Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

4 Dwar Xiex Għandna Nitolbu?

4 Dwar Xiex Għandna Nitolbu?

IT-​TALBA li Ġesù ħallielna bħala eżempju, li hi magħrufa wkoll bħala t-​Talba tal-​Missierna, hi talba li l-​Kristjani jgħidu ħafna iżjed minn kull talba oħra. Għalkemm ħafna nies jirrepetu dan il-​kliem, ma jafux xi jfisser. Imma Ġesù ma riedx li n-​nies joqogħdu jirrepetu dik it-​talba. Kif nafu?

Qabel ma Ġesù qalilhom dik it-​talba, hu qal: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-​istess ħaġa.” (Mattew 6:7) Allura, Ġesù għala tana din it-​talba bħala eżempju? Hu ma ridniex niftakruha bl-​amment u nirrepetuha. Minflok, Ġesù kien qed jgħallimna dwar xiex għandna nitolbu u liema huma l-​iżjed affarijiet importanti li għandna nitolbu dwarhom. Ejja naraw iżjed fid-​dettall x’qal. Din it-​talba nsibuha f’​Mattew 6:9-​13.

“Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.”

Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu li għandhom jitolbu lil Missieru, Ġeħova. Imma taf għala isem Alla huwa daqshekk importanti u jrid jiġi mqaddes?

Minn kemm ilhom jeżistu n-​nies, kien hemm ħafna gideb dwar Alla li ħammeġ ir-​reputazzjoni tiegħu. L-​għadu t’Alla, Satana, iridna nemmnu li Ġeħova hu egoist, giddieb, u li m’għandux id-​dritt imexxi fuq in-​nies. (Ġenesi 3:1-​6) Ħafna nies jaqblu ma’ Satana u jgħidu li Alla hu bla qalb, kattiv, u ma jaħfirx. Xi nies jgħidu wkoll li Alla lanqas biss jeżisti. Oħrajn neħħew ismu mill-​Bibbja u lanqas ħallew lin-​nies jużawh.

Il-​Bibbja turi li Alla se jneħħi din l-​inġustizzja kollha. (Eżekjel 39:7) Billi jagħmel dan, se jtik dak kollu li għandek bżonn u jneħħi l-​problemi li għandek. Kif? It-​tweġiba nsibuha f’dak li jkompli jgħid Ġesù.

“Ħa tiġi saltnatek.”

Illum, għalliema reliġjużi ma jaqblux dwar x’inhi s-​Saltna t’Alla. Dawk li semgħu t-​talba taʼ Ġesù kienu diġà jafu li Alla wiegħed li se jibgħat Messija biex jagħmel Saltna li se tbiddel id-​dinja. (Isaija 9:6, 7; Danjel 2:44) Din is-​Saltna se tnaddaf ir-​reputazzjoni t’Alla, turi li Satana hu giddieb, u tneħħi lil Satana u l-​ħsara kollha li għamel. Is-​Saltna t’Alla se tneħħi l-​gwerer, il-​mard, il-​ġuħ, u anki l-​mewt. (Salm 46:9; 72:12-​16; Isaija 25:8; 33:24) Għalhekk, meta inti titlob biex tiġi s-​Saltna t’Alla, int tkun qed titlob biex jiġru dawn il-​wegħdi.

“Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”

Il-​kliem taʼ Ġesù juri li Alla jrid jagħmel ċert li jsir dak li jrid hu fuq l-​art bħalma hu fis-​sema. Kif nistgħu nkunu ċerti? Għax Iben Alla ġa keċċa lil Satana u d-​demonji tiegħu mis-​sema għal fuq l-​art. (Rivelazzjoni 12:9-​12) Għalhekk, dak li jrid Alla ġa qed isir fis-​sema. Dak li talab għalih Ġesù jgħinna nifhmu li dak li jrid Alla hu iżjed importanti minn dak li rridu aħna. Dak li jrid Alla dejjem hu l-​aħjar għalina. Anki Ġesù qal lil Missieru: “Ħa sseħħ ir-​rieda tiegħek u mhux tiegħi.”—Luqa 22:42.

“Agħtina llum ħobżna għal dan il-​jum.”

Ġesù wriena li nistgħu nitolbu wkoll għal dak li jkollna bżonn fil-​ħajja taʼ kuljum. Meta nagħmlu hekk, ifakkarna li Ġeħova hu l-​wieħed li “jagħti lil kulħadd il-​ħajja u n-​nifs u kollox.” (Atti 17:25) Il-​Bibbja turina li hu bħal missier li jħobb lit-​tfal tiegħu u minn qalbu lest li jtihom x’għandhom bżonn. Imma bħal missier tajjeb, jekk insaqsuh għal xi ħaġa li mhijiex tajba għalina, hu mhux se jtihielna.

“Aħfrilna d-​djun tagħna.”

Għandna bżonn li Alla jaħfrilna? Ħafna llum ma jafux x’inhu dnub u kemm hu serju. Il-​Bibbja tgħallimna li aħna mmutu u għandna dawn il-​problemi kollha minħabba d-​dnub. Peress li aħna twilidna bid-​dnub u taʼ spiss niżbaljaw, l-​unika mod kif nistgħu ngħixu għal dejjem hu jekk Alla jaħfrilna dnubietna. (Rumani 3:23; 5:12; 6:23) Kemm inħossuna aħjar meta naqraw dak li tgħid il-​Bibbja: “Int, O Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer.”—Salm 86:5.

“Eħlisna mill-​Ħażin.”

Tifhem eżatt kemm għandek bżonn il-​protezzjoni t’Alla? Ħafna ma jridux jemmnu li vera jeżisti “l-​Ħażin,” li hu Satana. Imma Ġesù għallem li Satana vera jeżisti, anki rrefera għalih bħala “l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja.” (Ġwanni 12:31; 16:11) Satana qed jinfluwenza ħażin din id-​dinja li hu jikkontrolla. Hu jrid jinfluwenza b’mod ħażin lilek ukoll għax ma jridx li jkollok ħbiberija maʼ Missierek, Ġeħova. (1 Pietru 5:8) Imma Ġeħova hu iżjed b’saħħtu minn Satana u jrid jipproteġi lil dawk kollha li jħobbuh.

Tgħallimna ħafna mit-​Talba tal-​Missierna, imma hemm ħafna iżjed affarijiet li nistgħu nitolbu dwarhom. Tinsiex, l-​1 Ġwanni 5:14 jgħid hekk dwar Alla: “Kulma nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu, hu jismagħna.” Mela qatt taħseb li l-​problemi tiegħek mhumiex importanti biżżejjed biex titlob dwarhom.—1 Pietru 5:7.

Tagħmel differenza fejn u meta nitlob?