Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tieħu Sehem f’li Tagħmel il-Laqgħat Kristjani Inkuraġġanti?

Tieħu Sehem f’li Tagħmel il-Laqgħat Kristjani Inkuraġġanti?

Tieħu Sehem f’li Tagħmel il-​Laqgħat Kristjani Inkuraġġanti?

“Meta tiltaqgħu flimkien, . . . ħa jsir kollox biex tibnu lil xulxin.”—1 KOR. 14:26.

1. Skont l-​1 Korintin kapitlu 14, x’inhi mira importanti tal-​laqgħat Kristjani?

 ‘X’LAQGĦA inkuraġġanti kellna!’ Ġieli esprimejt sentimenti simili wara li attendejt xi laqgħa fis-​Sala tas-​Saltna? Bla dubju li iva! Il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni huma tassew sors taʼ inkuraġġiment, imma dan mhuwiex sorprendenti. Wara kollox, bħal fi żmien il-​Kristjani tal-​bidu, mira importanti tal-​laqgħat tagħna llum hi biex isaħħu spiritwalment lil dawk kollha fl-​attendenza. Innota kif l-​appostlu Pawlu jenfasizza din il-​mira speċifika tal-​laqgħat Kristjani fl-​ewwel ittra tiegħu lill-​Korintin. F’kapitlu 14, darba wara l-​oħra jistqarr li kull taħdita li tingħata fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni għandu jkollha l-​istess mira—“biex tinbena l-​kongregazzjoni.”—Aqra l-1 Korintin 14:3, 12, 26. a

2. (a) Laqgħat li jibnu huma r-​riżultat taʼ xiex? (b) Liema mistoqsija se nikkunsidraw?

2 Aħna nagħrfu li laqgħat li jibnu, jew li jedifikaw, l-​ewwel u qabel kollox huma r-​riżultat tal-​influwenza tal-​ispirtu t’Alla. Għalhekk, nibdew kull laqgħa tal-​kongregazzjoni b’talba mill-​qalb lil Ġeħova, u fiha nitolbu lil Missierna tas-​sema biex ibierek il-​laqgħa tagħna permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu. Xorta waħda, aħna nafu li l-​membri kollha tal-​kongregazzjoni jistaʼ jkollhom sehem f’li jagħmlu l-​programmi tal-​laqgħat inkuraġġanti kemm jistaʼ jkun. Għalhekk, liema huma ftit mill-​passi li nistgħu nieħdu personalment biex nagħmlu ċert li l-​laqgħat taʼ kull ġimgħa li jkollna fis-​Sala tas-​Saltna tagħna jkunu dejjem sors taʼ serħan u inkuraġġiment spiritwali?

3. Kemm huma importanti l-​laqgħat Kristjani?

3 Biex inwieġbu, se neżaminaw xi aspetti tal-​laqgħat tagħna li dawk li jikkonduċuhom għandhom iżommu f’moħħhom. Se nikkunsidraw ukoll kif dawk kollha fil-​kongregazzjoni jistgħu jieħdu sehem f’li jagħmlu l-​laqgħat okkażjonijiet li jsaħħu lil dawk kollha li jattendu. Dan is-​suġġett hu taʼ interess kbir għalina għax il-​laqgħat tagħna huma sagri. Tabilħaqq, l-​attendenza u l-​parteċipazzjoni tagħna fil-​laqgħat huma aspetti importanti tal-​qima tagħna lil Ġeħova.—Salm 26:12; 111:1; Is. 66:22, 23.

Laqgħa Disinjata għall-​Istudju tal-​Bibbja

4, 5. X’inhu l-​għan tal-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa?

4 Ilkoll kemm aħna rridu nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa taʼ kull ġimgħa. Għaldaqstant, biex nifhmu ċar l-​għan prinċipali taʼ din il-​laqgħa, ejja nirrivedu ftit mill-​aġġustamenti li saru fir-​rivista tat-​Torri tal-​Għassa u l-​artikli għall-​istudju.

5 B’seħħ mill-​ewwel edizzjoni għall-​istudju fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Jannar, 2008, ġie inkluż dettall sinifikanti fuq il-​qoxra taʼ quddiem. Innotajtu? Ħares sew lejn il-​qoxra tar-​rivista li għandek f’idejk. Hemmhekk, fin-​naħa t’isfel quddiem it-​torri, se tara Bibbja miftuħa. Dan l-​aspett ġdid jenfasizza r-​raġuni għala għandna l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Hi biex nistudjaw il-​Bibbja bl-​għajnuna taʼ din ir-​rivista. Iva, fl-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa li jkollna kull ġimgħa, il-​Kelma t’Alla qed tiġi “spjegata sew,” u bħal fi żmien Neħemija tal-​qedem, qed tiġi “mfissra.”—Neħ. 8:8; Is. 54:13.

6. (a) Liema aġġustament sar fl-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa? (b) X’għandna nżommu f’moħħna rigward l-​iskritturi li jkollhom miktub “aqra”?

6 Peress li l-​Bibbja hi l-​ktieb prinċipali tagħna, sar aġġustament fl-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Diversi skritturi ċitati fl-​artikli għall-​istudju huma mmarkati bil-​kelma “aqra.” Ilkoll kemm aħna inkuraġġiti biex insegwu l-​qari taʼ dawn l-​iskritturi waqt il-​laqgħa, billi nużaw il-​kopja tagħna stess tal-​Bibbja. (Atti 17:11) Għala? Meta naraw il-​pariri t’Alla fil-​Bibbja tagħna stess, jagħmlu impatt akbar fuqna. (Ebr. 4:12) Għalhekk, qabel ma jinqraw dawn l-​iskritturi, dak li jikkonduċi l-​laqgħa għandu jagħti biżżejjed ħin lil dawk kollha fl-​attendenza biex ifittxu dawn l-​iskritturi u biex isegwu hekk kif jinqraw il-​versi.

Iktar Ħin Disponibbli Biex Nesprimu l-​Fidi Tagħna

7. Liema opportunità għandna waqt l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa?

7 Aġġustament ieħor fl-​artikli għall-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa għandu x’jaqsam mat-​tul tagħhom. Fi snin reċenti, huma iqsar. B’hekk, matul l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa, qed jintuża inqas ħin għall-​qari tal-​paragrafi filwaqt li iktar ħin hu disponibbli biex jingħataw il-​kummenti. Issa iktar uħud fil-​kongregazzjoni għandhom opportunità jesprimu pubblikament il-​fidi tagħhom billi jwieġbu xi mistoqsija stampata, japplikaw xi skrittura, jirrakkontaw xi esperjenza qasira li turi kemm hu għaqli li nsegwu l-​prinċipji Bibliċi, jew b’modi oħrajn. Għandu jintuża ftit mill-​ħin ukoll biex jiġu diskussi l-​istampi.—Aqra Salm 22:22; 35:18; 40:9.

8, 9. X’inhu l-​irwol taʼ dak li jikkonduċi l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa?

8 Madankollu, il-​ħin miżjud biex ikun hemm diversi kummenti se jkun disponibbli biss jekk dawk li jieħdu sehem iwieġbu fil-​qosor u dak li jikkonduċi l-​laqgħa jżomm lura milli hu nnifsu jikkummenta spiss waqt l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Allura, x’jistaʼ jgħin lill-​ħu li jikkonduċi jsib il-​bilanċ xieraq bejn il-​kummenti tiegħu u dawk li jingħataw mill-​kongregazzjoni sabiex il-​laqgħa tibni lil kulħadd?

9 Biex inwieġbu, ejja nikkunsidraw tixbiha. Studju tat-​Torri tal-​Għassa li hu mmexxi sew hu bħal bukkett fjuri li jpaxxi l-​għajn. Sewwasew bħalma bukkett kbir hu magħmul minn ħafna fjuri individwali, hekk ukoll Studju tat-​Torri tal-​Għassa hu magħmul minn ħafna kummenti differenti. U sewwasew bħalma l-​fjuri individwali f’bukkett ivarjaw fid-​daqs u l-​kulur, hekk ukoll il-​kummenti matul il-​laqgħa jvarjaw fit-​tul u fil-​mod kif jingħataw. U x’inhu l-​irwol taʼ dak li jikkonduċi? Il-​kummenti tiegħu taʼ kultant huma bħall-​ftit weraq li jiġu miżjudin b’attenzjoni mal-​bukkett. Dawn il-​weraq ma jiddominawx; minflok, iservu biex jagħtu forma lill-​bukkett u biex jgħaqqdu kollox flimkien. B’mod simili, dak li jikkonduċi jrid iżomm f’moħħu li l-​irwol tiegħu mhuwiex li jitkellem ħafna hu, imma li jikkumplimenta l-​espressjonijiet taʼ tifħir taʼ dawk fil-​kongregazzjoni. Iva, meta l-​ħafna kummenti differenti li jingħataw mill-​kongregazzjoni u l-​ftit kummenti xierqa li jagħmel dak li jikkonduċi jitpoġġew flimkien bis-​sengħa, jifformaw bukkett mill-​isbaħ taʼ kliem li dawk kollha fl-​attendenza se jitgħaxxqu bih.

“Ħa Noffru Dejjem Sagrifiċċju taʼ Tifħir lil Alla”

10. Il-​Kristjani tal-​bidu kif qiesu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni?

10 Id-​deskrizzjoni taʼ Pawlu tal-​laqgħat Kristjani li tinsab fl-​1 Korintin 14:26-​33 tgħinna nifhmu aħjar kif dawn il-​laqgħat kienu jitmexxew fl-​ewwel seklu. Rigward dawn il-​versi, wieħed studjuż tal-​Bibbja jikteb: “L-​iktar ħaġa li tispikka dwar quddiesa tal-​bidu żgur li kienet li kważi kulħadd kien iħossu kemm privileġġat kif ukoll obbligat li jikkontribwixxi xi ħaġa għaliha. Raġel ma kienx imur bl-​unika intenzjoni li joqgħod jismaʼ; ma kienx imur biss biex jirċievi imma wkoll biex jagħti.” Tabilħaqq, il-​Kristjani tal-​bidu kienu jqisu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni bħala opportunitajiet biex jesprimu l-​fidi tagħhom.—Rum. 10:10.

11. (a) X’jikkontribwixxi bil-​kbir għal laqgħat inkuraġġanti, u għala? (b) Liema suġġerimenti nistgħu napplikaw biex intejbu l-​kummenti tagħna fil-​laqgħat? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

11 Meta nesprimu l-​fidi tagħna fil-​laqgħat nikkontribwixxu bil-​kbir biex “tinbena l-​kongregazzjoni.” Żgur li taqbel li ilna kemm ilna nattendu l-​laqgħat, nibqgħu nieħdu gost nisimgħu l-​kummenti li jagħmlu ħutna. Aħna nitqanqlu minn tweġiba mill-​qalb taʼ xi sieħeb fit-​twemmin imdaħħal fiż-​żmien u leali; inħossuna inkuraġġiti minn xi osservazzjoni għaqlija li jagħmel anzjan li juri interess; u ma nistgħux ma nitbissmux meta xi tifel joħroġ b’xi kumment spontanju li jesprimi mħabba ġenwina għal Ġeħova. B’mod ċar, billi nikkummentaw, ilkoll kemm aħna nieħdu sehem f’li nagħmlu l-​laqgħat Kristjani inkuraġġanti. b

12. (a) X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji taʼ Mosè u Ġeremija? (b) It-​talb liema rwol għandu f’li nikkummentaw?

12 Però, jistaʼ jkun verament taʼ sfida għal dawk li huma mistħijin biex jikkummentaw. Jekk dan hu minnu fil-​każ tiegħek, jistaʼ jkun t’għajnuna jekk tiftakar li s-​sitwazzjoni tiegħek hija komuni. Fil-​fatt, anki qaddejja leali t’Alla bħal Mosè u Ġeremija esprimew nuqqas taʼ fiduċja fl-​abbiltà tagħhom li jitkellmu fil-​pubbliku. (Eżo. 4:10; Ġer. 1:6) Madankollu, sewwasew bħalma Ġeħova għen lil dawk il-​qaddejja tal-​qedem biex ifaħħruh pubblikament, Alla se jgħinek toffri sagrifiċċji taʼ tifħir. (Aqra Ebrej 13:15.) Kif tistaʼ tirċievi l-​għajnuna taʼ Ġeħova f’li tegħleb il-​biżaʼ tiegħek li tikkummenta? L-​ewwel, ipprepara sew għal-​laqgħa. Imbagħad, qabel ma tmur is-​Sala tas-​Saltna, itlob lil Ġeħova u staqsih b’mod speċifiku ħalli jagħtik il-​kuraġġ biex tikkummenta. (Flp. 4:6) Int tkun qed titlob għal xi ħaġa li hi “skond ir-​rieda tiegħu,” allura tistaʼ tkun fiduċjuż li Ġeħova se jwieġeb it-​talb tiegħek.—1 Ġw. 5:14; Prov. 15:29.

Laqgħat li l-​Għan Tagħhom Hu li ‘Jibnu, Jinkuraġġixxu, u Jfarrġu’

13. (a) Liema effett għandu jkollhom il-​laqgħat tagħna fuq dawk fl-​attendenza? (b) Liema mistoqsija hi importanti b’mod speċjali għall-​anzjani?

13 Pawlu jgħid li skop importanti tal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni hu li ‘jibnu, jinkuraġġixxu, u jfarrġu’ lil dawk fl-​attendenza. c (1 Kor. 14:3) L-​anzjani Kristjani llum kif jistgħu jagħmlu ċert li t-​taħditiet tagħhom tabilħaqq jibnu u jfarrġu lil ħuthom? Biex inwieġbu, ejja nikkunsidraw laqgħa li kkonduċa Ġesù ftit wara l-​irxoxt tiegħu.

14. (a) Liema ġrajjiet seħħew qabel laqgħa li ppjana Ġesù? (b) L-​appostli għala żgur ħassewhom mistriħin meta “Ġesù resaq lejhom” u kellimhom?

14 L-​ewwel, innota l-​ġrajjiet li seħħew qabel din il-​laqgħa. Ftit qabel ma Ġesù ġie maqtul, l-​appostli “abbandunawh u ħarbu,” u bħalma kien imbassar, ‘xterdu kull wieħed lejn daru.’ (Mk. 14:50; Ġw. 16:32) Imbagħad, wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù stieden lill-​appostli tiegħu li kellhom qalbhom sewda biex jattendu laqgħa speċjali. d Bi tweġiba, “il-​ħdax-​il dixxiplu marru fil-​Galilija lejn il-​muntanja fejn Ġesù kien ftiehem biex jiltaqaʼ magħhom.” Meta waslu, “Ġesù resaq lejhom” u kellimhom. (Mt. 28:10, 16, 18) Immaġina kemm ħassewhom mistriħin l-​appostli meta Ġesù ħa l-​inizjattiva! Ġesù xi ddiskuta?

15. (a) Ġesù liema suġġetti kkunsidra, imma x’ma semmiex? (b) Dik il-​laqgħa kif effettwat lill-​appostli?

15 Ġesù beda billi għamel avviż: “Lili ngħatat kull awtorità.” Imbagħad tahom inkarigu: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli.” Fl-​aħħar, tahom din l-​assiguranza mill-​qalb: “Jien magħkom il-​jiem kollha.” (Mt. 28:18-​20) Imma nnotajt x’m’għamilx Ġesù? Ma ċanfarx lill-​appostli tiegħu; lanqas ma uża dik il-​laqgħa biex jiddubita mill-​motivi tagħhom jew biex iġegħelhom iħossuhom iktar ħatjin billi joqgħod jirreferi għan-​nuqqas taʼ fidi mumentanja tagħhom. Minflok, Ġesù reġaʼ assigurahom mill-​imħabba tiegħu u taʼ Missieru billi fdahom b’inkarigu importanti. Il-​mod kif Ġesù ffaċċja s-​sitwazzjoni kif effettwa lill-​appostli? Tant ħassewhom mibnijin, inkuraġġiti, u mfarrġin li ftit taż-​żmien wara dik il-​laqgħa għal darb’oħra kienu qed “jgħallmu u jxandru . . . l-​aħbar tajba.”—Atti 5:42.

16. L-​anzjani Kristjani llum kif jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù f’li jikkonduċu laqgħat li huma sors taʼ serħan?

16 L-​anzjani llum jimitaw lil Ġesù billi jqisu l-​laqgħat bħala opportunitajiet biex jassiguraw lil sħabhom fit-​twemmin mill-​imħabba li ma tonqos qatt li Ġeħova għandu għall-​poplu tiegħu. (Rum. 8:38, 39) Għalhekk, fit-​taħditiet tagħhom, l-​anzjani jiffokaw fuq it-​tajjeb taʼ ħuthom, mhux fuq in-​nuqqasijiet tagħhom. Ma jiddubitawx mill-​motivi taʼ ħuthom. Minflok, l-​espressjonijiet tagħhom jikxfu li jqisu lil sħabhom fit-​twemmin bħala individwi li jħobbu lil Ġeħova u li jridu jagħmlu s-​sewwa. (1 Tess. 4:1, 9-​12) M’għandniex xi ngħidu, l-​anzjani kultant ikollhom jikkoreġu lill-​kongregazzjoni inġenerali, imma jekk ftit individwi biss għandhom bżonn jiġu aġġustati mill-​ġdid, ġeneralment ikun aħjar li parir bħal dan jingħata f’konversazzjoni privata maʼ dawk involuti. (Gal. 6:1; 2 Tim. 2:24-​26) Meta jindirizzaw lill-​kongregazzjoni sħiħa, il-​mira tal-​anzjani hi li jagħtu tifħir fejn ikun xieraq. (Is. 32:2) Jistinkaw biex jitkellmu b’tali mod li fi tmiem il-​laqgħa, dawk kollha fl-​attendenza jħossuhom rifreskati u msaħħin.—Mt. 11:28; Atti 15:32.

Post taʼ Kenn

17. (a) Għala huwa importanti iktar minn qatt qabel li l-​laqgħat tagħna jkunu post taʼ kenn? (b) X’tistaʼ tagħmel personalment biex tagħmel il-​laqgħat iktar inkuraġġanti? (Ara l-​kaxxa “Għaxar Modi Kif Tagħmel il-​Laqgħat Inkuraġġanti Għalik u Għal Oħrajn.”)

17 Hekk kif id-​dinja taʼ Satana ssir iktar u iktar oppressiva, irridu nagħmlu żgur li l-​laqgħat Kristjani tagħna jkunu post taʼ kenn—sors taʼ faraġ għal kulħadd. (1 Tess. 5:11) Oħt li flimkien maʼ żewġha kampat maʼ prova iebsa ftit tas-​snin ilu tiftakar: “Fis-​Sala tas-​Saltna konna nħossuna qisna qegħdin fl-​idejn teneri taʼ Ġeħova. Matul is-​sigħat li konna nkunu hemm, imdawrin minn ħutna l-​Kristjani, konna nħossu li stajna nitfgħu t-​tagħbija tagħna fuq Ġeħova, u esperjenzajna ċerta kalma ġewwinija.” (Salm 55:22) Jalla dawk kollha li jattendu l-​laqgħat tagħna jħossuhom bl-​istess mod inkuraġġiti u mfarrġin. Biex nagħmlu ċert li dan ikun minnu, ejja nkomplu nagħtu sehemna f’li nagħmlu l-​laqgħat Kristjani inkuraġġanti.

[Noti taʼ taħt]

a Kien imbassar li xi aspetti tal-​laqgħat Kristjani tal-​ewwel seklu kienu se jieqfu. Pereżempju, m’għadniex ‘nitkellmu bl-​ilsna’ jew ‘nipprofetizzaw.’ (1 Kor. 13:8; 14:5) Minkejja dan, l-​istruzzjonijiet taʼ Pawlu jgħinuna nifhmu aħjar kif il-​laqgħat Kristjani għandhom jitmexxew illum.

b Għal xi suġġerimenti dwar kif nistgħu ntejbu l-​kummenti tagħna fil-​laqgħat, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Settembru, 2003, paġni 19-​22.

c Rigward id-​differenza bejn “tinkuraġġixxi” u “tfarraġ,” Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words jispjega li l-​kelma Griega tradotta “tfarraġ” tfisser “grad iktar taʼ tenerezza mill-​[inkuraġġiment].”—Qabbel Ġwanni 11:19.

d Din forsi kienet l-​okkażjoni li Pawlu rrefera għaliha iktar tard meta qal li Ġesù “deher lil iktar minn ħames mitt ħu.”—1 Kor. 15:6.

Int Kif Twieġeb?

• Kemm huma importanti l-​laqgħat Kristjani?

• Il-​kummenti li jingħataw fil-​laqgħat għala jikkontribwixxu “biex tinbena l-​kongregazzjoni”?

• X’nistgħu nitgħallmu minn laqgħa li kkonduċa Ġesù mas-​segwaċi tiegħu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampi f’paġna 22,23]

GĦAXAR MODI KIF TAGĦMEL IL-​LAQGĦAT INKURAĠĠANTI GĦALIK U GĦAL OĦRAJN

Ipprepara bil-​quddiem. Meta tistudja bil-​quddiem il-​materjal li se jiġi diskuss fis-​Sala tas-​Saltna, il-​laqgħat se ssibhom iktar interessanti u se jħallu effett akbar fuqek.

Attendi regolarment. Ladarba attendenza tajba hi iktar inkuraġġanti għal kull min hu preżenti, il-​preżenza tiegħek tagħmel differenza.

Asal fil-​ħin. Jekk tkun bilqiegħda f’postok qabel ma jibda l-​programm, tkun tistaʼ tieħu sehem fl-​għanja u t-​talba tal-​ftuħ, li jagħmlu parti mill-​qima tagħna lil Ġeħova.

Ejja armat tajjeb. Ġib il-​Bibbja tiegħek u l-​pubblikazzjonijiet li nużaw matul il-​laqgħat sabiex tkun tistaʼ ssegwi u tifhem aħjar dak li jkun qed jintqal.

Evita l-​aljenazzjonijiet. Pereżempju, aqra l-​messaġġi tal-​mobile wara l-​laqgħa u mhux waqt li tkun għaddejja. B’hekk, iżżomm l-​affarijiet persunali fil-​post xieraq tagħhom.

Ipparteċipa. Meta iktar nies jagħmlu kummenti, iktar uħud iħossuhom inkuraġġiti u msaħħin mill-​espressjonijiet differenti tal-​fidi.

Żomm il-​kummenti qosra. Dan jagħti opportunità lil kemm jistaʼ jkun nies biex jieħdu sehem f’li jikkummentaw.

Wettaq l-​inkarigi. Bħala student fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku jew bħala parteċipant fil-​Laqgħa tas-​Servizz, ipprepara sew, ipprattika bil-​quddiem, u agħmel ħiltek biex ma tikkanċellax l-​inkarigi tiegħek.

Faħħar lil dawk li jieħdu sehem. Għid lil dawk li jkollhom sehem fil-​laqgħa jew li jikkummentaw kemm huma apprezzati l-​isforzi tagħhom.

Assoċja. Tislim mill-​qalb u konversazzjoni li tibni qabel u wara l-​laqgħat iżidu ħafna mal-​ferħ u l-​benefiċċji li niksbu meta nkunu preżenti.