Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

7 Alla Jismaʼ u Jwieġeb it-Talb Tiegħek?

7 Alla Jismaʼ u Jwieġeb it-Talb Tiegħek?

ĦAFNA nies iridu jkunu jafu jekk Alla jismax u jwiġibx it-​talb. Il-​Bibbja turina li llum il-​ġurnata Alla jismaʼ t-​talb tagħna. Imma minna jiddependi jekk jismax it-​talb tagħna jew le.

Ġesù qal li l-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu kienu eżempju ħażin. Hu qalilhom ipokriti għax kienu jitolbu biss biex jimpressjonaw lin-​nies. Hu qal li huma kienu se jirċievu “l-​premju tagħhom.” Dan ifisser li n-​nies kienu se jammirawhom, imma Alla ma kienx se jismaʼ t-​talb tagħhom. (Mattew 6:5) Anki llum il-​ġurnata, ħafna huma egoisti u jitolbu biss għall-​affarijiet li jridu, imma ma jagħtux kas dak li jrid Alla. Jekk in-​nies ma jobdux il-​Bibbja, Alla mhux se jismaʼ t-​talb tagħhom.

Imma Alla jismaʼ u jwieġeb it-​talb tiegħek? It-​tweġiba ma tiddependix minn fejn int jew x’jaħsbu oħrajn fuqek. Il-​Bibbja tgħidilna: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.” (Atti 10:34, 35) Int tipprova tagħmel kif jgħid il-​vers? Li tibżaʼ minn Alla jfisser li tirrispettah ħafna u li ma tkunx trid tagħmel xi ħaġa li tweġġgħu. Li tagħmel is-​sewwa jfisser li tagħmel dak li Alla jgħid li hu tajjeb, u mhux tagħmel dak li trid int jew li jgħidu nies oħra. Inti vera trid li Alla jismaʼ t-​talb tiegħek? Il-​Bibbja turik kif trid titlob ħalli Alla jisimgħek.

Ħafna jridu li Alla jwieġeb it-​talb tagħhom b’miraklu. Imma anki fiż-​żminijiet tal-​Bibbja, Alla kemm-​il darba ma weġibx it-​talb b’mirakli. Ġieli għaddew mijiet taʼ snin bejn miraklu u ieħor. Ukoll, il-​Bibbja qalet li l-​mirakli kienu se jispiċċaw mal-​appostli. (1 Korintin 13:8-​10) Allura dan ifisser li Alla ma jweġibx it-​talb tagħna? Żgur li le! Ejja naraw xi talb li jwieġeb.

Alla jagħti l-​għerf. L-​għerf kollu jiġi mingħand Ġeħova. Hu lest li jagħti l-​għerf tiegħu lil dawk li jitolbu għalih u lesti li jużawh f’ħajjithom.—Ġakbu 1:5.

Alla jagħti l-​ispirtu qaddis tiegħu. L-​ispirtu qaddis hu l-​forza attiva t’Alla. M’hemmx qawwa iżjed b’saħħitha minn din. Jistaʼ jgħinna nissaportu l-​problemi jew itina l-​paċi meta nkunu inkwetati. Jistaʼ jgħinna biex ikollna kwalitajiet sbieħ. (Galatin 5:22, 23) Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu li Alla ma jżommx lura milli jagħti dan ir-​rigal.—Luqa 11:13.

Alla jgħin lil dawk li jfittxuh. (Atti 17:26, 27) Madwar id-​dinja hemm nies li qed ifittxu l-​verità. Iridu jsiru jafu x’inhu isem Alla, x’inhu l-​iskop tiegħu għall-​art u għan-​nies, u kif jistgħu jsiru ħbieb tiegħu. (Ġakbu 4:8) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kemm-​il darba jiltaqgħu maʼ nies hekk, u huma lesti li jwieġbu dawn il-​mistoqsijiet mill-​Bibbja.

Int ukoll qed tfittex il-​verità? Qed tfittex lil Alla? Forsi b’dawn l-​artikli Alla qed iwieġeb it-​talb tiegħek.