Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

5 Fejn u Meta Għandna Nitolbu?

5 Fejn u Meta Għandna Nitolbu?

ĦAFNA reliġjonijiet jgħidulek fejn u meta trid titlob. Tgħidilna l-​Bibbja biex nitolbu f’ċerti postijiet u ħinijiet biss?

Il-​Bibbja tgħidilna li hemm ħinijiet partikolari meta għandna nitolbu. Pereżempju Ġesù, qabel ma beda jiekol mad-​dixxipli tiegħu, irringrazzja ’l Alla bit-​talb. (Luqa 22:17) U d-​dixxipli tiegħu wkoll talbu meta ltaqgħu flimkien biex jitgħallmu dwar Alla. Huma kienu qed jagħmlu kif għamlu l-​Lhud għal ħafna snin fis-​sinagogi u fit-​tempju taʼ Ġerusalemm. Alla ried li t-​tempju jkun “dar tat-​talb għall-​ġnus kollha.”—Marku 11:17.

Meta l-​qaddejja t’Alla jiltaqgħu flimkien u jitolbu, hu jismaʼ t-​talb tagħhom. Jekk jitolbu b’attitudni tajba u dak li jitolbu jaqbel maʼ dak li jrid Alla, hu jismagħhom. Dan it-​talb jistaʼ jimmotiva lil Alla biex jagħmel xi ħaġa. (Ebrej 13:18, 19) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jibdew u jispiċċaw il-​laqgħat tagħhom b’talba. Aħna nistidnuk minn qalbna biex tiġi għal dawn il-​laqgħat.

Imma l-​Bibbja ma tgħidilniex li rridu nitolbu f’ċerti postijiet u ħinijiet biss. Fil-​Bibbja, aħna naqraw li l-​qaddejja t’Alla kienu jitolbu f’ħinijiet u postijiet differenti. Ġesù qal: “Meta titlob, idħol f’kamartek, agħlaq il-​bieb, u itlob lil Missierek li qiegħed fil-​moħbi; imbagħad Missierek li jara dak li hu moħbi se jroddlok lura.”—Mattew 6:6.

Aħna nistgħu nitolbu kullimkien u xħin irridu

Din hija stedina sabiħa! Inti tistaʼ titlob lill-​iżjed Persuna b’awtorità fl-​univers fi x’ħin trid, anki meta tkun waħdek, u tistaʼ tkun ċert li jisimgħek. Ġesù għalhekk kemm-​il darba ried ikun waħdu meta kien jitlob! Darba minnhom għamel lejl sħiħ jitlob qabel ħa deċiżjoni importanti.—Luqa 6:12, 13.

Il-​Bibbja titkellem dwar irġiel u nisa li kienu jitolbu meta kellhom jieħdu deċiżjonijiet importanti jew meta kellhom problemi kbar. Ġieli talbu b’leħen għoli u ġieli f’qalbhom. Talbu fi gruppi u anki weħidhom. L-​iżjed ħaġa importanti hi li talbu. Alla jistieden lill-​qaddejja tiegħu biex ‘jitolbu bla waqfien.’ (1 Tessalonikin 5:17) Jitolbu kemm jitolbu l-​qaddejja tiegħu, hu dejjem lest li jismagħhom. Dan jurina kemm Ġeħova jixtieq li nitolbuh.

Illum, ħafna nies ma jemmnux li t-​talb huwa importanti. Forsi ssaqsi lilek innifsek, ‘It-​talb vera jgħinni?’