Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ibqgħu Fittxu l-Ewwel “Is-Sewwa Tiegħu”

Ibqgħu Fittxu l-Ewwel “Is-Sewwa Tiegħu”

Ibqgħu Fittxu l-​Ewwel “Is-​Sewwa Tiegħu”

“Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.”—MT. 6:33.

1, 2. X’inhu s-​sewwa t’Alla, u fuq xiex hu bbażat?

 “MELA, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna.” (Mt. 6:33) Din it-​twissija mogħtija minn Ġesù Kristu fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja hi magħrufa sew max-​Xhieda taʼ Ġeħova llum. F’kull aspett taʼ ħajjitna, nistinkaw biex nuru li nħobbu lil dan il-​gvern tas-​Saltna u li rridu nkunu leali lejh. Imma rridu nżommu f’moħħna wkoll it-​tieni parti taʼ din l-​espressjoni, jiġifieri, “u s-​sewwa tiegħu.” X’inhu s-​sewwa t’Alla, u xi jfisser li tfittex lilu l-​ewwel?

2 Il-​kliem fil-​lingwa oriġinali għal “sewwa” jistaʼ wkoll jiġi tradott “ġustizzja” jew “rett.” Għalhekk, is-​sewwa t’Alla hu rett skont il-​livelli u l-​valuri persunali tiegħu. Bħala l-​Ħallieq, Ġeħova għandu d-​dritt li jagħmel il-​livelli għal dak li hu tajjeb jew ħażin, dak li hu xieraq u dak li mhuwiex. (Riv. 4:11) Madankollu, is-​sewwa t’Alla mhuwiex ġabra taʼ liġijiet jew lista li ma tispiċċa qatt taʼ regoli u kmandi li huma birdin u riġidi. Minflok, hu bbażat fuq il-​personalità taʼ Ġeħova u l-​attribut kardinali tiegħu tal-​ġustizzja flimkien mal-​attributi kardinali l-​oħrajn tiegħu tal-​imħabba, l-​għerf, u l-​qawwa. Għalhekk, is-​sewwa t’Alla hu marbut mar-​rieda u l-​iskop tiegħu. Jinkludi dak li hu jistenna minn dawk li jixtiequ jaqduh.

3. (a) Xi jfisser li nfittxu l-​ewwel is-​sewwa t’Alla? (b) Għala għandna nżommu mal-​livelli ġusti taʼ Ġeħova?

3 Xi jfisser li nfittxu l-​ewwel is-​sewwa t’Alla? Fi kliem sempliċi jfisser li nagħmlu r-​rieda t’Alla sabiex nogħġbuh. Li nfittxu s-​sewwa tiegħu jinkludi li nipprovaw ngħixu skont il-​valuri u l-​livelli perfetti tiegħu u mhux skont tagħna stess. (Aqra Rumani 12:2.) Dan il-​mod taʼ ħajja jinvolvi r-​relazzjoni tagħna stess maʼ Ġeħova. Mhijiex kwistjoni taʼ li nobdu l-​liġijiet tiegħu għax nibżgħu mill-​kastig. Minflok, l-​imħabba tagħna għal Alla tqanqalna nistinkaw biex nogħġbuh billi nżommu mal-​livelli tiegħu, u mhux nistabbilixxu l-​livelli tagħna stess. Nirrealizzaw li din hi l-​ħaġa xierqa li għandna nagħmlu, li dan hu eżattament dak li ġejna disinjati biex nagħmlu. Bħal Ġesù Kristu, is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla, irridu nħobbu s-​sewwa.—Ebr. 1:8, 9.

4. Għala hu daqstant importanti li nfittxu s-​sewwa t’Alla?

4 Kemm hu importanti li nfittxu s-​sewwa taʼ Ġeħova? Ikkunsidra dan il-​fatt: Il-​prova oriġinali fil-​ġnien tal-​Għeden kienet ibbażata fuq jekk Adam u Eva kinux se jaċċettaw d-​dritt taʼ Ġeħova li jagħmel il-​livelli jew le. (Ġen. 2:17; 3:5) Il-​fatt li naqsu milli jagħmlu dan ġab tbatija u mewt fuqna bħala d-​dixxendenti tagħhom. (Rum. 5:12) Mill-​banda l-​oħra, il-​Kelma t’Alla tgħid: “Min qed jiġri wara s-​sewwa u l-​qalb tajba bl-​imħabba se jsib il-​ħajja, is-​sewwa u l-​glorja.” (Prov. 21:21) Iva, jekk infittxu l-​ewwel is-​sewwa t’Alla se jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova, u din se twassal għas-​salvazzjoni tagħna stess.—Rum. 3:23, 24.

Il-​Periklu li Nsiru Ġusti f’Għajnejna Stess

5. Liema periklu għandna bżonn nevitaw?

5 Meta kiteb lill-​Kristjani f’Ruma, l-​appostlu Pawlu enfasizza periklu li lkoll għandna bżonn nevitaw jekk irridu li jkollna suċċess f’li nfittxu l-​ewwel is-​sewwa t’Alla. Rigward sħabu l-​Lhud, Pawlu qal: “Nixhdilhom li għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-​għarfien eżatt; għax, minħabba li ma kinux jafu l-​ġustizzja t’Alla imma pprovaw jistabbilixxu l-​ġustizzja tagħhom stess, huma ma ssottomettewx ruħhom lejn il-​ġustizzja t’Alla.” (Rum. 10:2, 3) Skont Pawlu, dawn l-​aduraturi ma fehmux il-​ġustizzja, jew is-​sewwa, t’Alla minħabba li moħħhom kien f’li jipprovaw jistabbilixxu s-​sewwa tagħhom stess. a

6. Liema attitudni għandna nevitaw, u għala?

6 Mod wieħed kif nistgħu naqgħu f’din in-​nasba hu billi nqisu s-​servizz tagħna lil Alla bħala kompetizzjoni, billi nqabblu lilna nfusna m’oħrajn. Din l-​attitudni tistaʼ faċilment twassalna biex insiru kunfidenti żżejjed fl-​abbiltajiet tagħna. Imma, fir-​realtà, jekk naġixxu b’dan il-​mod, inkunu qed ninsew is-​sewwa taʼ Ġeħova. (Gal. 6:3, 4) Il-​motiv xieraq biex nagħmlu dak li hu sewwa hu l-​imħabba tagħna għal Ġeħova. Kwalunkwe attentat biex nuru s-​sewwa tagħna stess jistaʼ jġib fix-​xejn dak li ngħidu meta nsostnu li nħobbuh.—Aqra Luqa 16:15.

7. Ġesù kif indirizza l-​problema taʼ li wieħed ikun ġust f’għajnejh stess?

7 Ġesù kien konċernat dwar dawk “li kienu fiduċjużi fihom infushom li kienu nies sewwa, u li kienu jqisu lil ħaddieħor bħala li m’hu xejn.” Hu indirizza l-​problema taʼ li wieħed ikun ġust f’għajnejh stess billi rrakkonta din it-​tixbiha: “Żewġt irġiel telgħu fit-​tempju biex jitolbu, wieħed kien Fariżew u l-​ieħor kollettur tat-​taxxi. Il-​Fariżew qam u beda jitlob hekk f’qalbu, ‘O Alla, nirringrazzjak li m’iniex bħall-​bqija tal-​bnedmin, imbroljuni, ma jagħmlux is-​sewwa, adulteri, jew saħansitra bħal dan il-​kollettur tat-​taxxi. Insum darbtejn fil-​ġimgħa, nagħti l-​għexur taʼ dak kollu li nikseb.’ Imma l-​kollettur tat-​taxxi wieqaf ’il bogħod lanqas ried saħansitra jgħolli għajnejh lejn is-​sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid, ‘O Alla, kun ħanin miegħi għax jien midneb.’” Ġesù kkonkluda billi qal: “Ngħidilkom, Dan niżel lejn daru magħdud bħala raġel sewwa iktar mill-​ieħor; għax kulmin jitgħolla jiġi umiljat, imma min jumilja ruħu jitgħolla.”—Lq. 18:9-​14.

Periklu Ieħor—Li Nsiru ‘Ġusti Żżejjed’

8, 9. Xi jfisser li nkunu ‘ġusti żżejjed,’ u għal xiex jistaʼ jwassalna?

8 Periklu ieħor li għandna bżonn nevitaw hu deskritt f’Ekkleżjasti 7:16: “Issirx ġust iżżejjed, u turix li int għaref wisq. Għala għandek teqred lilek innifsek?” Imbagħad, bħalma hu notat fil-​vers 20, il-​kittieb ispirat tal-​Bibbja jkompli biex jagħtina raġuni għala għandna nevitaw attitudni bħal din: “Għax m’hemm l-​ebda bniedem ġust fuq l-​art li dejjem jagħmel it-​tajjeb u ma jidnibx.” L-​individwu li jsir “ġust iżżejjed” jagħmel il-​livelli tiegħu stess għas-​sewwa u jiġġudika lil oħrajn bihom. Madankollu, hu jonqos milli jirrikonoxxi li billi jagħmel hekk, ikun qed jgħolli l-​livelli tiegħu fuq dawk t’Alla, u b’hekk jagħti prova li hu inġust mill-​ħarsa t’Alla.

9 Li nkunu ‘ġusti żżejjed,’ jew kif ipoġġuha xi tradizzjonijiet tal-​Bibbja, li nkunu “ġusti b’mod eċċessiv,” jistaʼ saħansitra jġegħelna niddubitaw mill-​mod kif Ġeħova jmexxi l-​affarijiet. Imma għandna bżonn niftakru li jekk niddubitaw il-​ġustizzja jew is-​sewwa tad-​deċiżjonijiet taʼ Ġeħova, aħna, sa ċertu punt, inkunu qed inqiegħdu l-​livelli tagħna tal-​ġustizzja fuq il-​livelli taʼ Ġeħova. Inkunu qisna qed ngħaddu lil Ġeħova minn prova u niġġudikawh skont il-​livelli tagħna stess taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. Imma Ġeħova hu l-​wieħed li għandu d-​dritt li jagħmel il-​livelli tal-​ġustizzja, mhux aħna!—Rum. 14:10.

10. Bħal fil-​każ taʼ Ġob, x’jistaʼ jġegħelna niġġudikaw lil Alla?

10 Għalkemm ħadd minna ma se jiġġudika lil Alla apposta, in-​natura imperfetta tagħna tistaʼ twassalna biex nagħmlu hekk. Dan jistaʼ jsir faċilment meta naraw xi ħaġa li nqisuha mhix ġusta jew meta personalment insofru xi tbatija. Saħansitra r-​raġel leali Ġob għamel dan l-​iżball. Ġob għall-​ewwel kien deskritt bħala raġel “bla ħtija u rett, jibżaʼ minn Alla u jitbiegħed mill-​ħażen.” (Ġob 1:1) Imma mbagħad Ġob esperjenza serje taʼ gwajijiet li f’għajnejh ma kinux ġusti. Dan wassal biex Ġob iddikjara “ruħu ġusta minflok lil Alla.” (Ġob 32:1, 2) Il-​ħarsa taʼ Ġob kellha tiġi rranġata. Għalhekk, m’għandniex nissorprendu ruħna jekk, kultant, insibu ruħna f’sitwazzjoni simili. Jekk jiġri dan, x’jistaʼ jgħinna naġġustaw il-​ħsib tagħna?

Mhux Dejjem Ikollna l-​Fatti Kollha

11, 12. (a) Jekk inħossu li xi ħaġa mhix ġusta, x’għandna bżonn niftakru? (b) Għala xi ħadd jistaʼ jħoss li t-​tixbiha taʼ Ġesù tal-​ħaddiema fl-​għalqa tad-​dwieli tiddeskrivi xi ħaġa mhix ġusta?

11 L-​ewwel ħaġa li rridu niftakru hi li mhux dejjem ikollna l-​fatti kollha. Dan kien minnu fil-​każ taʼ Ġob. Hu ma kienx jaf bil-​laqgħat tal-​ulied anġeliċi t’Alla fis-​sema, fejn Satana akkużah b’mod falz. (Ġob 1:7-​12; 2:1-​6) Ġob ma rrealizzax li l-​problemi tiegħu kienu attwalment kaġunati minn Satana. Fil-​fatt, ma nistgħux inkunu żguri li Ġob saħansitra kien jaf l-​identità vera taʼ Satana! Għalhekk, b’mod żbaljat assuma li l-​problemi tiegħu kienu kaġunati minn Alla. Iva, huwa faċli li naslu għal konklużjoni żbaljata meta ma nkunux nafu l-​fatti kollha.

12 Pereżempju, ikkunsidra t-​tixbiha taʼ Ġesù tal-​ħaddiema fl-​għalqa tad-​dwieli. (Aqra Mattew 20:8-​16.) Hawnhekk Ġesù jiddeskrivi lil sid li jħallas l-​istess ammont taʼ flus lill-​ħaddiema tiegħu kollha, kemm jekk ħadmu l-​ġurnata kollha kif ukoll jekk siegħa waħda biss. Kif tħossok dwar dan? Jidher ġust? Forsi għall-​ewwel jiddispjaċik għall-​ħaddiema li ħadmu ġurnata sħiħa fis-​sħana tax-​xemx. Żgur li kien jixirqilhom jitħallsu iktar! B’din il-​konklużjoni, is-​sid setaʼ jitqies bħala li wera nuqqas taʼ mħabba u li ma kienx ġust. Anki bit-​tweġiba li ta lill-​ħaddiema tiegħu li lmentaw, setaʼ deher li qed jabbuża mill-​awtorità tiegħu. Imma għandna l-​fatti kollha?

13. Minn liema lenti differenti nistgħu nikkunsidraw it-​tixbiha taʼ Ġesù tal-​ħaddiema fl-​għalqa tad-​dwieli?

13 Ejja nanalizzaw din it-​tixbiha minn lenti differenti. Huwa raġunevoli li nikkonkludu li s-​sid fit-​tixbiha rrealizza li dawn l-​irġiel kollha kellhom bżonn jitimgħu lill-​familji tagħhom. Fi żmien Ġesù, il-​ħaddiema fl-​għelieqi kienu jitħallsu ġurnata b’ġurnata. Il-​familji tagħhom kienu jistrieħu fuq il-​paga li kienet tingħata kuljum. B’dan f’moħħok, aħseb dwar il-​pożizzjoni taʼ dawk li s-​sid sabhom tard fil-​ġurnata, u li għalhekk ħadmu għal siegħa waħda biss. Forsi ma kinux se jkunu jistgħu jitimgħu lill-​familji tagħhom bi ħlas taʼ siegħa biss; madankollu, huma kienu lesti li jaħdmu u kienu stennew il-​jum kollu biex xi ħadd jimpjegahom. (Mt. 20:1-​7) Ma kienx tort tagħhom li ma tħallewx jaħdmu l-​ġurnata sħiħa. M’hemm l-​ebda indikazzjoni li huma apposta pprovaw jevitaw ix-​xogħol. Immaġina kieku kellek tistenna ġurnata sħiħa bil-​ħsieb li oħrajn jiddependu minn dak li se taqlaʼ f’dak il-​jum. Kemm tkun grat li sibt xi xogħol—u kemm tibqaʼ sorpriż li tirċievi biżżejjed flus biex titmaʼ lill-​familja tiegħek!

14. Liema lezzjoni taʼ valur nitgħallmu mit-​tixbiha tal-​għalqa tad-​dwieli?

14 Issa ejja nerġgħu neżaminaw l-​azzjonijiet tas-​sid. Hu lil ħadd ma ta inqas flus. Minflok, ittratta lill-​ħaddiema kollha bħala li għandhom id-​dritt li jaqilgħu l-​għajxien. B’ħafna ħaddiema disponibbli, is-​sid setaʼ pprofitta ruħu mis-​sitwazzjoni sabiex jikseb ħaddiema b’inqas flus. Madankollu, hu m’għamilx hekk. Il-​ħaddiema kollha tiegħu marru lura d-​dar b’biżżejjed flus biex jitimgħu lill-​familji tagħhom. Il-​fatt li nikkunsidraw dawn id-​dettalji żejda jistaʼ jbiddel il-​mod kif inħarsu lejn l-​azzjonijiet tiegħu. Id-​deċiżjoni tiegħu kienet waħda taʼ mħabba u ma kienx qed jabbuża mill-​awtorità tiegħu. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu? Li jekk nikkunsidraw biss ftit mill-​fatti nistgħu naslu għall-​konklużjoni l-​ħażina. Tabilħaqq, din il-​parabbola tenfasizza s-​superjorità tas-​sewwa t’Alla, li mhuwiex ibbażat biss fuq regolamenti legali u fuq jekk il-​bnedmin jistħoqqilhomx is-​sewwa tiegħu.

Il-​Ħarsa Tagħna Forsi Tkun Mgħawġa jew Limitata

15. Il-​ħarsa tagħna dwar x’inhu ġust għala tistaʼ tkun mgħawġa jew limitata?

15 It-​tieni fattur li rridu niftakru meta niffaċċjaw sitwazzjoni li tidher inġusta hu li l-​ħarsa tagħna forsi tkun mgħawġa jew limitata. Tistaʼ tkun mgħawġa bl-​imperfezzjoni, il-​preġudizzju, jew l-​isfond kulturali. Hija limitata wkoll min-​nuqqas t’abbiltà tagħna f’li nagħrfu l-​motivi u f’li nkunu nafu dak li hemm verament f’qalb in-​nies. B’kuntrast, kemm Ġeħova kif ukoll Ġesù m’għandhomx limitazzjonijiet bħal dawn.—Prov. 24:12; Mt. 9:4; Lq. 5:22.

16, 17. Għala forsi Ġeħova ma imponiex il-​liġi tiegħu dwar l-​adulterju meta David dineb maʼ Bat-​seba?

16 Ejja nanalizzaw ir-​rakkont tal-​adulterju taʼ David maʼ Bat-​seba. (2 Sam. 11:2-​5) Skont il-​Liġi Mosajka kien jistħoqqilhom il-​mewt. (Lev. 20:10; Dt. 22:22) Għalkemm Ġeħova kkastigahom, hu ma imponiex il-​liġi tiegħu stess. Kienet din inġustizzja min-​naħa taʼ Ġeħova? Wera favoritiżmu maʼ David, u b’hekk kiser il-​livelli Tiegħu stess tas-​sewwa? Xi qarrejja tal-​Bibbja hekk ħassewhom.

17 Madankollu, din il-​liġi dwar l-​adulterju kienet ngħatat minn Ġeħova lil imħallfin imperfetti, li ma setgħux jaqraw il-​qlub. Minkejja l-​limitazzjonijiet tagħhom, huma b’din il-​liġi kienu kapaċi jkunu konsistenti fil-​ġudizzji tagħhom. Min-​naħa l-​oħra, Ġeħova jistaʼ jaqra l-​qlub. (Ġen. 18:25; 1 Kron. 29:17) Għalhekk, m’għandniex nistennew li Ġeħova għandu jkun ristrett minn liġi li hu ddisinja għal imħallfin imperfetti. Li kieku kien hekk, ma kienx ikun bħallikieku qed tisforza lil xi ħadd li għandu vista perfetta jilbes nuċċali li hu disinjat biex itejjeb il-​vista taʼ dawk li ma jarawx sew? Ġeħova setaʼ jaqra l-​qlub taʼ David u Bat-​seba u jara l-​indiema ġenwina tagħhom. Hu kkunsidra dan il-​fattur u ġġudikahom fi qbil miegħu, b’manjiera ħanina u taʼ mħabba.

Komplu Fittxu s-​Sewwa taʼ Ġeħova

18, 19. X’se jgħinna biex qatt ma niġġudikaw lil Ġeħova skont il-​livelli tagħna stess tas-​sewwa?

18 Mela jekk kultant naraw xi ħaġa li nħossu li hi inġusta min-​naħa taʼ Ġeħova—kemm jekk naqrawha f’rakkont Bibliku u kemm jekk nesperjenzawha fil-​ħajja persunali tagħna—ejja qatt ma niġġudikaw lil Alla skont il-​livelli tagħna stess tas-​sewwa. Ftakar li aħna mhux dejjem ikollna l-​fatti kollha u li l-​ħarsa tagħna tistaʼ tkun mgħawġa jew limitata. Qatt tinsa li “l-​korla tal-​bniedem ma twettaqx dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.” (Ġak. 1:19, 20) B’dan il-​mod, qalbna qatt ma se ssir ‘mgħaddba kontra Ġeħova nnifsu.’—Prov. 19:3.

19 Bħal Ġesù, ejja dejjem nagħrfu li Ġeħova biss għandu d-​dritt li jistabbilixxi dak li hu ġust u tajjeb. (Mk. 10:17, 18) Stinka biex tikseb “għarfien eżatt” jew “għerf veru” dwar il-​livelli tiegħu. (Rum. 10:2, Għaqda Biblika Maltija; 2 Tim. 3:7) Billi naċċettaw dawn il-​livelli u nġibu ħajjitna fi qbil mar-​rieda taʼ Ġeħova, inkunu qed nuru li qed infittxu l-​ewwel “is-​sewwa tiegħu.”—Mt. 6:33.

[Nota taʼ taħt]

a Skont studjuż, il-​kelma fil-​lingwa oriġinali tradotta “jistabbilixxu” tistaʼ tfisser ukoll ‘iwaqqfu monument.’ Għalhekk, dawn il-​Lhud kienu bħallikieku qed iwaqqfu monument figurattiv għat-​tifħir tagħhom stess u mhux t’Alla.

X’Tiftakar?

• Għala hu importanti li nfittxu s-​sewwa taʼ Ġeħova?

• Liema żewġ perikli għandna bżonn nevitaw?

• Kif nistgħu nfittxu l-​ewwel is-​sewwa t’Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

Liema lezzjoni nitgħallmu mit-​ tixbiha li ta Ġesù dwar iż-​żewġt irġiel li kienu qed jitolbu fit-​tempju?

[Stampa f’paġna 10]

Kienet inġustizzja li l-​ħaddiema li ħadmu siegħa biss jitħallsu l-​istess bħal dawk li ħadmu l-​ġurnata sħiħa?