Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huwa Possibbli li Tkun Kuntent?

Huwa Possibbli li Tkun Kuntent?

“Il-​kuntentizza tagħmel lin-​nies foqra għonja; in-​nuqqas taʼ kuntentizza jagħmel lin-​nies għonja foqra.” —Benjamin Franklin.

BĦALMA jgħid dan il-​proverbju, ħafna nies irrealizzaw li l-​kuntentizza ma tistax tixtriha, bħallikieku kienet xi merkanzija. Mhux taʼ b’xejn li l-​kuntentizza—sentiment ġewwieni taʼ sodisfazzjon—tidher diffiċli li tinkiseb f’dinja li tippromwovi x-​xewqa li wieħed ikollu iktar ġid materjali, suċċessi akbar, jew li jgħix il-​ħajja li jgawdi ħaddieħor! Effettwak xi ħaġa minn dan li ġej?

• Dawk li jirreklamaw jibbombardjawk bil-​messaġġ li jekk tixtri ħafna affarijiet tikseb il-​kuntentizza.

• Il-​kompetizzjoni fuq ix-​xogħol jew fl-​iskola ġġiegħlek tirraġuna li sabiex tqis lilek innifsek taʼ valur, trid tagħmel l-​affarijiet li jkun kapaċi jwettaq ħaddieħor.

• In-​nies ma japprezzawx dak li tkun għamilt magħhom.

• Il-​ħbieb iġegħluk tgħir għal dak li għandhom huma.

• Il-​mistoqsijiet fundamentali li għandek dwar il-​ħajja jibqgħu ma jiġux imweġbin.

Meta tiffaċċja sfidi bħal dawn, huwa tassew possibbli li tkun kuntent? L-​appostlu Pawlu rrefera għas-​“sigriet” taʼ li wieħed ikun kuntent. Kultant kien jgħaddi b’ħafna u kultant kien ikollu jgħaddi bi ftit. Ħbiebu kienu jammirawh, iżda oħrajn kienu jwaqqgħuh għaż-​żuffjett. Madankollu, hu qal li kien ‘tgħallem ikun kuntent f’kull ċirkustanza.’—Filippin 4:11, 12.

Il-​kuntentizza hija sigriet għax dawk li qatt ma ħadu passi biex jiksbuha ma jafux xi tfisser. Iżda, bħalma qal Pawlu, wieħed jistaʼ jitgħallem ikun kuntent. Issa nistidnuk tikkunsidra ħames sigrieti għall-​kuntentizza li jinsabu fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.