Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-​1 Sigriet

Ħobb lin-Nies, Mhux il-Flus u l-Ġid Materjali

Ħobb lin-Nies, Mhux il-Flus u l-Ġid Materjali

IL-​BIBBJA X’TGĦALLEM? “L-​imħabba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.”—1 Timotju 6:10.

X’INHI L-​ISFIDA? Dawk li jirreklamaw jagħmlulna pressjoni biex ma nkunux kuntenti b’dak li għandna. Huma jriduna nitjassru biex nakkwistaw il-​flus ħalli nkunu nistgħu nonfquhom f’oġġetti aħjar, akbar, u iktar ġodda. Il-​flus huma sbieħ u nistgħu faċilment insiru nħobbuhom. Madankollu, il-​Bibbja twissi li min iħobb ir-​rikkezzi qatt ma jkun kuntent. “Min iħobb il-​fidda ma jixbax bil-​fidda, u lanqas min iħobb l-​għana ma jixbaʼ bid-​dħul,” kiteb is-​Sultan Salamun.—Ekkleżjasti 5:10.

X’TISTAʼ TAGĦMEL? Imita lil Ġesù, u tgħallem ħobb lin-​nies iktar milli l-​affarijiet materjali. Ġesù kien lest li jċedi kulma kellu—saħansitra ħajtu—għax kellu l-​imħabba għan-​nies. (Ġwanni 15:13) Hu qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Jekk niħduha drawwa li nagħtu mill-​ħin u mir-​riżorsi tagħna lil oħrajn, in-​nies se jirreaġixxu bl-​istess mod. Ġesù qal: “Idraw agħtu, u n-​nies jagħtukom.” (Luqa 6:38) Dawk li jkunu moħħhom fil-​flus u fil-​ġid materjali jikkaġunaw ħafna wġigħ u tbatija lilhom infushom. (1 Timotju 6:9, 10) Mill-​banda l-​oħra, il-​kuntentizza vera tiġi meta wieħed iħobb u jkun maħbub.

Għala ma tipprovax tara jekk tistax tissimplifika ħajtek? Tistaʼ tnaqqas l-​ammont t’affarijiet li diġà għandek jew li qed taħseb biex tixtri? Jekk tagħmel dan, se tirrealizza li għandek iżjed ħin u enerġija għall-​affarijiet iktar importanti fil-​ħajja—li tgħin lin-​nies u taqdi lil Alla, li tak kulma għandek.—Mattew 6:24; Atti 17:28.

[Stampa f’paġna 4]

“Idraw agħtu, u n-​nies jagħtukom”