Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ibqaʼ Żomm Attitudni t’Apprezzament

Ibqaʼ Żomm Attitudni t’Apprezzament

It-​3 Sigriet

IL-​BIBBJA X’TGĦALLEM? “Roddu ħajr f’kollox.”—1 Tessalonikin 5:18.

X’INHI L-​ISFIDA? Aħna ninsabu mdawrin b’nies li huma mkabbrin u ingrati, u dawn l-​attitudnijiet jistgħu jeffettwawna. (2 Timotju 3:1, 2) Iktar minn hekk, nistgħu nitħajru ndeffsu iktar u iktar attivitajiet fil-​ħajja mgħaġġla li diġà għandna. Nistgħu tant niġu mtaqqlin bil-​problemi jew medhijin insusu wara l-​interessi persunali tagħna stess li ma jkollniex ħin biex napprezzaw dak li diġà għandna jew biex nesprimu apprezzament għal dak li jagħmel ħaddieħor għalina.

X’TISTAʼ TAGĦMEL? Warrab il-​ħin biex timmedita fuq l-​affarijiet tajbin li qed tgawdi issa. M’għandniex xi ngħidu, għandu mnejn tħossok mifni bil-​problemi. Iżda kkunsidra l-​eżempju tas-​Sultan David. Kultant hu ħassu mfarrak, u qalbu mifnija bil-​provi. Iżda hu xorta talab lil Alla: “Immeditajt fuq l-​attività kollha tiegħek; minn qalbi bqajt nikkunsidra xogħol idejk.” (Salm 143:3-​5) Minkejja l-​provi li għadda minnhom, David xorta baqaʼ jżomm attitudni t’apprezzament u baqaʼ kuntent.

Aħseb ftit dwar x’għamlu oħrajn biex jgħinuk, u esprimi apprezzament għall-​isforzi tagħhom. Ġesù ħalla eżempju li jispikka f’dan ir-​rigward. Pereżempju, meta Marija ferrgħetlu fuq rasu u fuq saqajh żejt li kien jiswa ħafna flus, xi wħud staqsew: “Għala dan il-​ħela taʼ żejt ifuħ?” a Dawn il-​kritiċi ħassew li ż-​żejt kellu jiġi mibjugħ u l-​flus jingħataw lill-​foqra. Ġesù wieġeb: “Ħalluha. Għala qed tipprovaw taqilgħulha l-​inkwiet?” Imbagħad hu kompla jgħid: “Hi għamlet dak li setgħet.” (Marku 14:3-​8; Ġwanni 12:3) Minflok ma ffoka fuq dak li Marija m’għamlitx, Ġesù esprima l-​apprezzament tiegħu għal dak li għamlet.

Xi wħud japprezzaw il-​familja, il-​ħbieb, jew barkiet oħrajn li jkollhom biss wara li jkunu tilfuhom. Int tistaʼ tevita din il-​konsegwenza taʼ niket billi tirrifletti fuq l-​affarijiet tajbin li qed tgawdi issa! Għala ma żżommx amment jew tniżżel bil-​miktub l-​affarijiet li tħossok grat għalihom?

Peress li “kull rigal perfett” fl-​aħħar mill-​aħħar jiġi mingħand Alla, nagħmlu tajjeb li nesprimu l-​gratitudni tagħna lejh fit-​talb. (Ġakbu 1:17) Jekk nagħmlu dan b’mod regulari nistgħu niġu megħjunin nibqgħu nżommu attitudni t’apprezzament u nikkultivaw il-​kuntentizza.—Filippin 4:6, 7.

[Nota taʼ taħt]

a Fl-​ewwel seklu, it-​tferrigħ taż-​żejt fuq ras xi mistieden kien ġest taʼ ospitalità; it-​tferrigħ taż-​żejt fuq is-​saqajn kien att taʼ umiltà.

[Stampa f’paġna 6]

Tesprimi int apprezzament għal dak li jagħmlu oħrajn għalik?