħjar; ir-​ragħaj mill-​aħjar jagħti ruħu għan-​nagħaġ. In-​nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jien nafhom, u huma jiġu warajja.” (Ġw. 10:11, 27) Preċiż bħalma kien qal, Ġesù miet mewta taʼ sagrifiċċju għan-​nagħaġ tiegħu, iżda Ġeħova għollieh “bħala Mexxej u Ħellies.”—Atti 5:31, Saydon; Ebr. 13:20.

L-​Indokratur tal-​Kongregazzjoni Kristjana

7. Ġesù permezz taʼ xiex jindokra lill-​kongregazzjoni Kristjana?

7 Ftit qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù rxoxtat qal lid-​dixxipli tiegħu: “Lili ngħatat kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art.” (Mt. 28:18) Ġeħova ġiegħel lil Ġesù jitfaʼ l-​ispirtu qaddis biex isaħħaħ lid-​dixxipli tiegħu fil-​verità Kristjana. (Ġw. 15:26) Ġesù sawwab dan l-​ispirtu fuq il-​Kristjani tal-​bidu f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. (Atti 2:33) Dan it-​tiswib tal-​ispirtu qaddis immarka l-​bidu tal-​kongregazzjoni Kristjana. Ġeħova ħatar lil Ibnu bħala mexxej fis-​sema fuq il-​kongregazzjoni fuq l-​art. (Aqra Efesin 1:22; Kolossin 1:13, 18.) Ġesù jiggwida lill-​kongregazzjoni Kristjana permezz tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, u hu għandu anġli biex jaqduh li “ntgħamlu sottomessi lejh.”—1 Pt. 3:22.

8. Kristu lil min uża fuq l-​art fl-​ewwel seklu sabiex imexxi lid-​dixxipli tiegħu, u lil min qed juża llum?

8 Ukoll, permezz tal-​ispirtu qaddis, Kristu ta “rġiel bħala għotjiet,” xi wħud “bħala rgħajja u għalliema” fil-​kongregazzjoni. (Efes. 4:8, 11) Lill-​indokraturi Kristjani l-​appostlu Pawlu ħeġġiġhom: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-​merħla kollha li minnha l-​ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi biex tirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla.” (Atti 20:28) Meta bdiet il-​kongregazzjoni Kristjana, dawn l-​indokraturi kollha kienu rġiel midlukin bl-​ispirtu. L-​appostli u l-​anzjani tal-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm kienu jaqdu bħala ġemgħa li tiggverna. Kristu uża lil din il-​ġemgħa biex imexxi lill-​grupp kollu kemm hu taʼ ‘ħutu’ midlukin fuq l-​art. (Ebr. 2:11; Atti 16:4, 5) F’dan iż-​żmien tat-​tmiem, Kristu fada “kulma għandu”—l-​interessi kollha tas-​Saltna li għandu fuq l-​art—f’idejn “l-​ilsir leali u għaqli” u r-​rappreżentant tiegħu, il-​Ġemgħa li Tiggverna, grupp taʼ rġiel Kristjani midlukin. (Mt. 24:45-​47) Il-​midlukin u sħabhom in-​nagħaġ oħrajn jirrikonoxxu li meta jsegwu t-​tmexxija tal-​Ġemgħa li Tiggverna taʼ żmienna, fil-​fatt ikunu qed isegwu lill-​Mexxej tagħhom, Kristu.

Kristu Ta Bidu għax-​Xogħol tal-​Ippritkar

9, 10. Kristu kif mexxa l-​affarijiet rigward it-​tixrid tal-​aħbar tajba tas-​Saltna?

9 Proprju sa mill-​bidu, Ġesù dderieġa personalment ix-​xogħol tal-​ippritkar u tat-​tagħlim madwar id-​dinja kollha. Hu stabbilixxa l-​ordni li bih kellha titwassal l-​aħbar tajba tas-​Saltna lill-​abitanti tal-​art. Matul il-​ministeru tiegħu, hu ta ordni lill-​appostli tiegħu u qalilhom: “Tmorrux fit-​triq tal-​ġnus, u tidħlu f’ebda belt Samaritana; imma, minflok, ibqgħu morru għand in-​nagħaġ mitlufin taʼ dar Israel. Intom u sejrin, ippridkaw u għidu, ‘Qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.’” (Mt. 10:5-​7) Huma għamlu dan biż-​żelu fost il-​Lhud u l-​proseliti, speċjalment wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K.—Atti 2:4, 5, 10, 11; 5:42; 6:7.

10 Iktar tard, permezz tal-​ispirtu qaddis, Ġesù estenda x-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna lis-​Samaritani , u mbagħad lil oħrajn li ma kinux Lhud. (Atti 8:5, 6, 14-​17; 10:19-​22, 44, 45) Bl-​għan li jħeġġeġ it-​tixrid tal-​aħbar tajba fost il-​ġnus, Ġesù aġixxa personalment biex iqanqal lil Sawl taʼ Tarsu ħalli jsir Kristjan. Ġesù ta ordni lid-​dixxiplu tiegħu Ananija u qal: “Qum, mur fit-​triq li jgħidulha d-​Dritta, u fid-​dar taʼ Ġuda staqsi għal raġel jismu Sawl, minn Tarsu. . . . Mur, għax għalija dan ir-​raġel hu strument magħżul biex iwassal ismi quddiem il-​ġnus kif ukoll quddiem slaten u wlied Israel.” (Atti 9:3-​6, 10, 11, 15) “Dan ir-​raġel” sar l-​appostlu Pawlu.—1 Tim. 2:7.

11. X’għamel Kristu, permezz tal-​ispirtu qaddis, biex jinfirex ix-​xogħol tal-​ippritkar?

11 Meta wasal iż-​żmien biex jinfirex ix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna fost il-​ġnus li ma kinux Lhud, l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova dderieġa lil Pawlu matul vjaġġi missjunarji fl-​Asja Minuri u anki fl-​Ewropa. Ir-​rakkont taʼ Luqa f’Atti jgħid: “Waqt li [l-​profeti u l-​għalliema Kristjani fil-​kongregazzjoni taʼ Antjokja tas-​Sirja] kienu qed jaqdu pubblikament lil Ġeħova u jsumu, l-​ispirtu qaddis qal: ‘Minn dawn kollha warrbuli lil Barnaba u lil Sawl għax-​xogħol li sejjaħtilhom għalih.’ Imbagħad samu u talbu u qiegħdu idejhom fuqhom u ħallewhom imorru.” (Atti 13:2, 3) Ġesù kien sejjaħ personalment lil Sawl taʼ Tarsu biex ikun l-​“istrument magħżul” Tiegħu ħalli jġorr Ismu fost il-​ġnus; u b’hekk din l-​ispinta ġdida għax-​xogħol tal-​għoti taʼ xhieda ġiet minn Kristu, il-​Mexxej tal-​kongregazzjoni. Ġesù uża l-​ispirtu qaddis biex jidderieġi x-​xogħol, u dan intwera ċar daqs il-​kristall matul it-​tieni vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu. Ir-​rakkont jgħid li “l-​ispirtu taʼ Ġesù,” jiġifieri Ġesù permezz tal-​ispirtu qaddis, iggwida lil Pawlu u lil sħabu, li kienu qed jivvjaġġaw miegħu, fl-​għażla dwar meta u fejn kienu se jivvjaġġaw. Viżjoni wasslithom biex imorru l-​Ewropa.—Aqra Atti 16:6-​10.

It-​Tmexxija taʼ Ġesù fuq il-​Kongregazzjoni Tiegħu

12, 13. Il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni kif juri li Kristu jsegwi mill-​qrib dak li jkun għaddej f’kull kongregazzjoni?

12 Ġesù segwa mill-​qrib dak li kien għaddej fil-​kongregazzjonijiet tas-​segwaċi midlukin tiegħu fl-​ewwel seklu E.K. Hu kien jaf sew il-​kundizzjoni spiritwali taʼ kull kongregazzjoni. Dan isir evidenti meta naqraw Rivelazzjoni kapitli 2 u 3. Hu jsemmi sebaʼ kongregazzjonijiet li kollha jinsabu fl-​Asja Minuri. (Riv. 1:11) Aħna nemmnu, u bir-​raġun, li daqshekk ieħor kien midħla tal-​kundizzjoni spiritwali tal-​kongregazzjonijiet l-​oħrajn tas-​segwaċi tiegħu fuq l-​art f’dak iż-​żmien.—Aqra Rivelazzjoni 2:23.

13 Ġesù faħħar lil xi kongregazzjonijiet talli wrew is-​sabar, il-​fedeltà meta ffaċċjaw il-​provi, il-​lealtà lejn kelmtu, u talli ċaħdu lill-​apostati. (Riv. 2:2, 9, 13, 19; 3:8) Mill-​banda l-​oħra, hu wissa b’mod sod lil diversi kongregazzjonijiet għax imħabbithom għalih kienet birdet, u kienu jittolleraw l-​idolatrija, iż-​żína, u s-​settarjaniżmu. (Riv. 2:4, 14, 15, 20; 3:15, 16) Bħala indokratur spiritwali li wera mħabba, anki lejn dawk li kien widdeb b’mod iebes, Ġesù qal: “Lil kulmin għandi affezzjoni lejh inwiddbu u niddixxiplinah. Għalhekk, kun żeluż u indem.” (Riv. 3:19) Għalkemm kien fis-​smewwiet, Ġesù kien qed imexxi lill-​kongregazzjonijiet tad-​dixxipli tiegħu fuq l-​art permezz tal-​ispirtu qaddis. Fl-​aħħar tal-​messaġġi lil dawn il-​kongregazzjonijiet, hu ddikjara: “Min għandu widnejn ħa jismaʼ dak li jgħid l-​ispirtu lill-​kongregazzjonijiet.”—Riv. 3:22.

14-16. (a) Ġesù kif wera li hu Mexxej qalbieni tal-​poplu taʼ Ġeħova fuq l-​art? (b) Xi rriżulta mill-​fatt li Ġesù qiegħed mad-​dixxipli tiegħu “l-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema”? (ċ) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

14 Aħna rajna li Mikiel (Ġesù) wera li kien Mexxej anġeliku qalbieni taʼ Iżrael. Iktar tard, Ġesù kien Mexxej qalbieni u Ragħaj kollu mħabba tad-​dixxipli tiegħu tal-​bidu. Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, hu ħa t-​tmexxija fix-​xogħol tal-​ippritkar. U wara l-​irxoxt tiegħu indokra mill-​qrib it-​tixrid tal-​aħbar tajba tas-​Saltna.

15 Permezz tal-​ispirtu qaddis, Ġesù kellu eventwalment jestendi x-​xogħol tal-​għoti taʼ xhieda sa truf l-​art. Qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8; aqra l-1 Pietru 1:12.) Taħt id-​direzzjoni taʼ Kristu, ngħatat xhieda kbira ferm fl-​ewwel seklu.—Kol. 1:23.

16 Iżda Ġesù nnifsu indika li dan ix-​xogħol kellu jkompli jsir saż-​żmien tat-​tmiem. Wara li inkariga lis-​segwaċi tiegħu biex jippritkaw u jagħmlu dixxipli fost il-​ġnus kollha, Ġesù wegħedhom: “Jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:19, 20) Mindu ġie maħtur bħala sultan fl-​1914, Kristu, iktar minn qatt qabel, jinsab mad-​dixxipli tiegħu u huwa attiv bħala l-​Mexxej tagħhom. L-​attività intensa tiegħu sa mill-​1914 se tiġi eżaminata fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dwar din il-​profezija, ara kapitlu 11 tal-​ktieb Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel!

Bħala Reviżjoni

• L-​Iben t’Alla kif ta prova li kien Mexxej attiv f’Iżrael?

• Kristu permezz taʼ xiex imexxi l-​kongregazzjoni tiegħu fuq l-​art?

• Kristu kif idderieġa t-​tixrid tal-​aħbar tajba?

• X’juri li Kristu jsegwi mill-​qrib il-​kundizzjoni spiritwali taʼ kull kongregazzjoni?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 21]

“Qed nibgħat anġlu qablek”

[Stampa f’paġna 23]

Bħalma ġara fil-​passat, Kristu juża “rġiel bħala għotjiet” biex jirgħu l-​merħla tiegħu